Claudio Grech | Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar
L-industrija għajjiet tieħu d-daqqiet ġo fiha, waħda wara l-oħra. Is-sens ta’ dieqa issa qed jinbidel f’rabja li ma’ jħallix lill-operaturi jiffukaw fuq xogħolhom
Ftit tal-ġranet ilu l-Parlament Ingliż daħħal fis-seħħ sett ta’ regolamenti bħala parti mil-leġislazzjoni tar-Renju Unit f’dak li għandu x’jaqsam is-servizzi finanzjarji. Dawn ir-regolamenti jġibu t-titlu ta’ The Money Laundering and Terrorist Financing (Amendment) (No. 2) (High-Risk Countries) Regulations 2021. Kif kulħadd jaf, ir-Renju Unit (Londra b’mod partikolari) huwa ċentru ewlieni tas-servizzi finanzjarji u għaldaqstant kull pajjiż ieħor li jaspira li jopera f’dan il-qasam ikollu - naturalment – jaħdem mal-operaturi fir-Renju Unit.
F’dawn ir-regolamenti ġiet ippubblikata skeda ta’ dawk il-pajjiżi li skond l-istess liġi huma meqjusin bħala “High-risk third countries” jiġifieri pajjiżi li għal finijiet tal-liġi tas-servizzi finanzjarji tar-Renju Unit ikunu ġurisdizzjonijiet li huma ta’ riskju għoli. F’din il-lista hemm 24 pajjiż imniżżla fosthom Haiti, Iran, Panama, Senegal, Syria, Yemen u Zimbabwe. Iżda b’għafsa ta’ qalb meta tara l-lista tara li l-uniku pajjiż li hemm fil-lista li huwa Membru Stat ta’ l-Unjoni Ewropea huwa Malta.
Issa dan ma’ ħasadx biss lil kull min jopera f’dan is-settur f’pajjiżna. Iżda weġġa’ lil kull min għandu għal qalbu lil dan il-pajjiż u lil kull min jixtieq jara isem pajjiżna meqjus bl-ogħla rispett u mhux inkluż f’lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħasil ta’ flus u terroriżmu. Dan kollu jieħu dimensjoni ħafna akbar meta wieħed iqis li dan is-settur illum huwa pilastru ekonomiku ta’ pajjiżna li permezz tiegħu l-Gvern jiġbor miljuni kbar f’taxxi li jsostnu s-servizzi soċjali u tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Bl-aġir li wassal għal din is-sitwazzjoni qed nipperikolaw dan kollu. Tmintax-il xahar f’din is-sitwazzjoni ser iwasslu għal problemi sinifikanti li finalment ser jerfgħu l-piż tagħhom ħadd għajr il-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’dan is-settur. Ma’ ninsewx li l-ekonomija tagħna hija ekosistema żgħira fejn kull parti tal-katina taħdem bis-saħħa ta’ dawk ta’ ħdejha. Il-problemi strutturali f’dan is-settur ser iwasslu għal impatti oħra f’oqsma oħra mhux lanqas dawk ta’ l-ospitalita’, ir-ristoranti, is-servizzi fid-djar, il-proprjeta u l-bejgħ fil-hwienet.
Din l-aħbar ġiet wara dik li kellna ftit ġimgħat ilu meta tpoġġejna fuq il-lista l-griża mill-FATF. L-industrija għajjiet tieħu d-daqqiet ġo fiha, waħda wara l-oħra. Is-sens ta’ dieqa issa qed jinbidel f’rabja li ma’ jħallix lill-operaturi jiffukaw fuq xogħolhom iżda biex jippruvaw jilqgħu għal problemi li qed jiffaċċjaw minn jum għall-ieħor.
L-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-ekonomija Maltija qed jokorbu biex neqilbu paġna ġdida fejn il-politika tkun dik li twettaq viżjoni u mhux sensiela drammatika ta’ intriċċi, skandli u taħwid. Pajjiżna għandu bżonn ta’ tama: tama li l-ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jgħixu, jaħdmu u jrabbu familja f’pajjiż rispettat, hekk kif jixraqlu.
Din il-karba għat-tama hija dak li l-politiċi kollha minn kull naħa jridu jagħtu każ għaliex aktar ma’ jgħaddi żmien, aktar ir-rimedji ser jonqsu.
Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar minn hekk.
Uliedna jixiriqlhom li nroddulhom pajjiżhom lura ħafna aħjar minn hekk.
Il-Partit Nazzjonalista mhux perfett iżda lil dan il-pajjiż dejjem għamlu wieħed rispettat, fejn minkejja ċ-ċokon kien rispettat bħala Membru madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet. Illum reġa’ wasal il-mument biex il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Bernard Grech, jġib lill-Maltin u l-Għawdxin flimkien biex nerġgħu nirbħu dan ir-rispett u nkomplu l-mixja lejn it-trasformazzjoni ekonomika li dan il-pajjiż u l-ġenerazzjonijiet futuri jixirqilhom.