It-tobba tal-familja jipproponu età minima għall-użu legali tal-kannabis

Saħqu li filwaqt li jifhmu l-bżonn tad-dekriminilazzjoni tal-pussess ta’ kwantitajiet zgħar ta’ kannabis għall-użu personali, tappella biex ikunu mħarsa dawk l-aktar vulnerabbli

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati saħqet li tifhem il-bżonn tad-dekriminilazzjoni tal-pussess ta’ kwantitajiet żgħar ta’ kannabis għall-użu personali, imma insistiet ukoll li l-legalizzar se jwassal għal aktar użu u potenzjalment żieda fl-użu ta' drogi mhux legali.

Għalhekk, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi li jkun hemm età minima għall-użu legali tal-kannabis.

"L-użu tal-kannabis fi mħuħ li għadhom jiżviluppaw tista’ tagħmel il-ħsara kif ukoll tixpruna riskju ta’ dipendenza u esperimentazzjoni bi drogi iktar perikoluzi li mhux permessi," saħqu t-tobba. "Jekk tassew nixtiequ li jkun hemm użu limitat ta’ din id-droga, l-Assocjazzjoni tissuġġerixxi żieda fil-kampanji edukattivi indirizzati lejn gruppi vulnerabbli."

Qalet li dan kollu qed tipproponih fl-interess ta’ saħħa mentali u fiżika tal-komunità kollha. Tfakkar li l-użu tal-kannabis jista’ jagħmel ħsara minkejja li hija sustanza naturali.

"Kampanji pubblici biex titneħħa l-istigma tas-socjetà lejn min juża l-kannabis huma importanti biex min jużaha u qed ibati minn effetti mhux mixtieqa jitkellem u jfittex l-għajnuna iktar kmieni," komplew jisħqu.

Qed tipproponi wkoll it-tisħiħ fis-servizzi ta’ rijabilitazzjoni u ta’ appoġġ, u aktar investiment f’kampanji fil-komunità.

Aqra wkoll:

More in Politika