Saviour Balzan | Ejja ninsew ftit!
Ikolli nammetti li issa għajjejt naqra u nisma' dawn l-affarijiet. Ejja nitolbu ħalli nkunu nistgħu nsiefru malajr, ħa ninsew ftit!
Jien ma kontx naf li bħala Standards Commissioner George Hyzler kien għażel lill-eks Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet. U biex ngħidu kollox dan ilu konsulent minn April 2019 meta fil-tmun tal-Gvern kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat!
Muscat ma nafx jekk kienx jaf, imma ma niskantax. Għax il-politika tiegħu kienet li l-aħjar ħaġa hija li żżomm lil dawk li kienu kontrik, viċin tiegħek. Tattika li mhux taħdem u ħafna drabi tisplodi f’idejk.
Meta ġie biex jappunta lil George Hyzler, kien qed ifittex persuna li tkun aċċettabli għal kulħadd u għall-PN.
Għamel hekk, għal ħafna ħatriet Muscat.
Imma issa, ejja nkunu ċari. Ma kienx idoneu li dik il-pożizzjoni timtela' minn eks politiku. Għax xi darba jew oħra kien ser jinqala' intopp u kien ser ikollna aktar mistoqsijiet milli risposti. U l-bramel tal-ħara mhux mistennija, minn dawk li jkunu taħt il-lenti.
Biex tgħaxxaqha Hyzler, meta ġie biex jappunta, qabbad nies bħal Anthony Borg Barthet u Rachel Attard, l-eks editur tal-Malta Independent. Issa Rachel Attard għandha storja twila ta’ kitbiet li ma tantx ispiraw fiduċja fix-xogħol indipendenti tagħha f’din il-Kummissjoni – imma m' hemmx tagħmel! Imma l-każ ta’ Borg Barthet huwa differenti.
Dan kien l-Avukat Ġenerali illi meta l-eks Kummissarju tal-Pulizija George Grech kien akkużat bi stupru u abbuż ta’ poter - taħt Gvern Nazzjonalista - qabad u applika n-nolle prosequi. Li kien ifisser li l-azzjoni li tinfetaħ il-kawża titwaqqaf u kollox jieqaf ħesrem u kollox jintesa'.
Jien naħseb li dan Borg Barthet għamel hekk għax xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien sefsislu xi ħaġa f'widnejh. Insomma George Grech li kien Kummissarju u kif ukoll Kap tas-Servizzi Sigrieti rriżenja. Borg Barthet, għax-xogħol utli tiegħu, inkluż li ta sitt nolle prosequi oħrajn, intbagħat bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea għal numru ta’ snin.
Meta ġie lura sab ruħu konsulent ta’ Hyzler!
Ikolli nammetti li issa għajjejt naqra u nisma' dawn l-affarijiet. Ejja nitolbu ħalli nkunu nistgħu nsiefru malajr, ħa ninsew ftit!