Ivan Bartolo | Nilbes fardal u nservi
Daqshekk ieħor meta tisma kliem negattiv u dispreġattiv fuq dawk li qegħdin hemm għal gwadann personali. Kif jgħidu l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn. Politiku ta’ veru jinħass li hu ġenwin minn xewqa qawwija li jikkommetti lilu nniffsu kompletament għal ħaddieħor, u mħabbtu tidher fil-qadi ta’ l-oħrajn
Meta tħoss sejħa, li trid tagħmel xi ħaġa għall-oħrajn hija rigal. Speċjalment jekk din is-sejħa, tirrispondi għaliha bla ma tistenna xejn lura. Kull sejħa hija rigal, sew jekk għal ġid ta’ soċjeta aħjar, jew dik reliġjuża jew kwalunkwe triq oħra. Is-sehem tiegħi u ta’ kull wieħed u waħda minnha hi, li jekk ikolli stedina, u jekk inħossni komdu f’ din l-istedina, irrid inwieġeb għaliha b’mod ħieles.
Xejn ma jibqa fid-dlam, u jekk nidħol għal kariga, bl-intenzjonijiet li ngħaffeġ fuq l-oħrajn, jew għal xi gwadann personali, ma jdumx ma jgħaddilek qamar il-għasel. Il-maskra ma ddumx ma taqa u dawk li tawk is-sapport, ikunu minn ta’ l-ewwel li jindunaw bil-qerq tiegħek u li int ħabib tal-gideb.
Il-gideb biss jipproteġihom lil dawn, u kulħadd jaf li l-gideb iżommok il-bogħod mill-verita. Żgur li min tela f’ ambjent tas-sewwa, ma jistax iħares lejn dawn it-talin b’ mod tajjeb, aktar u aktar jekk qegħdin fil-pożizzjoni li l-bqija tarak bħala bniedem influwenti u li trid tagħti eżempju. F’din id-dinja makabra, bnedmin influwenti għandna kemm trid, imma bnedmin fl-ogħla quċċata tas-soċjeta’ u li huma t’ eżempju ħażin, m’ għandniex bżonn aktar.
Meta politiku jimxi l’quddiem b’id f’id ma’ qalbu ikollu mumenti uniċi li hu biss jaf jiddeskrivihom. Dawn huma mumenti indimentikabbli u nspjegabbli fl-istess ħin. Jibda jħoss ferħ kbir meta jaħseb fuqu nniffsu, mhux għax wasal s’ hawn, imma għax kapaċi jilbes il-fardal biex iservi lill-oħrajn.
Ferħ kbir li jkun ħieles jaqdi lil kulħadd, inkluż lil bnedmin li għamlulu l-ħsara jew li ġejjin minn kamp differenti.
Dan il-politiku għandu jħossu diżulluż u mdejjaq, meta jimmaġina lilu nniffsu jieħu għażliet differenti, jew aktar minn hekk meta jqarraq bl-ellettorat, għax ikun taha verżjoni differenti tiegħu inniffsu. Il-malti jħobb jgħid fuq ċerti kandidati li deher twajjeb sakemm ħa dak li ried.
Għax ulied id-dlam, għaqlin ħafna aktar minn ulied id-dawl, u kliemhom u l-atteġġjament sabiħ kapaċi jkun qoxra biss.
Il-politiku tal-fardal jingħaraf minn kwalitajiet li mhux dejjem tarhom b’għajnejk, fosthom li jkollu mħabba speċjali għal bnedmin. Din tinħass minn seba mili l-bogħod. M’hemmx għalfejn tiltaqa miegħu wiċċ imb’ wiċċ ma’ dak li jkun, imma n-nies titħaddet fit-toroq u fil-pjazez tagħna. Meta tibda tisma kliem sabiħ fuq dak li jkun u kemm għajnuna sabu minnu, ġa hu sinjal pożittiv ta’ tama fil-politiċi tagħna. Għax dawn għarfu jwettqu l-politika tal-fardal.
Daqshekk ieħor meta tisma kliem negattiv u dispreġattiv fuq dawk li qegħdin hemm għal gwadann personali. Kif jgħidu l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn. Politiku ta’ veru jinħass li hu ġenwin minn xewqa qawwija li jikkommetti lilu nniffsu kompletament għal ħaddieħor, u mħabbtu tidher fil-qadi ta’ l-oħrajn.
Politiku ta’ veru, irid kontinwament jinforma lilu nniffsu b’ċertu ammont ta’ abbilita intellettwali. Għaliex se jkollu bżonn jgħaddi l-informazzjoni li rċieva għand l-oħrajn, b’ sens komun biżżejjed li jagħmel ġudizzju prudenti li jieħu vot jew ċerti deċiżjonijiet għaqlin. F’kelma waħda irid jadotta azzjonijiet bis-sens.
Min jidħol għal dan l-impenn, aktar minn qatt qabel jitlob maturita psikoloġika, jiġifieri karattru sod, personalita integra, affettivita bilanċjata u mingħajr passat imtappan. B’mod konkret, in-nies tistenna minni li nkun ta’ eżempju fil-mod ta’ kif inġieb ruħi, fil-mod ta’ kif nesprimi ruħi, b’komunikazzjoni interpersonali, b’sens ta’ responsabilita għal dak li nikteb u ngħid.
Fattur importanti f’ din l-għażla hija l-motivazzjoni ta’ kemm qed inkun ta’ spalla għal bnedmin. Din ma tagħmilhiex biex taħrab mill-problemi personali tiegħek, imma għax verament tħossok sħiħ billi tkun fil-veru sens tal-kelma ta’ l-oħrajn. Jekk hemm mottivi egoisti jew moħbija inkonxjament, ma jdumux ma joħorġu fil-beraħ .... għax kif ġa għedt aktar kmieni, xejn ma jibqa fid-dlam.
Ma tridx taqta qalbek jekk tħoss li l-maġġoranza tal-politiċi huma l-bogħod minn din il-filosofija tal-fardal. Taqtax qalbek u tibżax mill-politika għax maż-żmien tispiċċa bħalhom. Dan mhu veru xejn. Daqskemm smajna b’ħażin, imma ta’ min ifaħħar l-eżempju ta’ bosta. Fuq kollox il-politika mhiex xi prodott lest, iżda hi proċess dinamiku.
Irrid nikber fil-politika bil-mod, u dan il-progress isir fija minkejja d-difetti u d-djugħfija tiegħi, .... la darba nkun naf x’ irrid f’ ħajti u li miniex qiegħed hemm għal gwadann personali, imma li nilbes il-fardal u nservi lil dawk l-aktar li jeħtieġu l-għajnuna tiegħi. Jekk inkun fit-triq tas-sewwa Alla ser jgħinni, anki jekk issib mitt ostaklu jiġri qablek.
L-“Iva” ġeneruża, bħala risposta għal dan ir-rigal li rċevejt u li ħassejt, mhux dejjem hija faċli. Xi drabi ssib lil tal-familja jopponulek, u bir-raġun.
Għax fil-politika m’hemmx vaganzi u trid tassew tħossok man nies u tan-nies il-ħinkollu. Jekk hemm bżonn il-fardal ma tneħħiħ qatt minn fuqek, lanqas jekk jitħammeġ. Għax il-poplu poġġiek hemm biex isservih.
Din hija sejħa li tinvolvi riskji, impenji, sfidi, tgħajjir, insulti, gideb .... imma meta tagħmilha b’vokazzjoni, għad tpoġġi dal fardal f’ post prominenti f’ darek biex ifakkrek fil-ħidma politika tiegħek u tħossok kburi li int kont wieħed minn dawk li lbist il-fardal, li l-poplu għażlek minn kandidati oħra għax wera fiduċja fis-servizz tiegħek.
Għax imqar il-marki mnaqqxa f’ponot subgħajk jagħżluk mill-oħrajn ... għax fid-dinja veru li waħdek mintiex, iżda veru wkoll li int uniku u li bħalek ma jeżistiex ieħor.