Jerome Caruana Cilia | Emerġenza?! X'Emerġenza?
'Inkun qed nonqos jekk ma naqsamx magħkom id-diżappunt għat-tpatpit żejjed li qal il-Prim Ministru Robert Abela matul din is-sena. Onestament kont nistenna ħafna aħjar minnu'
Sal-Ġimgħa 12 ta' Marzu 2021, kellna 3,188 każ attiv bit-total ta' każijiet jitla' għal 25,969. 346 ruħ sfaw vittmi ta' din il-pandemija. Madwar sena minn meta kellna l-ewwel każ ta' COVID-19 f'pajjiżna, kellna l-agħar ġimgħa b'numri ta' każijiet pożittivi ġodda telgħin saħansitra għal rekord ta' 510 każijiet f'jum wieħed biss.
Sa sitt xhur ilu, fil-11 ta' Settembru 2020, kienu ġew irreġistrati total ta' madwar 2,100 każi ta' COVID-19 f'pajjiżna. Dan ifisser li fl-aħħar sitt xhur biss, rajna żieda ta' aktar minn 23,500 każ ta' COVID-19 f'pajjiżna. Għad-daqs ta' pajjiżna n-numru ta' każijiet pożittivi huma għoljin u r-rata ta' trażmissjoni minn persuna għal oħra hi waħda notevoli.
F'dan il-mument ferm diffiċli, indur lejn il-professjonisti u l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa u ngħidilhom grazzi mill-qalb tal-ħidma kontinwa. Dawn il-persuni flimkien ma' bosta front liners oħra, f'diversi oqsma, baqgħu jagħtu servizz minkejja ċ-ċirkostanzi u l-isfidi li jkollhom jiffaċċjaw.
Tpatpit żejjed
Din il-pandemija mhix u m'għandiex tkun kwistjoni ta' politika partiġġjana. Jiżbalja minn iħares lejha b'dan il-mod. Jiżbalja minn għall-interess tal-voti jipperikola ħajjet in-nies. Jiżbalja min jara sal-ponta ta' mnieħru u ma jismax mill-esperti mediċi. Jiżbalja min ma jippjanax kif suppost. Jiżbalja min ma' jimmaniġġjax b'mod xieraq.
Inkun qed nonqos jekk ma naqsamx magħkom id-diżappunt għat-tpatpit żejjed li qal il-Prim Ministru Robert Abela matul din is-sena. Onestament kont nistenna ħafna aħjar minnu. Stennejt li se jkun aktar matur fid-diskors tiegħu. Ħa nkun ċar, nifhem li trid tgħolli l-moral u nifhem li trid tibqa' toffri tama f'mumenti mudlama. Imma ma nistax nifhem għalfejn sa minn Mejju tas-sena l-oħra beda jparla fil-vojt. Sena li fiha, għal aktar minn darba, ma kienx ġenwin mal-poplu u pprova jagħti stampa li mhix veritiera.
Qabel is-sajf tas-sena l-oħra fuq l-istazzjon One, il-Prim Ministru Abela qal: “Obdu r-regolamenti kollha għaliex ma rridx li tħarbtuli s-sajf”. Meta l-esperti mediċi u x-xjenza kienet qed turina li pandemija ta' dan it-tip kapaċi jkollha t-tieni mewġa (jew saħansitra aktar minn tnejn kif filfatt rajna), il-Prim Ministru , b'mod irresponsabbli qal: “Smajt ħafna bit-tieni mewġa u mhux it-tieni mewġa... il-mewġ fil-baħar qiegħed”.
F'mument meta bosta familji tilfu qarib minħabba din il-pandemija, meta bosta ħaddiema tilfu xogħolhom, meta bosta self-employed qegħdin imsallbin. Meta bosta intrapriżi żgħar u medji qegħdin f'xifer falliment, il-Prim Ministru minflok jifhem u jempatizza, ikompli jparla żejjed u b'mod surreali tenna li: “meta ngħid li verament qed ngħixu f'ġenna... f'dal pajjiż qed ngħixu f'ġenna f'dan il-mument”.
Id-diskors b'nuqqas ta' responsabbiltà ma waqafx. “Minn Marzu nkunu nistgħu nibdew mexjin lura lejn ir-ritorn għan-normalità” qal il-Prim Ministru Abela, u imbgħad kompla jgħid li “sa Mejju irrid nara li nkunu business as usual”. Dan il-paroli żejjed kompla jkisser lil min diġà kien qiegħed f'sitwazzjoni imwegħra.
Mument li jitlob maturità u kompetenza
Quddiem dan kollu, nissuġġerixxi li b'mod immedjat tissejjaħ emerġenza nazzjonali fis-saħħa pubblika biex b’hekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jingħataw poteri addizzjonali biex jieħdu dawk id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu mill-iktar fis u mingħajr il-bżonn tal-approvazzjoni tal-politiku.
Jien qiegħed fil-politika biex inkun leħen sod għaż-żgħir u l-vulnerabbli. Leħen sod għal dawk li huma bla leħen. Leħen sod għal dawk li ħafna drabi jiġu injorati jew saħansitra użati b'mod viljakk. It-tpatpit żejjed tal-Prim Ministru injora għal kollox ħajjet il-vulnerabbli. Dan hu l-mument li jitlob politiċi maturi u kompetenti. Politiċi li jiddeċiedu, u li jagħmlu dan b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza.
Nieħdu ħsieb xulxin
“Ilni sena ma mmurx għand uliedi. Ilni sena ma ngħannaqx lin-neputijiet. Ilni madwar sena li tlift lil missieri. Ilna sena ma noħorġu bħala familja bil-kuġini b'kollox. Ilni sena ma naħdem mill-uffiċċju u minflok naħdem mid-dar. Ilni sena ma' naqla' lira. Ilni sena ma nsiefer. Ilni sena nkisser moħħi kif se ngħajjex familja. Ilni sena ma niekol ġo ristorant jew winebar. Ilni sena ma narma għall-festa. Ilni sena ma mmur il- gym . Ilni sena ma nieħu ġurnata leave għaliex naħdem l-isptar. Ilni sena ma' mmur il-grawnd. Ilni sena ma nattendi fashion show . Ilni sena ma mmur it-teatru. Ilni sena ma' nieħu flixkun birra ma' sħabi. Ilni sena naħdem bis-sigħat imnaqqsa. Ilni sena f'din ir-rutina. Ilni sena mbeżża' mill-COVID-19. Ilni sena maqfula ġewwa. Ilni sena waħdi. Ilni sena nbati s-solitudni. Ma niflaħx iktar.”
Dawn huma wħud mill-frażijiet li smajt. Esperjenzi differenti. Dan huwa l-impatt ta' din il-pandemija fuq kull wieħed u waħda minna. Din hi r-realtà li qed ngħixu fiha. Għaldaqstant ma nieqaf qatt nappella biex nibqgħu nieħdu ħsieb lil xulxin, partikolarment f'dan il-mument ferm diffiċli.
In-numri huma li huma. Jistgħu jonqsu biss billi niġbdu ħabel wieħed u naħdmu flimkien. L-ewwel u qabel kollox billi nkunu viġilanti għalina nfusna għaliex b'dan il-mod żgur li nkunu viġilanti għal ta' madwarna wkoll. Kuraġġ. Nemmen li flimkien naslu; imma jeħtieġ li npoġġu l-ġid komuni qabel kull interess personali. Huwa żmien diffiċli, żmien ta' sagrifiċċju, imma jeħtieġ li noħorġu minnu magħqudin flimkien. Flimkien irridu naħdmu biex għada jkun aħjar mil-lum.