Stefan Zrinzo Azzopardi | Il-ħaddiem issaħħu b'dak li twettaq
"Bħala Gvern ridna qabel xejn nipproteġu s-saħħa tal-poplu tagħna biex naraw li l-impatt tal-Covid-19 fuq is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin ikun l-inqas possibbli"
Il-Partit Laburista minn dejjem fakkar Jum il-Ħaddiem bħala jum ta’ ċelebrazzjoni tal-kisbiet li għamel il-ħaddiem tul il-milja tas-snin. Għal snin twal, kien il-Partit Laburista waħdu li ċċelebra dan il-jum u dejjem għamel dan f’forma ta’ festa mżewqa b’attivitajiet politiċi li fihom iwassal il-messaġġ tiegħu.
Għalkemm ninsabu f’ċirkustanzi li qatt ma konna fihom f’pajjiżna ħlief forsi b’xebħ żgħir ma’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, din is-sena wkoll qegħdin infakkru dan il-Jum b’messaġġ qawwi li minkejja l-kisbiet kollha li l-Moviment tagħna ġab għall-ħaddiema tul is-snin, xorta rridu nkomplu Nsaħħu lill-Haddiem. Dan jeħtieġ nagħmluh propju f’dan il-mument fejn ħaddiema minn kull qasam u faxx tas-soċjetà għaddejjin minn sfida minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja f’dawn l-aħħar sittax-il xahar.
Bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien
Bħala Gvern ridna qabel xejn nipproteġu s-saħħa tal-poplu tagħna biex naraw li l-impatt tal-Covid-19 fuq is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin ikun l-inqas possibbli. Infaqna aktar minn €800 miljun f’xiri ta’ apparat mediku, testijiet tal-Covid, mediċini u tilqim, biex saħħaħna l-qasam tas-saħħa tagħna u b’hekk seta’ jlaħħaq mal-ħtiġijiet tas-saħħa tal-poplu tagħna fi żmien il-pandemija. Dan il-għan irnexxielna nilħquh mhux l-inqas bil-ħidma ta’ dawk fuq quddiem fil-battalja kontra l-Covid-19, it-tobba, l-infermiera, il-careworkers, il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa, is-suldati u l-pulizija, il-protezzjoni ċivili u dawk kollha li taw u qed jagħtu sehemhom biex inżommu l-bogħod minn xtutna din il-marda.
Dejjem sostnejna li barra l-prijorita tas-saħħa tan-nies, ridna nsostnu wkoll l-għajxien tal-poplu tagħna. Għalhekk ħadna ħsieb li nkomplu ninvestu fil-ħaddiema tagħna minkejja d-daqqa tal-pandemija. Dan sar billi investejna s’issa madwar €455 miljun fil-wage supplements, kif ukoll fondi li ġejjin mill- Fond ReactEU tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ din l-għajnuna ħaddiema full-time li jaħdmu ma’ kumpaniji milquta qed jirċievu €800 fix-xahar bil-għan li jitħallew fl-impjieg tagħhom. Huwa kkalkulat li ġew salvati mhux inqas minn 100,000 impjieg fis-settur privat bis-saħħa ta’ dan l-investiment fil-ħaddiema. L-iskema li ħaddimna f’pajjiżna hija l-aqwa waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa kollha u kien għalhekk li Malta hija fost tlett pajjiżi biss fl-Unjoni Ewropea kollha fejn l-impjiegi matul il-pandemija żdiedu minflok naqsu.
Bl-għajnuna lin-negozji ħarisna lill-ħaddiem
Miljuni oħra ta’ Ewro ġew investiti biex ħarisna n-negozji tagħna u b’hekk gawdew ukoll il-ħaddiema li ma tilfux ix-xogħol tagħhom. Ħallasna lis-settur privat għal-leave tal-kwarantina li kellhom bżonn jagħtu lill-impjegati tagħhom. Il-Gvern ta għajnuna lin-negozji biex iħallsu l-kirjiet u l-kontijiet tad-dawl tagħhom. Kull adult Malti rċieva vawċer ta’ €100 biex jintefqu fi ħwienet u restoranti u issa fil-ġimgħat li ġejjin dawn il-vawċers ser jerġgħu jingħataw biex ikompli jitkattar in-negozju fil-gżejjer Maltin. In-nefqa fuq dawn tlaħħaq kważi €100 miljun.
Minkejja l-pandemija il-Gvern ressaq budget b’Novembru li għadda li kompla jqassam il-ġid fuq kulħadd, kompla jibni fuq is-servizzi soċjali fosthom it-tisħiħ tal-pensjonijiet u b’hekk ħarisna l-kwalita tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Anke waqt il-pandemija komplejna nużaw il-Fondi Ewropej biex insaħħu l-qasam tax-xogħol u lill-ħaddiema tagħna. Fondi Ewropej intużaw għat-taħrig u t-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Ghinna eluf ta’ żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi tajna opportunitajiet lil min iħaddem biex iħarriġhom bi ħlasijiet mill-Gvern. Tajna appoġġ finanzjarju biex ħaddiema ta’ etajiet li fihom kienu diffiċli għalihom li jsibu impjieg, jitħarrġu u jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xoghol. U tajna wkoll servizzi ta’ appoġġ lil dawk l-emigranti li legalment setgħu jaħdmu f’pajjiżna.
Żmien ta’ sfida u opportunita
Nemmnu bis-sħiħ li meta lill-ħaddiem ħarisnih b’dan il-mod, konna qegħdin ukoll insaħħuħ u nħejjuh għall-isfidi tal-ġejjieni. Ħafna huma dawk li qed ibassru li ż-żmien li ġej se jkun żmien ta’ sfida li madankollu jista’ jkun ukoll żmien ta’ opportunita minħabba x-xogħol kbir li jista’ jinħoloq hekk kif id-dinja tibda ħierġa minn din il-pandemija.
Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena għandu jkun wieħed li fih il-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom iħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ. Dan għaliex il-Gvern Laburista kien għaqli biżżejjed biex sostna lil kulħadd fi żmien ta’ kriżi. Jeħtieġ nitħejjew biex għaż-żmien li ġej nerġgħu naqdu t-triq lejn tkabbir ekonomiku, aktar ħolqien ta’ ġid u ġustizzja.