Saviour Balzan | Aħleb Ġuż u l-UĦM
Mintoff kien magħruf għall-frażi, "aħleb Ġuż" u hekk sirna, naħilbu kemm nifilħu …
Issa jiena niftaħar kemm inħobbhom il-Franċiżi. Forsi aktar milli nħobb il-Franċiżi, nħobb il-pajsaġġ u l-ikel. Ma hawnx pajjiż isbaħ minn Franza. Dawk l-irħula mhux mittiefsa u dak l-ikel tal-bistro fil-kampanja - b’€10 tagħmel festa.
Imma ħaġa idejjaqni fil-Franċiżi. Jemmnu li l-Istat qiegħed hemm biex taħleb kemm trid u meta ma jkunx biżżejjed nduru għall-protesti u l-azzjonijiet industrijali. Hekk għamlu l-għalliema Franċiżi f’nofs il-pandemija. Jipprotestaw għal kundizzjonijiet aħjar.
Ma setgħux kienu aktar egoisti milli kienu.
U għalhekk meta rajt l-azzjonijiet industrijali tal-UĦM għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, f’nofs kriżi esitenzjali f’pandemija li tmiemha għadu ma jidhirx, għedt lili nnifsi 'imma dawn bis-serjeta?'
Il-UĦM ordnat 1,300 ħaddiema magħrufin bħala health workers biex jieħdu azzjoni industrijali. Issa jista' jkun li l-UĦM għandhom raġun, imma b’kull rispett - ara vera ma għandhomx rispett tal-fatt li hawn tant nies qed jagħmlu sagrifiċċji kbar bħalissa. Dan apparti l-ovvju, jiġifieri li bħalissa għandha bżonn kbir li l-qasam tas-saħħa jibqa' jiffunzjona.
Il-UĦM qalet li l-Gvern qed jinjora l-ftehim kollettiv … u jkolli nammetti li verament ma hemmx kliem ieħor biex tiddeskrivi il-UĦM, ħlief li huma distakkati mir-realtà u egoisti kbar. Dawn jafu f’liema stat qegħdin eluf ta' ħaddiema fis-settur privat?
Minn naħa l-oħra l-Gvern għalija pastizz kbir, ikompli joħroġ il-pagi sħaħ anki jekk jaf li hemm kriżi kbira finanzjarja u ekonomika. Tal-anqas il-health workers qed jaħdmu u għandi nifhem b’ilsienhom barra. Imma xi tgħid għall-ażjendi oħra ffinanzjati mit-taxxi tiegħi u tiegħek li ma għandhom ebda xogħol bħalissa. Trid nibda nsemmi?
Kieku il-Gvern kienet kumpanija privata kieku ilha li keċċiet in-nies, jew naqset il-pagi. Imma l-Gvern sar qisu baqra li tipproduċi l-ħalib dejjem u meta trid. Mintoff kien magħruf għall-frażi, "aħleb Ġuż" u hekk sirna, naħilbu kemm nifilħu …
Xi darba ser nqumu filgħodu u dik il-baqra tkun ilha li għosfrot.