Alex Agius Saliba | Il-ġlieda kontra l-pandemija mhux għal kulħadd priorità
Ma nistax ma naċċennax għal-logħob maħmuġ li qed ikomplu jilgħabu l-Grupp tal-Popolari Ewropej spalla ma’ spalla mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fosthom Roberta Metsola, li hija l-Viċi President tal-Parlament Ewropew, u ma’ Simon Busuttil
Matul din l-aħħar sena l-aġenda tad-dinja tħarbtet u nqelbet ta’ taħt fuq. Is-saħħa u l-ġlieda kontra l-pandemija saru ċ-ċentru ta’ kollox u ta’ kulħadd. Żgur li ħadd ma kien qed jobsor li kienet ser tiżvolġi hekk din il-kwistjoni, fejn spiċċajna b’waħda mill-agħar traġedji umani tal-istorja moderna tad-dinja. Inħarsu lura u naraw warajna sena ta’ weġgħat u impatt estensiv li din il-pandemija kellha fuq id-dinja, impatt kbir li jidher fl-istatistiċi, bil-miljuni kbar li ġew infettati u miljuni oħra li mietu. Aktar minn hekk, hemm id-dehxa qawwija li ħadet l-ekonomija globali.
It-triq għall-irkupru hija waħda twila u li ser tieħu ż-żmien pero’ mhux impossibbli li noħorġu minnha. M’għandniex inħallu lil min jaqtalna qalbna u jġiegħlna naħsbu li din is-sitwazzjoni hija rriversibbli. F’pajjiżna għandna tassew biex inkunu kburin bis-servizz tas-saħħa, bit-tmexxija u l-koordinament li qed iwettqu b’tant dedikazzjoni l-awtoritajiet tas-saħħa, u bid-direzzjoni politika li qed tingħata mill-Gvern. L-ebda Gvern ma kien perfett, imma l-ebda Gvern ma kellu mudell jew xi manwal biex jiggwidah l-anqas. Kull pajjiż kellu biss jieħu d-deċiżjonijiet u jkun preparat jadatta għal kull sitwazzjoni li sab ma’ wiċċu. F’pajjiżna għandna Gvern li qed jaħdem bla heda biex noħorġu mill-pandemija kemm jista’ jkun malajr, u qed jagħmel dan b’responsabbilta’ u mhux għal xi raġuni patetika bħalma smajna mill-Kap tal-Oppożizzjoni ftit tal-ġimgħat ilu … meta jasal il-waqt immorru għall-elezzjoni wkoll u l-poplu jerġa’ jagħmel l-għażla t-tajba, imma bħalissa l-priorita’ hija li naraw li jaslu aktar dożi tal-vaċċin u jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies.
Għandna nqawwu qalbna għaliex f’pajjiżna t-tilqim għaddej b’ritmu tajjeb ħafna u saħansitra qed inkunu qabel il-pjan skedat, fejn bħalissa pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ tilqim tal-popolazzjoni u persentaġġ għoli ta’ persuni vulnerabbli diġa’ ġew imlaqqmin. Sa din il-ġimgħa stess ġie mħabbar il-ftuħ ta’ aktar ċentri fejn qed isir it-tilqim, biex issa pajjiżna bħalissa għandu erbgħin ċentru b’kollox. Pero’ f’dan l-istadju, importanti ferm li nibqgħu ddixxiplinati u nkunu responsabbli ħalli nipproteġu lilna nfusna u lil ta’ madwarna. Irridu nibqgħu konxji tal-fatt li din ir-realta’ ser tibqa’ magħna tal-inqas fil-futur immedjat u għaldaqstant irridu nibqgħu nagħmlu ħilitna biex inwaqqfu t-tixrid tal-vajru billi nibqgħu nisimgħu mill-awtoritajiet tas-saħħa u nieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji.
Matul il-ġimgħa li għaddiet fuq livell Ewropew rajna ħafna aħbarijiet, fosthom dik tal-Kanċillier tal-Awstrija li lmenta pubblikament li Malta u l-Olanda akkwestaw aktar dożi tal-vaċċin minn Stati Membri oħra, u ftit ġranet wara ħarġet l-aħbar li uffiċċjal għoli li kien inkarigat mill-ordnijiet u t-tqassim tal-vaċċin fl-Awstrija rriżenja b’rabta ma’ allegat żbalji li wettaq f’xogħlu. Rajna wkoll aħbarijiet oħra dwar it-tilqima ta’ Oxford-Astra Zeneca, fejn wara li tlettax -il Stat Membru ssosspenda l-użu tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kkonfermat li l-vaċċin huwa sigur, effettiv u li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn il-kundizzjoni tat-trombożi u t-tilqima, u għalhekk reġa’ beda t-tilqim kif kien skedat. Importanti ferm li nsegwu l-evidenza xjentifika, inwarrbu l-biżgħa u meta jasal il-waqt nitlaqqmu ħalli nkunu protetti.
Fl-aħħar nett, ma nistax ma naċċennax għal-logħob maħmuġ li qed ikomplu jilgħabu l-Grupp tal-Popolari Ewropej spalla ma’ spalla mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fosthom Roberta Metsola, li hija l-Viċi President tal-Parlament Ewropew, u ma’ Simon Busuttil li huwa s-segretarju tal-Grupp. Waqt li għaddejjin b’dan kollu u l-attenzjoni kollha mitfugħa fuq il-pandemija, din il-ġimgħa dawn reġgħu kienu moħħhom biss dwar kif ser ikomplu jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Xogħolhom fil-kurituri tal-Parlament Ewropew kien li jaraw kif ser jikkonvinċu lill-kollegi tagħhom, li waqt li qiegħed jinstema’ l-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-Qrati ta’ Malta, il-Parlament Ewropew il-ġimgħa d-dieħla jerġa’ jkollu dibattitu fuq Malta u jadotta reżoluzzjoni oħra biex tkompli tattakka lill-Gvern. Dawn l-affarijiet mhumiex aċċettabbli. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jkun attakkat b’dan il-mod inġust, aktar u aktar meta kulħadd qiegħed jara li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu f’pajjiżna u li kien hemm progress kbir f’dawn l-aħħar xhur. Milli jidher, il-ġlieda kontra l-pandemija mhux għal kulħadd importanti bl-istess mod. Min moħħu biex jagħmilha ballun politiku u jgħid li jridha tgħaddi sempliċiment biex imur għall-elezzjoni, u min verament moħħu fis-saħħa tal-poplu.