Ivan Bartolo | Sempliċiment rampa
Tkellimt fuq sempliċiment rampa. F’ pajjiżna hemm stejjer gravi ħafna akbar minn din is-sempliċi rampa. Bl-istess metodu .... forsi b’ aktar għaqal u b’irfinezza. Il-konklużjoni ser nħalliha f’ idejk!
Xi drabi bniedem tagħrfu mill-azzjonijiet ċkejkna tiegħu. Jekk tarah inaddaf wara li jkun inqeda, bejnek u bejn ruħek tinduna li huwa bniedem ċivili u ta’ eżempju. L-egoiżmu u l-injoranza tjispikka meta jagħmel il-kontra. Spiss jispikka dan fit-toroq tagħna, meta tara xuffiera jsuqu bl-addoċċ, xi drabi anki b’periklu għal ħajjet xuffiera oħra li anki saħansitra jekk ikunu qed isuqu bil-galbu. Ma jinteresshomx li bis-sewqan tagħhom jistgħu ikunu mezz ta’ aċċident fatali.
Mill-azzjonijiet ċkejkna tiegħu, tagħraf bniedem, u bl-istess kejl tagħraf azzjoni ta’ tim, grupp, kumitat, kunsill, partit, ċentru, ministeru, parroċċa, jew Gvern. L-iskoperta tal-verità, tinsab fina u ġġibna wiċċ imb’wiċċ mar-responsabiltà li għandna lejn ħaddieħor.
Hemm min ikejjel liema biċċa xogħol għandu jagħmel, għal gwadann tal-voti. Hemm min lest li jkisser u jisfreġja l-ambjent, għax l-importanti għalih li ismu jibqa mnaqqax bħala s-Super Minister li wettaq bidla. Li kieku l-bidla tkun għall-aħjar, fiha u ma fihiex. F’ kelma waħda ma tistax tgħix għal gwadann tal-voti. Biex inġieb eżempju bħal meta jkun hemm min biex at taparsi ħass il-mewt ta’ xi ħadd, jidħol ftit qabel it-tqarbin u wara li jitqarben jibqa ħiereġ il-barra. L-importanti li rawh il-familjari tal-kadavru. Għalkemm ġibt eżempju, imma dawn huma stejjer li jnisslulek dieqa, imma ta’ veru. Xi wħud moħħom fix-xorti ta’ isem tajjeb. Tgħawweġ għal kollox it-tifsira, ta’ x’ inhu qaddis, basta tidher ħabib intimu tal-familja, biex meta tiġi bżonnhom għal vot issibhom warajk. Kollox għal għajnejn in-nies.
Infieq tal-miljuni, bit-torta tal-Gvern tinqasam bejn il-ftit. Sparpaljar ta’ flus, biex nidhru sbieħ, u addijo mill-bnedmin reqdin barra fil-karozzi. Din il-ġimgħa stess ċemplet omm tibki li bintha u t-tarbija tagħha ta’ sentejn qed jorqdu f’ karozza, f’din il-kesħa ta’ Frar. Imma l-importanti li nidhru li pajjiżna jinsab fil-ġenna tal-Art; f’dik l-art li tnixxi ħalib u għasel.
Filwaqt li l-magna propogandistika twassal il-messaġġ li pajjiżna jidher fuq in-naħa tat-tiġdid, li pajjiżna qed jinbidel, fl-istess ħin jibqgħu iżommu dawk is-suriet kollha li jagħmlulek dawn il-ħwejjeġ iż-żgħar impossibbli. Mill-ewwel tintebaħ li dawn huma bnedmin, li fit-tidwir ta’ moħħhom, għarfu li n-nies aktar iċapċpilhom jekk taparsi jkollhom ġenn li jkunu differenti, li jidhru li jaħsbu f’ kulħadd, meta fil-verità mhux veru.
Jilagħbuha ta’ nies li taparsi qalbhom hi miġnuna wara ż-żgħir, wara l-fqir, wara l-emarġinat. Tifhem mill-ewwel li mhumiex għajr ilpup liebsa ta’ nagħaġ. M’għandhom l-ebda għerf, u l-kliem li joħroġ minn fommhom hu vojt u battal.
L-għalliem vojt u qarrieq jaħdem bis-sħiħ biex int tibla l-gidba tiegħu. Tassew għandu l-kapaċità jidħaq bik! Kollox maħdum u maħsub, kif tabilħaqq għandu l-ħila jqarraq bik. Ikun ħasra għal dak li jemminhom, għax b’ hekk is-soċjetà tiddakkar u l-għadd tal-ħsarat tkompli tikber u hemm mnejn is-soċjeta timrad. Isiru vittmi tal-gideb u tal-qerq bla ma jindunaw. Hemm oħrajn bla skrupli juruk li taparsi għandhom kollox taħt kontroll dak li fis-sewwa m’għandhom xejn. Moħħom biss li jidhru fl-aqwa żmien u l-aqwa fl-Ewropa. Moħħom biss li jwasslu messaġġ li kollox miexi fuq ir-rubini. Kilba bla rażan ħalli jiksbu u jaħtfu dak kollu li jistgħu minn ħalqek, kif ukoll minn ħalq l-imsejkna bnedmin li jaqgħu għal qerq tagħhom.
Mill-azzjonijiet ċkejkna tagħhom tagħrfuhom. Meta bdejt il-ħidma tiegħi bħala Sindku fil-Mosta (Diċembru 2016), kont ċempilt lid-Dipartiment, nafuh bħala tas-Sanità, nistaqsi meta se titlesta rampa fuq wara fiċ-Ċimiterju tal-Mosta. Wara ġimgħa ċempilli saħansitra d-Direttur fejn infurmani li beda l-proċess ta’ applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Għaddew ix-xhur u minn Sindku spiċċajt Membru Parlamentari.
Fettilli nsaqsi lil Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta se titlesta rampa fuq wara taċ-Ċimiterju tal-Mosta, wara żmien twil li ilu jsir dan l-ilment. It-tweġiba tiegħu kienet din: “Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir il-proċess ta’ applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.” Copy and Paste għal domanda fuq l-istess suġġett, li saret snin qabel.
Ftit jiem ilu, erġajt staqsejt l-istess domanda fejn qalli li qed tiġi diskussa mad-Dipartiment tal-Artijiet. Sempliċiment rampa. Rampa li mpediet kadavru jindifen f’post differenti, minħabba li membru mill-familja jgħix fuq wheelchair, u xtaq li jara d-difna ssir. Rampa li mpediet persuna b’Diżabilità milli tinżel iżżur il-fdalijiet ta’ ommha ħdejn il-qabar, minħabba li tgħix fuq wheelchair. Rampa li forsi ma tfisser xejn f’ għajnejn il-Gvern, imma f’ għajnejn iż-żgħar tfisser ħafna. Rampa li qed iċċaħħad lil kull min hu fuq wheelchair, jinżel ħdejn il-qabar ta’ membru familjari.
“Meta ser titlesta din ir-rampa, meta jaqilgħu lill-ommi?” qalli b’ ton imbikkem xi ħadd ... u bir-raġun!
Mill-azzjonijiet ċkejkna tgħarfuhom. Skaren bħal dawn jgħidulek li huma ġenwieni, filwaqt li kapaċi jibqgħu għaddejjin daqs li kieku xejn mhu xejn.
Mhux dejjem faċli tikxef il-qerq ta’ dawn it-talin, għaliex kapaċi jużaw kull ħaġa sabiex idawruha favur tagħhom ... anzi kapaċi jaqbdu lilek u lil ħaddieħor fin-nases li sawru.
Tkelimt fuq sempliċiment rampa. F’pajjiżna hemm stejjer gravi ħafna akbar minn din is-sempliċi rampa. Bl-istess metodu .... forsi b’ aktar għaqal u b’irfinezza. Il-konklużjoni ser nħalliha f’ idejk!