Saviour Balzann | Sur Prim Ministru, tabdikax mill-poter kompletament
'Hu, bħala politiku jista' u għandu jindirizza il-prijoritijiet, mhux il-Kummissarju'
Jiena favur li jkollna istituzzjonijiet b’saħħithom. Favur li jkollna l-governanza, favur li jkollna ġudikatura u pulizija serja imma m’inix favur li l-Gvern jispiċċa bla poter ta’ xejn.
Wara l-qtil ta’ Caruana Galizia spiċċajna li f’daqqa waħda rridu insiru aktar Kattoliċi mill-Papa u dawk li kienu siekta meta kellna l-istess sistema mnejka issa saru l-orakli tal-verġinità. Ma għandix għalfejn insemmi l-ismijiet, għax tafu daqsi għal min qed nirreferi. Imma jkolli ngħid, meta narahom jippontifikaw jaqbadni d-dardir u l-ħruq ta’ stonku.
U għalhekk daqs kemm nieħu gost nara lill-Kummissarju Angelo Gafa' jkun serju u determinat, daqstant ieħor niddejjaq li nara lill-Kummissarju jiftaħar li hu ma jkellimx lill-Prim Ministru.
Stenna, x’hemm ħażin li jkellem lill-Prim Ministru?
Il-Prim Ministru huwa responsabbli mis-sigurtà, mill-pajjiz u ma jistax jitwarrab. Mela ser ikollna Stat ġo Stat?
Kieku l-Prim Ministru jindaħal u jgħidlu: “Hawn sur Kummissarju ma rridx li inti tarresta lill-aħwa Agius.” Imbgħad nifhem! Imma x’hemm ħażin li l-Prim Ministru jkollu ħjiel ta’ qed jagħmel il-Kummissarju?
Ilum il-Gvern qed jibża' li jistaqsi, li jkellem u anki jagħti direzzjoni lill-Pulizija. Mhux biżżejjed li l-Ministru Byron Camilleri jgħid li jagħti appoġġ lill-Kummissarju, irid jagħmel iktar minn hekk. Irid jara li l-Kummissarju qed jagħmel xogħolu u għandu l-prioritajiet f’posthom
Ma jfissirx li għax kien hemm Prim Ministri qabel li kienu mdawwrin minn ‘psewdo-kriminali’, issa ma nistgħux nafdaw lil dawk kollha li ġew eletti biex imexxu l-eżekuttiv.
Il-Prim Ministru għandu dover li jmexxi 'l quddiem l-istrateġija tas-sigurtà fil-pajjiż. Jista għada filgħodu jiddeċiedi jagħmel gwerra qaddisa kontra s-sewqan bl-addoċċ, id-droga, il-prostituzzjoni … il-kaċċa illegali.
Hu, bħala politiku jista' u għandu jindirizza il-prijoritijiet, mhux il-Kummissarju.
Din hija ħaġa normali f’soċjetà demokratika u li tħaddan il-politika tal-punent.
Mela Sur Prim Ministru kun konxju li inti għandek responsabbilità li ma titlifx l-kontroll.
U Sur Kummissarju kompli f’xogħlok, ħares is-sewwa, tħares lejn wiċċ ħadd - imma ftakar li fl-aħħar mill-aħħar il-pulizija għandhom ikunu soġġetti għad-direzzjoni politika.