Carmel Cacopardo | Il-marina għal-jottijiet f’Marsaskala: min qed jiġbed l-ispag?
'Ma nistgħux nibqgħu nipposponu li nibdew insewwu l-ħsara li d-delettantiżmu fl-ippjanar għall-użu tal-art ikkawża lill-pajjiż meta għamel minn kollox biex jinjora l-impatti ambjentali'
Il-ġimgħa l-oħra, Transport Malta, ippubblikat kwestjonarju dwar marina għal jottijiet f’Marsaskala: dwar id-diżinn, binja, finanzjament u operazzjoni kif ukoll dwar it-trasferiment eventwali ta’ din il-marina. Hemm bżonn iktar spjegazzjoni dwar dan. X’kien qed jiġri minn taħt? Min ħa l-inizjattiva dwar dan kollu? Tgħid Transport Malta twieġeb u tippubblika dan it-tagħrif?
Dan parti mir-rankatura tal-iżvilupp li għaddej bħalissa jew qed isir biex jgħin żvilupp eżistenti inkella ippjanat band’oħra f’Marsaskala? Il-verità dwar x’ġara xi darba toħroġ. Ikun għaqli u fl-interess ta’ governanza tajba u trasparenti li Transport Malta, u min kien qed jiġbed l-ispag, li titkellem ċar issa.
Il-marina għall-jottijiet f’Marsaskala hi diġa mniġġsa, anke issa li għadha biss fil-ħsieb, u dan hu riżultat tad-difetti bażiċi tal-pjan lokali: nuqqas ta’ analiżi tal-impatti ambjentali. L-analiżi adegwata tal-impatti kumulattivi tal-proposti tal-pjan
lokali qatt ma saret. Dawn l-impatti meta tiġborhom flimkien huma ta’ tħassib, anke fl-istadju ta’ ippjanar. Sfortunatament dakinnhar ma sar xejn biex l-impatti kumulattivi antiċipati tal-proposti tal-pjan lokali jkunu ndirizzati u mitigati.
Dawk minna li ilhom isegwu b’attenzjoni l-pjani lokali sa mill-2006 jafu, li meta dawn saru, ma ġewx analizzati għall-impatti ambjentali kumulattivi kif kien jeżigu r-regoli friski Ewropej dak iz-żmien. Fil-fatt il-pjani lokali li kienu għadhom pendenti ġew approvati ta’ malajr matul is-sajf tal-2006 b’mod li ġie evitat bi żbrixx li jkun hemm l-obbligu li dawn ikunu soġġetti għad-Direttiva tal-UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (Strategic Environment Assessment Directive) li daħlet fis-seħħ f’dawk il-ġranet.
L-impatti speċifiċi tal-jott marina proposta, bla dubju, jkunu analizzati mill-istudju dwar l-impatti ambjentali (EIA) li jibda minnufih hekk kif tidħol applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp għall marina. Il-liġi diġà tipprovdi għal dan: tipprovdi għall-parteċipazzjoni wiesa’ minn l-ewwel mumenti sal-pubblikazzjoni tar-rapporti finali. Għaddejna minnhom dawn il-proċeduri in konnessjoni mad-diversi applikazzjonijiet li nsegwu kontinwament.
Imma l-impatti kumulattivi fuq il-komunità ta’ Marsaskala, kemm dik residenzjali kif ukoll dik kummerċjali, mhux ser issir għax giet evitata meta l-pjan lokali għan-Nofsinnhar (li jinkludi Marsaskala) kien approvat. Dan hu t-tifsir tat-tħassib ta’ bosta li qed joġġezzjonaw għall-indħil ta’ Trasport Malta
f’Marsaskala. Prosit lil John Baptist Camilleri, kunsillier lokali, li rnexxielu jċaqlaq lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala biex iqum fuq saqajh u jsemma’ leħnu. Il-Kunsill Lokali kellu jkun konsultat skont il-liġi dwar il-Kunsilli Lokali li tobbliga kemm lill-Gvern kif ukoll lill-awtoritajiet imwaqqfa b’liġi li jikkonsultaw ruħhom mal-kunsilli lokali dwar kull inizjattiva li teffettwhom! Il-konsultazzjoni, ovvjament trid issir qabel mhux wara li tkun saret il-froġa. Hu ovvju li Trasport Malta għala bieba minn dan kollu!
Trasport Malta qed jaġixxi f’isem il-Gvern Ċentrali. Il-Gvern, immexxi mill-Partit Laburista, konvenjentement iddistakka ruħu mir-responsabbiltajiet politiċi assoċjati mal-pjan lokali għan-Nofsinnhar li flimkien mal-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni jrid jintrefa’ minn ta’ qablu, mill-Partit Nazzjonalista. Hu konvenjenti għal-Labour li jpoġġi l-piż tal-pjan lokali fuq spallejn il-PN. Imma, wara 16-il sena hu ovvju li l-Labour fil-Gvern għal iktar minn tmien snin għamel minn kollox biex jevita r-reviżjoni tal-pjani lokali. Mhux biss dawk dwar Marsaskala, imma kollha kemm huma. Jaħarqu wisq!
Il-Ministru Aaron Farrugia, li hu politikament responsabbli kemm għall-ippjanar dwar l-użu tal-art kif ukoll għall-ambjent, ġie riċentment rappurtat fl-istampa li qal li din ir-reviżjoni ser tibda wara l-elezzjoni ġenerali, li qegħda wara l-bieb. Qal li hu kkalkulat li l-proċess ser jieħu madwar tlett snin. Il-predeċessur tiegħu bħala Ministru għall-ippjanar għall-użu tal-art, Ian Borg, kien ukoll tkellem dwar dan, xi żmien ilu.
Imma ma kien immaterjalizza xejn għax kien ovvju li kien jippreferi jħalli kollox kif inhu.
F’dan l-istadju tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Ministru li l-proposti tagħna bħal partit huma ċarissimi: ħassar l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni u implimenta moratorju fuq żvilupp fuq skala kbira kullimkien. Dawn il-proposti ilhom hemm f’kull manifest elettorali sa’ mill-2006. Huma intenzjonati li jikkontrollaw l-iżvilupp eżaġerat u li jġibu l-industrija tal-kostruzzjoni f’sensiha!
Dan ma jirrigwardax biss lil Marsaskala u l-jott marina proposta. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu li nibdew insewwu l-ħsara li d-delettantiżmu fl-ippjanar għall-użu tal-art ikkawża lill-pajjiż meta għamel minn kollox biex jinjora l-impatti ambjentali.
Il-proposta dwar il-jott marina f’Marsaskala hu biss eżempju wieħed ta’ din il-ħsara: l-iktar wieħed frisk!