Ivan Bartolo | Spiċċa ż-żmien li ngħixu 'Normali'?
Nixtieq nemmen li għadna fil-ħin biex nimmaġinaw Malta morali differenti milli qed issir, u dan nagħmluh b’rispett lejna nfusna bħala adulti, b’rispett lejn uliedna ħajjin, u b’rispett lejn dawk li għad iridu jitwieldu
Il-kriżi interna fil-bniedem qed twassal għal għixien estrem. Il-flus saru alla u kollox. Il-bniedem tbiegħed mill-kenn spiritwali, u x’ jimpurtah mill-prinċipji u l-valuri, basta jistinka u jilħaq l-għan aħħari tiegħu li wara kollox tirrendilu l-flus. Sfida kontinwa għal bniedem li jrid is-sewwa. Sfida akbar għal bniedem li kontinwament irid jisielet kontra kull kurrent. Kulħadd imqabbad f’kulħadd. Kulħadd għassa kif ser jaħtaf l-ispazju ta’ ħaddieħor. Bħal lpup ħuttafa, jiġu f’ darek fis-satra tal-lejl biex jilgħabu chess ma’ moħħok. Jimlewlek moħħok, biex għat taparsi titla fuq il-karru tas-sewwa. Maż-żmien tirrealizza li tkun tlajt fuq karettun b’ rota żlugata. Bla dubju meta jiġri dan jitkissru l-qlub.
U dan l-għixien estrem jirrifletti wkoll fl-ispazju ta’ kif qed jgħixu l-bnedmin fl-ispazju tagħhom. Fl-ispazju li fih inħossuna sikuri, imdawra ma’ bnedmin li nħobbu, fejn fih tħossok liberu tgħix, ukoll qed jitnaqqar. 900 miljun persuna fid-dinja jgħixu fi kwartieri xejn xierqa, bla ebda sistema sanitarja diċenti. Resqin lejn ċifra nkwetanti fejn 1.6 biljun persuna ( 20% tal-popolazzjoni dinjija) se jkollha diffikultajiet kbar biex tkun tiflaħ tħallas għal kera. Lura lejn pajjiżna ... ktibt u tkellimt kemm-il darba dwar is-sitwazzjoni tal-kirjiet u x-xiri tal-propjeta f’pajjiżna. B’ €90,000 kont tixtri appartament b’ żewġt ikmamar u jinkera b’ €250. Illum trid tħallas aktar mid-doppju. Għidli int, jekk b’ paga medja jew minima, tistax qatt issir Sid ta’ Darek. 80% tal-poplazzjoni hija sid ta’ darha u allura qed nirreferi għal bqija tal-poplazzjoni li l-biċċa l-kbira tagħhom tgħix b’ paga minima. X’ qed isir għal dan? Kif nistgħu intejbu s-sitwazzjoni prekarja tagħhom? Biex ma nsemmux l-ammont kbir ta’ familji u anki barranin, li jaqbżu l-appartament biex fih jgħixu mal-għaxar persuni u aktar. Daħlet sew l-idea fejn xi wħud jikru kamra minn dan l-appartament iffullat, b’ nuqqas ta’ privatezza. Il-kmamar xejn m’huma spazzjużi. Bħal donnhom qed jgħixu f’tebut qabel imutu. Ara f’liema stat qed jgħix il-bniedem fid-dinja llum!
B’ €90,000 kont tixtri appartament b’ żewġt ikmamar u jinkera b’ €250. Illum trid tħallas aktar mid-doppju. Għidli int, jekk b’ paga medja jew minima, tistax qatt issir sid ta’ darek! Ivan Bartolo (Deputat PN)
Dan minbarra l-mijiet ta’ bnedmin jgħixu fi spazji moħbija fejn ħadd ma jinduna bihom, oħrajn f’ garaxxijiet (anki saħansitra f’ garaxxijiet taħt l-art), f’ irziezet, fil-komun. Bħal nomadi jiġru minn dar għall-oħra; mingħand il-kunjata s’għand il-ħabiba. Ipprova idħol fiż-żarbuna ta’ dawn il-povri bnedmin. Rapport maħruġ fl-2017 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali juri li l-problemi tal-akkomodazzjoni soċjali laħqu livelli kritiċi fil-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi kollha fl-Ewropa, fosthom studenti u żagħżagħ. Dan jidher ukoll ċar fi studju li ħareġ dan l-aħħar fejn numru kbir ta’ żagħżagħ jagħżlu li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u l-ħeġġa li jsiru sidien ta’ djarhom dejjem qegħda tonqos. Bla dubju l-qtiegħ ta’ qalb jispikka meta wieħed jibda jara l-prezzijiet, u għalhekk jagħżlu l-aktar triq faċli, anki jekk hi skomda.
Meta l-bniedem isib ma’ wiċċu nuqqas ta’ opportunitajiet, nuqqas ta’ kuraġġ u toroq dojoq, bla ma jrid iħassar is-sbuħija u r-ruħ tal-futur tiegħu. Jispiċċa jaqta' qalbu. Il-bniedem illum mhuwiex jesperjenza ħajja sabiħa, ta’ poplu magħqud li joffri spazju lid-diversità. Meta l-bniedem jesperjenza l-ħajja solidali u dik komunitarja, sservih ta’ ispirazzjoni u inċentiv. Din hija l-viżjoni li jien noħlom bħala politiku. Din hi x-xewqa li bla dubju jixtieqa kull ġenitur.
Il-karba ta’ bnedmin ta’ rieda tajba hi li nirreżistu dak kollu li hu insensittiv , speċjalment għal dawk il-bnedmin li qed ibatu l-faqar, il-vjolenza u l-inġustizzji. Il-libertà possibbli biss jekk aħna nemmnu fil-ġid komuni u mhux x’ ser nakkwista fil-but. Meta nħossuna responsabbli għal xulxin u neliminaw kull forma ta’ inugwaljanza, nkunu qegħdin nassiguraw li bnedmin u komunitajiet bħalna, jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, xogħol dinjituż u kura medika, biex jiksbu d-dritt ta’ żvilupp integrali uman. Jekk inħarsu ftit madwarna u faċli naraw bnedmin imġarrba u esposti għal kull forma ta’ esplojtazzjoni, skjavitù, vjolenza u abbużi. Ħarsu madwarkom u taraw sensiela ta’ stejjer, bil-protagonisti jibqgħu tar-rgħib jistagħna minn fuq il-fqir.
Nixtieq nemmen li għadna fil-ħin biex nimmaġinaw Malta morali differenti milli qed issir, u dan nagħmluh b’rispett lejna nfusna bħala adulti, b’rispett lejn uliedna ħajjin, u b’rispett lejn dawk li għad iridu jitwieldu