Claudio Grech | Politika tas-sens komun
Din hija l-attitudni li ser ikompli jinsisti fuqha l-PN: attitudni li tibni mhux tkisser u; attitudni bbażata fuq l-evidenza mhux il-gosti; attitudni li tibqa’ tpoġġi l-ġid komuni fiċ-ċentru u mhux tigglorifika l-egoiżmu u r-rgħiba
Kull tiġdid, bidla jew riġenerazzjoni f’organiżazzjoni jġib miegħu nifs ġdid li jtiha l-ħajja u l-enerġija. Bħal pulmun li jintela’ bl-arja biex jagħti l-ossiġnu lill-ġisem tal-bniedem, f’partit politiku t-tiġdid joħloq sens ta’ tama ġenwina, li minkejja d-differenzi, tista’ twassal għall-partit aħjar, aktar iffukat u effettiv.
Ħafna drabi l-bidla fil-politika tkun riżultat taċ-ċirkustanzi li jisfurzawha. Drabi oħra tkun is-soċjetà li bix-xejriet tal-opinjoni turi li hi għatxana biex tbiddel ċerti aspetti tal-politika. Iżda hemm ukoll il-każ fejn it-tiġdid ikun frott ta’ ispirazzjoni interna għaliex ikun hemm twemmin li l-organiżazzjoni għandha l-ħila tkun xprun ta’ bidliet pożittivi li jwasslu għal kisbiet u l-milja tal-għanijiet tal-Partit.
U huwa proprju dan li fl-aħħar xhur ispira lill-Partit Nazzjonalista jaqbad it-triq tar-riġenerazzjoni tal-politika tiegħu bil-għan li nevolvu l-policies tagħna u nibbażawhom dejjem aktar fuq il-politika tas-sens komun li tinbena f’qafas ta’ sussidjarjeta’ fejn min hu l-aktar involut jew milqut minn dik il-politika jkun protagonist fit-tfassil tagħha.
Dan huwa dak li qed isir bħalissa fil-Partit Nazzjonalista permezz tal-proċess tal-‘Clusters’ li issa daħal fil-fażi l-aktar rilevanti tiegħu fejn qiegħed jipproduċi l-proposti tiegħu għal diversi setturi. Kull wieħed mill-erbatax-il grupp qiegħed jiġbor fi ħdanu Deputati, kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali, diversi membri ta’ numru ta’ fergħat tal-PN kif ukoll esperti esterni li qed jagħtu kontribut imprezzabbli lejn dan il-proċess.
Wara xhur ta’ riċerka u preparazzjoni, din il-ġimgħa nbeda’ l-proċess ta’ tnedija tal-proposti. Fil-fatt nhar it-Tnejn il-Cluster responsabbli mill-qasam tas-sigurtà, ressaq qafas ta’ miżuri intiżi biex iwettqu bidliet materjali fil-qasam tal-priġunerija bil-għan li dan jittejjeb, ikun aktar effettiv kif ukoll li jittratta lil min qiegħed jiskonta sentenza jew qiegħed jistenna ġudizzju b’mod ħafna aktar uman u dinjituż.
Dan il-Cluster, li x-xogħol tiegħu twettaq mid-Deputat Beppe Fenech Adami u l-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Darren Carabott, Errol Cutajar u Graziella Galea, bena l-proposti tiegħu wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha involuti inkluż ukoll ma’ esperti fil-qasam tas-servizzi korrettivi, tas-saħħa mentali kif ukoll tas-sigurta. Iżda wkoll fasslu l-proposti tagħhom wara li semgħu lil min hu direttament milqut minn dan is-settur għaliex huwa evidenti li hemm ħafna xi jsir biex il-kundizzjonijiet fil-faċilita’ ta’ Kordin u l-mod kif isiru l-affarijiet f’dan il-qasam jistgħu jsiru ħafna aħjar u b’ħafna aktar dinjita’ għall-priġunieri u l-familjari tagħhom.
Huwa għalhekk li Gvern immexxi minn Bernard Grech la ser jippreġudikak u lanqas ser jiġġudikak. Gvern immexxi minnu ser jaħdem bla waqfien biex inkattru l-ġid u dan jagħmlu mingħajr ħafna daqq ta’ trombi
Fil-gimghat li gejjin ser inkunu qiegħdin inressqu sensiela oħra ta’ proposti f’oqsma differenti, frott il-ħidma ta’ Clusters oħrajn li bħalissa għaddejjin bil-ħidma ta’ konsultazzjoni tagħhom fil-qasam rispettiv li qegħdin jiffukaw fuqu. Dan ser ikompli jwassal sabiex il-PN ikompli jibni l-ħidma tiegħu fuq il-bażi li nkomplu ntejjbu dak li hemm tajjeb illum, nirranġaw dak li m’huwiex jaħdem u nwettqu inizzjattivi ġodda intiżi biex ikomplu jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Din hija l-attitudni li ser ikompli jinsisti fuqha l-PN: attitudni li tibni mhux tkisser u; attitudni bbażata fuq l-evidenza mhux il-gosti; attitudni li tibqa’ tpoġġi l-ġid komuni fiċ-ċentru u mhux tigglorifika l-egoiżmu u r-rgħiba. Dan huwa dak li jagħmel partit modern u popolari li ma’ jippretendix li jaf kollox iżda li għandu l-impenn li jwettaq il-ġid flimkien ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom lil pajjiżna.
Għalhekk inqis ruħi onorat għall-privileġġ li ngħatajt biex immexxi dan il-proċess ta’ tiġdid tal-politika tal-PN. M’hemm xejn isbaħ milli tara l-esperjenza ta’ deputat titgħaġen mal-passjoni u l-enerġija tal-kandidati ġodda, li qed jaspiraw li jkunu deputati fi ftit xhur oħra, biex flimkien tiġi fformulata politika innovattiva, moderna u effettiva li tagħti s-soluzzjonijiet għall-isfidi li għandna quddiemna.
Fl-isfond ta’ ħafna qtiegħ ta’ qalb, dan kollu lili jimlini b’kuraġġ li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ dik il-forza politika li għandha l-viżjoni, l-ħila u d-dehen li terġa’ ddawwar ir-rotta li qabad dan il-pajjiż lejn waħda fejn l-ekonomija tkun verament għan-nies u motivata milli toħloq il-ġid u tqassmu b’mod ekwu mingħajr ma’ tippreġudika l-ambjent naturali tagħna. Ekonomija li tkompli tgħina biex insawwru soċjeta’ fejn id-dinjita’ ta’ kull persuna tkun salvagwardjata u mhux ikkaplestata mis-sistema.
Huwa għalhekk li Gvern immexxi minn Bernard Grech la ser jippreġudikak u lanqas ser jiġġudikak. Gvern immexxi minnu ser jaħdem bla waqfien biex inkattru l-ġid u dan jagħmlu mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u tejatrini sabiex int u l-poplu Malti u Għawdxi kollu jkollkom dak li jixiriqlkom: ħajja mimilja saħħa, trankwillita’ u opportunitajiet mingħajr ma’ jkollok il-bżonn li tinkina quddiem ħadd.
Dan huwa r-riżultat ta’ dak kollu li qed naħdmu fuqu: viżjoni għall-Malta u Għawdex meħlusa mill-ispettru tat-tribaliżmu fejn verament nerġgħu niskopru xi tfisser li nkunu lkoll aħwa Maltin.