Carmel Cacopardo | Taħt il-lenti
Imma hemm xi ftit pożittiv f’dak li ġara ukoll. Il-Gvern Laburista fittex il-parir tal-barranin! Għal darba mhux jeqred bl-indħil barrani!
Irridu u ma rridux, Malta hi kontinwament taħt il-lenti internazzjonali. L-imġieba tagħna bħala pajjiż kontinwament tiġi mqabbla ma dak li hu aċċettat u li fil-fatt isir f’pajjiżi oħra. Dan bla dubju għandu jservi ta’xprun għalina lkoll f’dak kollu li nagħmlu.
Kemm jekk hi l-Moneyval, il-GRECO, l-Kummissjoni ta’ Venezja inkella xi istituzzjoni sopranazzjonali oħra, l-argumenti huma sostanzjalment identiċi. Xi drabi huma dwar it-titjib meħtieġ inkella titjib li diġa qiegħed isir. Sfortunatament, iżda, bosta drabi oħra, l-istorja hi differenti: għax l-imġieba etika tal-istituzzjonijiet tagħna bosta drabi hi ferm 'il bogħod minn dak mixtieq. Dan jinkludi lill-Parliament, li tul is-snin wera li mhux kapaċi jeżiġi l-kontabilità tal-Gvern. Mill-ħażin immorru għall-agħar, kontinwament, kif jidher mill-imġieba tal-kumitat Parlamentari inkarigat biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-istandards fil-ħajja pubblika. B’mod speċifiku l-mod kif aġixxa l-iSpeaker f’uħud minn dawn il-laqgħat hu inaċċettabbli.
Il-Grupp GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa għadu kif ħareġ rapport ieħor dwar Malta. Il-GRECO hu kumitat fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li jissorvelja kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li jiffurmaw il-Kunsill tal-Ewropa. Dan l-aħħar rapport tal-GRECO hu dwar regoli etiċi konnessi mal-Parlament, mal-ġudikatura u ma’ oqsma oħra relatati.
Hu tal-biki li tisma’ l-kelliema tal-Gvern jilgħaqu lill-GRECO għax, jgħidu, li dan qed ifaħħar lill-Gvern dwar inizjattivi fil-qasam tal-etika pubblika. Ma sar xejn minn dan. Minflok iżda ġie emfasizzat mill-GRECO li r-riformi f’Malta mexjin bil-mod wisq, qegħdin lura. Qed jitkaxkru is-saqajn. Dak li qaletil-GRECO.
Fl-istess ħin kellna rapport ieħor mill-Kummissjoni Venezja. Din id-darba dan ir-rapport intalab mill-Gvern stess dwar tibdil li qed ikun ikkunsidrat fil-liġijiet in konnessjoni ma’ multi amministrattivi sostanzjali li qed jimponu diversi awtoritajiet. Il-problema hi dwar il-fatt li dawn l-awtoritajiet mhumiex meqjusa bħala Qorti kif teħtieġ il-Kostituzzjoni Maltija f’ċirkustanzi bħal dawn. Dan minħabba li mhumiex immexxija minn persuna meqjusa imparzjali, bħal ma hu Imħallef jew magistrat. Minflok huma immexxija minn persuni ta’ fiduċja!
Il-Gvern ilu jipprova jilgħab b’emendi differenti li ressaq għall-konsiderazzjoni tal-Parlament. Weħel fl-emendi meħtieġa għall-Kostituzzjoni għax m’għandux l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament u issa spiċċa dahru mal-ħajt. Ir-rispett lejn is-saltna tad-dritt qatt ma kienet kwalità ewlenija tal-Gvern kif qed jidher ċar fil-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet! Din mhiex xi ħaġa ġdida li ma konniex nafu biha!
Il-Kummissjoni Venezja ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li jkun iktar xieraq jekk il-Gvern Malti josserva t-toroq indikati mill-Kostituzzjoni Maltija flok ma jibqa’ jilgħab bil-liġijiet. Il-Kummissjoni Venezja tiġbed l-attenzjoni li filwaqt li l-opinjoni tagħha hi kontribut lejn id-diskussjoni pubblika li qed tiżviluppa, hi l-Qorti Kostituzzjonali Maltija biss li fl-aħħar tista’ tiddeċiedi jekk l-għażliet tal-Gvern Malti humiex korretti jew le! Fi ftit kliem qed tgħidlu: x’ġejt tagħmel hawn?
Id-deċiżjoni meħtieġa, tgħid il-Kummissjoni Venezja hi waħda li trid tittieħed minn Malta u l-awtoritajiet tagħha. Hi ukoll materja ta’ sovranità. Għax hi l-Qorti Kostituzzjonali Maltija biss li tista’ tiddeċiedi dwar jekk l-emendi proposti għall-Att dwar l-Interpretazzjoni jmorrux kontra l-Kostituzzjoni Maltija jew le.
Imma hemm xi ftit posittiv f’dak li ġara ukoll. Il-Gvern Laburista fittex il-parir tal-barranin! Għal darba mhux jeqred bl-indħil barrani!