Saviour Balzan | Pulċinelli!
'Jibda hu l-ewwel jgħidilna minn ser iħallaslu l-paga ta’ madwar €65,000. Jgħidilna liema big business qed iħallas il-pagi tad-diriġenti ta’ Bernard Grech jekk tant iħobb it-trasparenza Peregin!'
Jien kull filgħodu nidħol nieħu kafe f’bar tat-titotla, l-udjenza madwar il-bank tal-kafè jkunu Maltin, jitkellmu bil-Malti u huma l-biċċa l-kbira ħaddiema tal-id.
Kienet il-ġurnata wara li Chris Peregin qal li sab il-vokazzjoni ta’ ħajtu. U tfajt ismu mal-ġemgħa żgħira biex nara x’qed jaħsbu. Quddiemi kelli wċuħ vojta u bla emozzjoni. Indunajt li l-ebda wieħed minnhom ma huwa segwaċi tal-Lovin jew kien jaf lil Peregin.
Id-diskors dar fuq il-futbol.
Peregin kien u jibqa' persuna għalija illi kieku kelli nagħżel l-ewwel 100 persuna li nista' nafda, ċertament ma jkunx wieħed minnhom. Jitkellem f’vuċi baxxa, b'ingliż ta' Tas-Sliema, jipprova jeħodlok minn rasek, jippretendi li mhux interessat fil-flus u dak li tara mhux dak li hu.
Mhux ser noqgħod ngħid kemm il-darba għajjartu ipokrita. Jiġifieri li - per eżempju - ma staħax jattakka lil ħaddieħor, suppost kollega tiegħu, meta hu ħafna drabi għamel l-istess ħaġa. Qed nitkellem hawn fuq il-fatt li hu pperfezzjona l-arti ta’ l-isponsored content. Li tagħti l-impressjoni żbaljata li dak li qed taqra hija l-aħbar it-tajba. L-argument tiegħu kien li x’imkien hemm indikazzjoni li l-kitba jew il-vidjow huwa sponsored. U ngħid dan mhux għax jien ma naqbilx mal-mudell, imma għax għalih kull ħaġa f’għajnejh kellu valur monetarju u għalih 'no problem' sakemm ma jagħmilhiex ħaddieħor! Imabgħad iva, issir problema!
Peregin qal li ser imur isalva l-Partit Nazzjonalista, f’mument fejn il-pajjiż għandu bżonn alternattiva. Għandu dritt u ħadd mhu ser iżommu. Imma nistaqsi, kieku ħaddiehor bl-istess piż fil-midja għamel l-istess u mar mal-Partit Laburista, ara x’kienu jgħidu eh dawk li jimirħu madwar u jaduraw lil Peregin!
Kieku ħaddiehor bl-istess piż fil-midja għamel l-istess u mar mal-Partit Laburista, ara x’kienu jgħidu eh... kieku jiftħu d-drenaġġ kollu ta’ Tas-Sliema ma kienx jibda mat-tgħajjar kollu li din il-persuna kienet tirċievi! Imma għax tmur mal-PN, hekk orrajt! Eroj!
Għax fl-2012 jew fl-2017 li tesprimi l-opinjoni favur il-Labour kienet gravi. Kienet tfisser li inti mxajtan u maħmuġ, u inkallat u għandek il-pesta. Lanqas dubju ma għandi illi kieku jiftħu d-drenaġġ kollu ta’ Tas-Sliema ma kienx jibda mat-tgħajjar kollu li din il-persuna li marret mal-Labour kienet tirċievi! Imma għax tmur mal-PN, hekk orrajt! Eroj!
Peregin bħal ħafna nies fil-midja għandu ego kbir ħafna.Ġej minn sezzjoni tas-soċjetà li hija intrinsikament mneħirha mxammar, jemmnu li min hu laburist huwa miġnun, jgħixu f’milieu fejn huma biss għandhom raġun, fejn jekk huma jagħmlu żball mela hemm xi raġuni valida biex għamluh dak l-iżball, u apparti minn hekk għexu żmien u għomor jemmnu li l-iżbalji kollha huma kaġun tal-Labour.
Bħallikieku l-frodi, il-korruzzjoni u in-nuqqas ta' trasparenza u l-kunflitti ta’ interessi huma parti mid-DNA tal-Laburist biss.
Peregin jiddikjara li hu favur l-abort, l-użu tal-ħaxixa rikreattiva u affarijiet oħra liberali li issa kif jibda jdur ftit fil-PN jinduna fejn daħal - f’liema katakombi ta’ żmien ir-rumani daħal.
Iktar minn hekk, jagħtina l-impressjoni li hu favur it-trasparenza fil-PN. Jiġifieri li, per eżempju, il-PN jiddikjara fil-miftuħ min mill-big business iħallas il-pagi u l-affarijiet l-oħra.
Ara vera jaħsibna bċieċen! Jibda hu l-ewwel jgħidilna minn ser iħallaslu l-paga ta’ madwar €65,000. Jgħidilna liema big business qed iħallas il-pagi tad-diriġenti ta’ Bernard Grech jekk tant iħobb it-trasparenza Peregin!
Peregin huwa bniedem kapaċi. F’temp qasir beda bħala ġurnalist mat-Times, fejn spiċċa meżmerizzat minn Muscat minħabba t-tema tal-LGBTIQ, telaq minn ġurnalist, mar mal-Brandwagon, fejn hemm b’mod interessanti ingħata l-inkarigu wara tender mlaħħam li jaħdem għall-marketing tal-Air Malta. Imbagħad ftit wara beda kumpanija tal-marketing għan-negozji kbar mal-eks editur tal-Times u eks ġurnalista oħra. Ma kienx biżżejjed, u beda l-LOVIN.
Fil-frattemp ma nafx kemm iddikjara kontra Bernard Grech għax ma ħallasx taxxi. Ma nafx kemm fetaħ kawżi biex jagħlaq in-NET!
Iżda xorta waħda, Peregin ra d-dawl! Heqq ma hemmx tagħmel, kulħadd jagħmel il-kuntrumbajsi!
Qal li jrid joħroġ dan il-pajjiż mill-apokallissi biex nispiċċaw f’ħoġor dawk li ser isalvawna.
Biex forsi ikollokhom idea ċara għal min qed ngħid, nirreferikom għal xi stilel tal-Gvern in the waiting: Edwin Vassallo, magħruf l-aktar għal moħħ miftuħ tiegħu, Mario DeMarco xempju tal-verġinità, Toni Bezzina wiċċ l-enerġija u l-modernità, Beppe Fenech Adami - konsistenti u b’valuri kbar, Maria Deguara militant favur in-nisa u l-femministi u l-aħħar iżda mhux l-anqas - the one and only - Hermann Schiavone, il-ħassieb tal-Partit u viżjonarju għas-snin li ġejjin!
Ovvjament għal dawk li ma jifhmux s-sarkażmu, qed ikun sarkastiku.
Xi wħud jistaqsuni imma Peregin kif ser isib postu hawnhekk ma' dawn l-ilpup kollha? Ir-risposta hija ċara: Meta ssofri minn ego kbira daqs nefħa mimlija materja, tkun lest tissagrifika kollox (għajr il-paga), anke il-prinċipji!
Fid-dizzjunarju dawn in-nies niddiskrivewhom b’kelma waħda sempliċi… pulċinelli!
PS: Skużawni ħallejt barra lil Jason Azzopardi u Karol Aquilina
Min hu komdu...
Jekk hawn min irid li pajjiżna jibqa magħluq u ma naħsbux kif ser niftħu pajjiżna għat-turiżmu u għan-normalità hija minħabba raġuni waħda biss u ngħidha b’ċertezza.
Dawn in-nies huma komdi, għandhom il-paga tagħhom assigurata, għax għandhom salarju tal-gvern jew ta' xi entità governattiva. Ara kieku dawn jiddependu fuq dħul privat, kieku qed nargumentaw kontra li ma niftħux!
Lil hinn mid-dikjarazzjonijiet ta’ Charmaine Gauci, irridu nifhmu li d-deċiżjonijiet fl-aħħar mill-aħħar huma politiċi. Jekk aħna ser nivaċċinaw lil kulħadd u jien naqbel li kullħadd jiġi vaċċinat mela għandha niftħu u niġu għan-normal.
Għandha niftħu u niġu kif konna bil-premessa li kulħadd irid ikollu ċertifikat.