Saviour Balzan | Imbarazz!
'Il-fatt hu sempliċi. Ir-reazzjoni tal-Gvern għall-kriżi tal-pandemija, falliet. Falla bil-kbir' - Balzan
Kelli Déjà vu kbira nhar il-Ħamis. Jien bħal eluf oħra, ninsab kwarantina għat-tieni darba, imma din id-darba l-virus sabni. Jew inkella sibt il-virus.
Meta qabel l-2013 konna nistaqsu mistoqsija antipatka, ħoll xagħref u sib iż-żejt, erħilhom jattakawna.
L-ewwel fil-filliera, Daphne ovvjament, dik li għal dawk kollha li kellhom l-ardir jikkritikaw il-Gvern Nazzjonalista, kienet toħroġ il-pinna u ġġibek titkellem waħdek. U warajha gzuz ta’ nies ta’ rieda tajba, dawk li ssib fil-ġemgħat tar-Repubblika u Occupy Justice, jgħajruk b’kull ma għandek u ma għandekx. Iva dawk tar-Repubblika u Occupy Justice.
U għalhekk meta, il-ġurnalista tal-MaltaToday Nicole Meilak staqsiet għaliex Charmaine Gauci ma tirriżenjax, għax hi qed toqgħod għal dak li jgħidulha l-politici u mhux ix-xjenza, ġara dak li kien jiġri meta konna ngħajru lil Daphne u s-segwaċi għomja tagħha li huma paraventi psataż tal-PN.
Fuq facebook, gruppi ta’ Laburisti injuranti u bħaħen intefgħu jitgħajru. Jitgħajru daqslikieku Charmaine kienet xi tarka tal-Partit Laburista. Intefgħu jgħidu ċ-ċucati. Fuq kollox kien hemm min suppost għandu aktar sens.
Fuq quddiem Mario Philip Azzopardi, dak li meta ċċensurawh taħt Gvern Mintoffjan, minflok ma qabad u ppoppa sidru, qabad u ħarab lejn il-Kanada u mbagħad ġie lura biex jimlina bl-għerf arroganti, mimli rabja u paternaliżmu liema bħalu. Kollu imbarazz.
Dan Azzopardi għax jaħseb li hu xi ħaġa u jaħseb li għandu don fuq ħaddiehor intefa’ jgħajjar lill-ġurnalisti. Dan li meta kien hawn l-għawġ u l-bżonn kont isibu daqs kemm isib nemes. Pulċinell fuq il-pulċinelli, fabbrika tar-rimettar u monument ta’ ksuħat intelletwali. Prużuntuż u mbarazz.
Dawn u oħrajn infxew jitgħajru bil-personal bħal ma kienet tagħmel Daphne. Mhuma xejn aħjar mill-pinna kattiva li kellha hi, pinna li Alla jbierek kulħadd nesa. Imma ftakart fiha għax għamlu eżatt bħalha.
U sa ċertu punt, ħadt pjaċir għax ikkonfermajt li l-problema mhux tribali iżda endemika għall-Maltin, inkluż dawk bħala Mario Philip Azzopardi, li meta ‘the going got tough,’ ma għamilx bħali u eluf ta’ Maltin oħra, imma telaq u mar jgħix il-Kanada ... ħasra li ma kienx għamel ħbieb ma’ Lou Bondi li kien hemm ukoll u għamel bħalu eżatt.
Il-fatt hu sempliċi. Ir-reazzjoni tal-Gvern għall-kriżi tal-pandemija, falliet.
Falla bil-kbir.
Ma jistax ikun li nkomplu nsibu skuzi.
Kellu jsir lockdown, kellhom isiru aktar restrizzjonijiet u daqshekk id-diskors li nwaħħlu fin-nies. In-nies trid tgħidilhom x’jagħmlu u mhux tistenna li jagħmlu.
U hekk hu, Charmaine Gauci kieku mxiet bix-xjenza kieku ilna b’aktar restrizzjonijiet. U l-verità nafuha, il-politiċi jiddeċiedu. Gauci tirrakonta d-deċiżjoni politika daqslikieku kienet tagħha.
Fl-aħħar ma nistax ma nsellimx lil-laburisti li għażlu li jgħajru lil Nicole Meilak. Ngħidilhom grazzi u jiddispjaċini għalikom. Jiddispjaċini li l-għerf tagħkom sa hemm jasal.
M’intomx differenti mir-rimettar tan-Nazzjonalisti kattivi.
U sakemm dak il-buffu pulċinell Mario Philip Azzopardi jerġa’ jimlina bl-għerf kbir tiegħu nagħmel appuntament magħkom għal ġimgħa d-dieħla.. dejjem fil-kwarantina. Dejjem fit-tama.