Claudio Grech | L-għażliet politiċi
'Aktar milli opportunita’ l-Partit Nazzjonalista issa għandu obbligu quddiemu: piż kbir fuq spallejh biex jagħti alternattiva friska, kompetenti u li kapaċi toħroġ lil dan il-pajjiż mill-morsa li daħal fiha'
L-eks Prim Ministru Taljan Alcide de Gasperi kien qal li politikant jaħseb fl-elezzjoni li jmiss filwaqt li statista jaħseb fil-ġenerazzjoni li jmiss. De Gasperi kien ukoll wieħed mill-fundaturi tad-Democrazia Cristiana li fil-bidu tagħha kienet ir-risposta politika għall-Faxxiżmu li kien ħakem l-Italja fis-snin preċedenti.
Il-mezz li partit politiku jista’ jilħaq l-għan aħħari tiegħu huwa li jirbaħ elezzjoni u dan sabiex ikun jista’ jwettaq il-ġid permezz tal-politika li jmexxi, msejsa fuq il-valuri u l-prinċipji li jsawwruh. Iżda ħafna drabi l-elezzjonijiet jispiċċaw isiru r-ruh tal-partiti – stat li fih partit jagħmel biss dak li jaqbel għall-voti; stat li fih min imexxih jitkellem biss skond l-udjenza li għandu quddiemu; stat li fih l-elettorat jitqies bħala suq li fih kollox għandu prezz u l-proċess demokratiku jsir wieħed tranżazzjonali fejn votant iwiegħed il-vot u l-partit iwiegħed il-pjaċiri.
U għalkemm għall-ewwel wieħed jista’ ma’ jindunax, jekk tieqaf u taħseb tinduna li fl-għeruq ta’ dak li rajna quddiem għajnejna f’dawn l-aħħar ġranet hemm proprju dan kollu: il-kultura klijentalista li tneżża’ lis-soċjetà mill-ħsieb tal-ġid komuni u tpoġġi bħala l-uniku għan l-interessi individwali. Biex dan kollu jkollu togħma tajba, jiġi mħawwar bir-retorika popolista u biċ-ċirasa tkun li tpenġi lil kull min jagħti parir ta’ kawtela bħala negattiv, antikwat, konservattiv jew skadut.
Dan wassal għall-klima li qed ngħixu fiha llum. Klima ta’ konfużjoni, qtiegħ ta’ qalb u diżillużjoni dwar kif partit fil-gvern b’maġġoranza daqstant kbira u li kellu ċ-ċans ibiddel (għall-aħjar) ix-xenarju politiku, spiċċa mifni bi kriżi akbar mill-oħra li, oġġettivament, għamluh bil-bosta agħar mill-gvernjiet l-oħra kollha ta’ qablu, kemm dawk immexxija bil-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Partit Laburista stess.
Il-pajjiż qiegħed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnha biex nifhmu li fiċ-ċokon tagħna lkoll nistgħu nkunu statisti b’dak li nagħmlu biex verament nagħtu paġna ġdida lil dan il-pajjiż. Issa l-għażla hija f’idejna: jew nikkuntettaw bil-medjokrita’ jew inkella naspiraw biex nagħtu lill-uliedna Malta aħjar milli sibna aħna
Klima li sfortunatament qed tiżviluppa fl-isfond ta’ sfidi enormi li qed niffaċċjaw bħala Maltin, ewlenin fosthom l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa pubblika, fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq it-tfal tagħna. Iżda sfidi kbar ukoll li ġab il-Gvern b’idejh stess, bl-akbar problema tkun dik marbuta mar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u kif dan qiegħed jissarraf fi problemi strutturali fl-oqsma li kienu qed isostnu l-ekonomija Maltija bħas-servizzi finanzjarji, it-teknoloġija u l-gaming.
Dan kollu qed iwassal għal-Gvern distratt li minflok jibni l-futur u jwitti t-triq għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin qed jispiċċa jkollu juża l-enerġija tiegħu biex jipprova jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess bil-kultura li kattar u bil-metodu tat-tmexxija bbażat fuq il-kompromessi li addotta. M’hemm l-ebda dubju li f’dawn iż-żminijiet diffiċli, pajjiżna jixraqlu tmexxija li tkun iffukata fuq il-ħidma tal-pajjiż u mhux fuq il-litanija ta’ problemi li tiżdied ma’ kull ġurnata li tgħaddi.
F’dan kollu, hawn min jaħseb li l-Partit Nazzjonalista issa għandu ċans jiggwadanja l-voti sempliċement minħabba s-sitwazzjoni prekarja li jinsab fiha l-Partit Laburista: iżda jaħseb hekk min hu politikant opportunist. Aktar milli opportunita’ l-Partit Nazzjonalista issa għandu obbligu quddiemu: piż kbir fuq spallejh biex jagħti alternattiva friska, kompetenti u li kapaċi toħroġ lil dan il-pajjiż mill-morsa li daħal fiha.
Dan hu dak li rridu nibqgħu niffukaw fuqu: it-trasformazzjon tal-PN mhux mibnija fuq il-konvenjenza elettorali jew li nippruvaw nintgħoġbu ma’ kulħadd. Għalkemm dak sarraf f’rebħiet elettorali għall-PL, nafu fhiex wassal lil dan il-pajjiż. Il-politika tagħna trid tkompli tinbena fuq il-pilastri tal-valuri u qafas ta’ prinċipji li jevolvu maż-żmien iżda dejjem jibqgħu jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru f’ħidma li ssaħħaħ u tipproteġi l-ġid komuni.
Fil-qofol tat-tiġdid politiku tagħna ser jibqa’ jkun hemm viżjoni soċjo-ekonomika li ser timmodernizza lil dan il-pajjiż mingħajr ma’ tippreġudika l-ambjent naturali u mingħajr ma’ tħammrilna wiċċna mal-bqija tad-dinja. Viżjoni li ser tassigura li kull tifel u tifla jkollhom opportunitajiet indaqs f’ħajjithom irrispettivament mid-daqs tal-kont tal-bank tal-ġenituri tagħhom. Viżjoni li permezz tagħha l-iggvernar fil-pajjiż ikun wieħed dejjem aktar mifrux u li jħaddan il-prinċipju tas-sussidjarjetà bl-aktar mod estensiv possibbli.
Fuq kollox, viżjoni li trid tissarraf fi proċess ta’ rikonċiljazzjoni u maturita’ politika. Għalkemm dawk b’mgħammad partiġġjan ma’ jogħġobomx, jien ser nibqa’ inħanbaq li bħala PN għandna nagħmlu passi aktar kuraġġużi biex neradikaw it-tribaliżmu minn dan il-pajjiż u biex nagħtu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin il-libertà tal-ħsieb.
Dan kollu ma’ jsirx minn xi politiku waħdu jew minn xi grupp żgħir ta’ nies. Dan kollu jsir jekk verament nibdew nikkonverġu l-isforzi tagħna. Il-pajjiż qiegħed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnha biex nifhmu li fiċ-ċokon tagħna lkoll nistgħu nkunu statisti b’dak li nagħmlu biex verament nagħtu paġna ġdida lil dan il-pajjiż. Issa l-għażla hija f’idejna: jew nikkuntettaw bil-medjokrita’ jew inkella naspiraw biex nagħtu lill-uliedna Malta aħjar milli sibna aħna.