Saviour Balzan | Jason, O Jason!
Jason, hija ovvja, li qed jibbaża kollox fuq x’qal Vincent Muscat il-Koħħu fuq dak li qalulu, sar jaf u li ħolom ...
Jason Azzopardi qed jallega li l-Ministru Carmelo Abela allegatament kien wara s-serqa tal-HSBC snin ilu u kien maħsub li se jirċievi €300,000 wara s-serqa u li Abela pprovda filmati CCTV tal-binja tal-HSBC u fuq kollox ċ-ċwievet biex jgħin lill-ħallelin fis-serqa.
Abela qed jiċħad bl-iktar qawwa li hu għamel hekk u apparti dan, ħa passi legali u għamel libell lil Jason.
Issa jien ma ngħidx li kapaċi naqra l-karattri kollha tad-dinja u nammetti li xi kultant għamilt ġuddizzju ħażin u ħażin ħafna.
Imma jekk Carmelo Abela huwa dak li qed jgħid li hu Jason, jien lest niċħad kollox, nirriżenja minn kollox u nsir eremita x’imkien!
Min jaf lil Carmelo Abela mhux biss huwa mistgħaġeb b'dawn l-allegazzjonijiet - iktar minn hekk huwa żbalordit b’allegazzjonijiet ta' dan it-tip fuq Abela!
Jason, hija ovvja, li qed jibbaża kollox fuq x’qal Vincent Muscat il-Koħħu fuq dak li qalulu, sar jaf u li ħolom. U ma hemm ebda prova oħra.
Jason Azzopardi qed jirriskja, u qed jirriskja bil-kbir!
Mhux l-ewwel darba li ġabha żewġ, grazzi għall-fatt li huwa privileġġjat b’messaġġi ta’ Yorgen li jaf dwarhom u ħaddiehor ma jafx. Imma hemm drabi oħra, mhux ftit, fejn mar żmerċ u kien żbaljat.
Jaf u naħseb li jaf, li l-kriminali huma l-ħbieb tal-gideb u mhux tal-verità. Jaf ukoll li l-Koħħu, l-aħwa Degiorgio, Melvin Theuma u anke Yorgen Fenech u x-xhieda kollha l-oħra huma atturi li ħafna drabi jagħtu l-kulur u wisq aktar iżidu u jħarrfu fejn jaqbel lilhom.
Jekk Jason jiġi ppruvat li dak li qed jgħid huwa minnu mela haqqu l-ikbar medalja. Imma jekk le, ma hemmx kliem biex niddeskrivi s-sitwazzjoni fil-konfront tiegħu.
Jekk huwa żbaljat, għax għaġġel jew inkella għax ma ħasibx fil-konsegwenzi fuq Abela u ħaddieħor, mela l-affarijiet ma jistax jibqgħu l-istess!
Jekk l-uniku komfort li għandu Jason huma l-kliem ta’ Vincent Muscat mela aħjar imur jaħseb fi Pjan B. Għax jekk dak li qal huwa skorett, l-uniċi nies li jkunu jridu li jibqa' fil-Partit Nazzjonalista jkunu dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista - mhux in-nazzjonalisti, li jafu biċ-ċert li Jason qed igerrex il-vot tan-nofs.
Jason O Jason!