Renee Laiviera | Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali

Iż-żgħażagħ wrew bil-kbir l-appoġġ tagħhom fl-2020, fid-dimonstrazzjonijiet li saru mill-Moviment Black Lives Matter, li beda fl-Istati Uniti u nfirex madwar id-dinja wara l-qtil brutali ta’ George Floyd mill-pulizija Amerikana

Tgħanniqa ta' mħabba waqt il-protesti ta' Black Lives Matter
Tgħanniqa ta' mħabba waqt il-protesti ta' Black Lives Matter

Fil-21 ta’ Marzu tal-1960, il-pulizija kienu sparaw u qatlu 69 persuna waqt dimostrazzjoni paċifika fi żmien ir-reġim tal-Apartheid, f’Sharpeville fl-Afrika t’Isfel. Minn dakinhar  ‘l hawn, din id-data ġiet iddikjarata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali. 

F’dan il-jum niftakru f’dawk il-persuni li nqatlu minħabba d-diskriminazzjoni razzjali, u nqajmu kuxjenza fuq it-tbatija li jgħaddu minnha ħafna nies minħabba nuqqas ta’ tolleranza abbażi ta’ razza. B’hekk dan il-jum ikompli jinkoraġġina sabiex nibqgħu niġġieldu kull għamla ta’ diskriminazzjoni razzjali.

Biex jissaħħaħ dan il-messaġġ in-Nazzjonijiet Uniti għażlet it-tema “Iż-Żgħażagħ jiġġieldu kontra r-razziżmu” għal din is-sena. Din it-tema għandha l-għan li trawwem kultura globali ta' tolleranza u ugwaljanza, u li titlob lil kull wieħed u waħda minna biex naħdmu kontra l-preġudizzju razzjali u l-attitudnijiet intolleranti. 

Iż-żgħażagħ wrew bil-kbir l-appoġġ tagħhom fl-2020, fid-dimonstrazzjonijiet li saru mill-Moviment Black Lives Matter, li beda fl-Istati Uniti u nfirex madwar id-dinja wara l-qtil brutali ta’ George Floyd mill-pulizija Amerikana. Ħafna żgħażagħ ingħaqdu flimkien biex jipprotestaw kontra l-inġustizzja razzjali waqt li fuq il-midja soċjali, huma appellaw lil sħabhom sabiex jitkellmu u jiddefendu d-drittijiet ugwali ta' kulħadd.

Dan l-istess attiviżmu fost iż-żgħażagħ huwa wkoll mistenni propju din is-sena fil-kuntest tal -pandemija tal-COVID-19 li esponiet inugwaljanzi partikolarment fejn jidħol ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali. Hekk kif fl-2020, bdiet l-imxija tal-COVID-19,  persuni ta’ dixxendenza Asjatika kienu vittmi ta’ diskors razzista fuq il-mezzi soċjali. Dawn il-persuni ġew ukoll akkużati li xerrdu l-COVID-19 fl-Ewropa. Dan fost attakki vjolenti mmotivati ​​razzjalment kontra persuni Asjatiċi fl-Ewropa.

Din il-mibegħda razzjali seħħet minkejja x-xogħol li sar matul is-snin sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni razzjali partikolarment mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) li ġiet stabbilita fl-1993 mill-Kunsill tal-Ewropa bħala l-korp uffiċjali u indipendenti ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-intolleranza. L-ECRI twettaq il-miżuri meħtieġa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni abbażi ta' razza, oriġini nazzjonali/etnika, kulur, ċittadinanza, reliġjon u lingwa (diskriminazzjoni razzjali), intolleranza, orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess. L-ECRI tkopri wkoll il-monitoraġġ ta’ pajjiżi differenti, inkluż Malta, u taħdem mas-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza. 

F’Malta wkoll qiegħed isir ħafna xogħol f’dan ir-rigward. Fis-sena 2020, tnediet Konsultazzjoni Pubblika għal Pjan t’Azzjoni kontra r-Razziżmu u l-Xenofobja. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwljanza (l-NCPE) ipprovdiet ukoll il-kontribut tagħha għal din il-Konsultazzjoni Pubblika li hija żvilupp importanti fil-kisba ta’ soċjetà inklussiva. Il-Konsultazzjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku inġenerali sabiex jaqsmu esperjenzi ta’ razziżmu u xenofobija f’Malta, u sabiex jissottomettu l-ideat addizzjonali għal Pjan t’Azzjoni aktar effettiv.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, l-NCPE taħdem sabiex tħares l-ugwaljanza abbażi ta' razza u oriġini etnika fl-impjiegi, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali, fil-banek u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll fil-provvediment u l-aċċess ta' oġġetti u servizzi.  Sabiex tindirizza tali  diskriminazzjoni l-NCPE tipprovdi wkoll lil kull entità, dipartiment jew organizzazzjoni li jitolbuha, taħriġ dwar id-diversità, l-ugwaljanza u n-non diskriminazzjoni. Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ iqajmu kuxjenza dwar l-ugwaljanza u suġġetti relatati. Dan kollu fost ħafna kampanji ta’ għarfien li l-NCPE tagħmel matul is-sena fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, kemm fuq il-midja tradizzjonali kif ukoll fuq il-pjattaformi soċjali. 

Imma aktar minn hekk, il-Kummissjoni tinvestiga każijiet ta’ allegat diskriminazzjoni fejn din isseħħ fil-kuntesti varji msemmijin hawn fuq.

Id-diskriminazzjoni razzjali u etnika hi realtà ta' kuljum għal bosta nies madwar id-dinja. L- Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tisħaq li kwalunkwe superjorità bbażata fuq id-divrenzjar razzjali hija moralment kundannabbli u m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni razzjali, fit-teorija jew fil-prattika. Ejja naħdmu biex neliminawha.

Għal aktar informazzjoni tista’ tagħmel kuntatt mal-NCPE fuq 22957850 jew billi tidħol fuq il-websajt www.ncpe.gov.mt 

More in Politika