Saviour Balzan | Idaħħaknix!
'Jiena minix ser nniżżel in-numri ta’ attakki personali fuqi mit-Times fuq medda ta’ 40 sena, attakki bla tmiem, frott l-għira għax bdejt gazzetti indipendenti, frott li politikament naħsibha differenti, minn meta kont attiv fis-soċjetà ċivili, fl-Alternattiva Demokratika, imbagħad fil-ġurnaliżmu. Kieku nibda ma niqafx!'
Ejja nkunu ċari. Jekk tat-Times ħadu għalihom fuq dak li ktibt il-ġimgħa l-oħra, mhux il-problema tiegħi. Jekk dawn jaħsbu li għandhom id-dritt sagrosant li ħadd ma jgħidilhom xejn, mela jistgħu jmorru jsaqqu l-ħass tal-Marsa.
Steve Mallia - li telaq mit-Times u mar jaqdi kumpaniji privati u jiktbilhom l-istqarrijiet (mhux bil-Malti għax ma jafx jitkellem ilsien ta’ pajjizu) u dak li ma jitlifx party mal-kbarat u l-kesħin - qal li tat-Times qatt ma riduni.
Għal grazzja ta' Alla qed norqod xorta bil-lejl, imma jekk tat-Times qatt ma tawni impjieg, flusi rieduhom tafx Sur Steve Mallia.
Għax fuq medda ta’ snin jien tajt maż-€2 miljun (taxxa mħallsa) u jekk mhux aktar fi printing mat-Times sakemm min mexxa l-kumpanija spiċċa fottiha kompletament u ma kienx hemm aktar stamperija. U biex l-affarijiet ikunu ċari, fl-2008, It-Times riedu jixtru l-MaltaToday u dan meta Steve Mallia kienu għadu hemm.
Aħjar ma nkomplix. Ma tistax tistenna li meta tiġri kwistjoni bħal din, jien minn nies kollha taħt l-kappa tax-xemx noqgħod kwiet qisu ma ġara xejn.
L-istorja ta’ Schembri, Hillman u Buhagiar hija parti minn storja akbar. U la darba hawn min irid jisfidani, ħa nitfa' kubrita zgħira. Hemm direttur ieħor, qabel dawn id-diretturi, li għandu kontijiet ġewwa l-iżviżżera u dan grazzi għall-għajnuna ta’ diriġent magħruf ma’ bank li rranġa, biex il-flus li ħa, f'perkaċċi minn nies li kienu marbutin mal-bejgħ ta’ karta u stamperiji, jmorru ġo dan il-kont.
Dawn il-każi forsi ilhom preskritti, imma lil hinn minn dan trid biss tara l-istil ta’ ħajja ta’ min mexxa t-Times u mhux għex komdu biss, iżda investa dawn il-flus, li ċertament kellhom oriġini dubjuż.
Flus li marru fid-djar tagħhom u fil-blokok f’Tower Road. Issa jiena minix il-pulizija, u jekk il-pulizija ikellmuni jiena ngħidilhom, 'għamlu xogħolkhom jien mhux ser nagħmel id-dirty work għalikhom.'
U jekk inkompli, ma niqafx.
Tagħmlux bħalma għamiltu fil-każ ta’ Caruana Galizia, fejn qbadtu ma wieħed u alla jbierek l-Ispetturi (issa Super) Arnaud u Zahra insew lill-politiċi li ssemmew fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Jiena minix ser nniżżel in-numri ta’ attakki personali fuqi mit-Times fuq medda ta’ 40 sena, attakki bla tmiem, frott l-għira għax bdejt gazzetti indipendenti, frott li politikament naħsibha differenti, minn meta kont attiv fis-soċjetà ċivili, fl-Alternattiva Demokratika, imbagħad fil-ġurnaliżmu. Kieku nibda ma niqafx!
Jien tad-demm u l-laħam, kull sold li nagħmel niddikjarah, u mhux hekk biss, ninvestih fil-kumpaniji tiegħi.
Imma lil hinn minn dan kollu, l-iktar ħaga importanti hi li filwaqt li aħna bħala media qed nistaqsu għall-għajnuna mill-istat, toħroġ l-aħbar li hemm allegat frodi mal-Malta Enterprise mit-Times.
Għidli kif aħna nistgħu nitolbu għajnuna mingħand il-Gvern biex jaħseb fina meta minn fostna hawn min ħawwad b’dan il-mod? Naħseb huwa argument fjakk li l-editorjal hu separat minn min imexxi!
Jien niftakar li meta xi tlett snin ilu, intabgħat artiklu kummerċjali minn aġenzija rinomata, dwar l-Electrogas lill-gazzetti tagħna, kien hemm rapport fit-Times dwar kif ħawwadna ma’ Tumas biex l-Electrogas jidhru sbieħ.
Jiena niftakar li dan l-artiklu kien ġie miktub minn intern Malti li kien jismu Mark Borg. Dan kien artiklu kwalunkwe - artiklu bla togħma, tant hu hekk li bħalu jkun hemm gżuż f’gazzetta. Żgur ma tħallasnix għal dan l-artiklu. Li naf huwa li għax kien hemm imejls illijkjati lit-Times fejn kien hemm xi korrispondenza fuq dan l-artiklu, ġiet maħluqa storja kbira mit-Times qisna konna qed naħbu xi ħaġa.
Naħbu - jien naf - bħal li per eżempju, l-istess avukati ta' Keith Schembri kienu l-istess avukati tat-Times. Ma nafx!