Editorjal | X'ħabs irridu?
Wasal iż-żmien li verament nevalwaw is-sistema sħiħa tal-ħabs u għaliex din mhux tħalli r-riżultati mixtieqa u x'se nagħmlu biex ikollna sistema verament rijabilitattiva li tnaqqas b'mod drastiku l-persentaġġ għoli ta' riċediviżmu!
Biex inwieġbu din il-mistoqsija li qed tifforma t-titlu ta' dan l-editorjal jeħtieġ l-ewwel nett nistaqsu: X'nifhmu bih ħabs? U x'inhu l-iskop tiegħu?
L-iskop tiegħu huwa li persuna tidħol hemm u toħroġ agħar? L-iskop huwa li ssir vendetta u vendikazzjoni?
Huwa minn ewl id-dinja li kull min huwa muġugħ, kull min huwa mweġġa' - kull min insterqitlu d-dar, jew sawtulu lil bintu, jew saħansitra qatlulu lil xi ħadd fil-familja jkollu sens ta' rabja u xewqa li l-persuna li inġurjatha tant, tingħata piena ħarxa u tbati. Ħadd ma għandu jnaqqas u wisq inqas jinsa dan. L-ewwel vittmi huma dawk li għaddew minn passjoni u minn problemi, dawk li tilfu ħajjithom, dawk li waqgħu f'dipressjoni kbira wara li daħlu d-dar u sabu li serqulhom kollox, dawk li għaddew minn trawma ta' swat u vjolenza, dawk il-ġenituri li raw lil uliedhom jilgħabu bejn ħajja u mewt wara overdose, dawk il-vulnerabbli li daħku bihom, li użawhom u l-lista tkompli! Mela ebda diskussjoni dwar il-ħabs ma tista' telimina lill-vittma. Inkella tkun diskussjoni fażulla!
Imma, skużi, biex nipproteġu lill-vittma ma għandniex noħolqu vittma oħra. Biex nirranġaw inġustizzja ma jistax ikun li nagħmlu inġustizzja oħra - għax minflok insolvu l-problema nkunu qed noħolqu oħra.
Staqsu lilkhom infuskhom: Issa jekk persuna tispiċċa l-ħabs fuq serq u nagħmlulha ħajjitha infern, noħorġuha mill-ħabs u ħadd ma jimpjegaha u tiġi trattata qisha persuna bil-pesta, x'inkunu solvejna? Xejn. Anzi. Inkunu ħloqna t-tieni vittma - l-ewwel hija l-vittma li nsterqet, u t-tieni hija l-priġunier li wara li qatta' snin l-Ħabs ħareġ u sab tistennieh soċjetà li ma tridx taf bih, li għaliha hu żejjed, tajjeb għar-rimi, sab nies li jħarsu lejh biss b'sens ta' preġudizzju u superjorità! U allura dan x'futur għandu? Speċjalment jekk dan ma għandux familja b'saħħitha u forsi familja bil-mezzi li se tgħinu - psikoloġikament u finanzjarjament? L-uniku futur huwa li jerġa jaqa' f'xi vizzju u jerġa' jisraq! U jerġa jidħol il-Ħabs! U b'hekk tkun inħolqot it-tielet vittma!
Ma jistax ikun nibqgħu niddiksutu l-ħabs - daqslikieku qed niddiskutu l-abort - jiġifieri kulħadd iwerżaq u jgħajjat u ma jridx jisma' lin-naħa l-oħra! Ma nistgħux npoġġu rasna fir-ramel.
B'madwar 70% f'reċidiviżmu s-sistema qegħda taħdem? Dik il-mistoqsija. U intuli nibqgħu għaddejjin bl-istess kantaliena, "għax fi żmien il-PN..." u "għax meta Beppe kienu Ministru...". Jekk ma sar xejn u jekk kien hemm ħabs mifqugħ bid-droga u jekk vera ma kienx hemm dixxiplina u jekk "il-ħabs kien jitmexxa mill-bullies" taħt Gvern Nazzjonalista - dan huwa ħażin u kundannabbli! U ta' dan il-ħażin il-PN għadu qed iħallas prezz sal-lum!
Imma issa ejja nħarsu 'l quddiem! Issa ejja naraw verament x'hemm bżonn isir biex ħadd ma jkollu għalfejn jerġa' jitlef ħajtu! Biex nipprevjenu kemm nifilħu mid-disperazzjoni mhux inżiduha!
Huwa sew li priġunier jitħalla mingħajr fann f'din is-sħana toqtol? Huwa sew li jintefgħu ġo ċelel fejn jiġi allegat li hemm il-ġrieden jiġru? Dan ħadd mhu qed jgħid li l-ħabs ikun lukanda ta' ħames stilel! U dan l-editorjal ma jaqbilx lanqas ma kunċetti ta' ħabs, fejn tidħol u toħroġ xħin trid u lanqas li mmorru oltrè u ħafna libertajiet u kumditajiet eseġerati! Imma li bniedem ikun trattat ta' bniedem, qed nitolbu wisq? Li persuna ma tiġix trattata ta' annimal qed nitlobu wisq? Li tgħix f'dinjità, qed nitolbu wisq?
Issa ilhom ħerġin stejjer u jsiru akkużi lejn it-tmexxija tal-ħabs. Ilhom isiru akkużi ta' tmexxija dittatorjali, militari u vjolenti! Quddiem dawn l-istejjer il-ħabs jeħtieġ ikun aktar trasparenti u iktar miftuħ għall-midja, mhux inqas.
Hemm bosta li jfaħħru wkoll lid-Direttur preżenti u jgħidu li dan għamel biċċa xogħol tajba għax qata' d-droga mill-ħabs. U tajjeb! U ħaqqu prosit ta' dan. Pero' issa importanti nifhmu illi li "qtajna d-droga mill-ħabs" kienet stage wieħed fi vjaġġ lejn destinazzjoni, mhux id-destinazzjoni innifisha!
X'jgħodd li ma naqtgħux il-bżonn tad-droga minn xi ħadd li huwa vvizzjat għaliha? Min hu vvizzjat għad-droga u mar jisraq biex jixtriha, għajnuna għandu bżonn biex dak il-bżonn ma jibqax ma hemm. Qed isir dan? Qed tingħata din l-għajnuna? Jew vera qed joħorġu mill-ħabs u l-ewwel stop tagħhom ikun għand id-dealer?
Ħafna drabi ma nindunawx, pero' l-mod kif nitrattaw lil min żbalja jirrifletti ħafna fuq is-soċjetà nnifisha! U x'jirrifletti dan kollu?
Juri li għadna lura milli nifhmu li ċerti problemi jeħtieġu l-għajnuna u rijabilitazzjoni - mhux id-dixxiplina militari u kattiva! Għadna nemmnu li jekk nivvendikaw ruħna ma' dawk li żbaljaw, dawn se jitgħallmu, minkejja li quddiem wiċċna stess qed naraw li dan mhux il-każ għall-maġġoranza!
Wasal iż-żmien li verament nevalwaw is-sistema sħiħa tal-ħabs u għaliex din mhux tħalli r-riżultati mixtieqa u x'se nagħmlu biex ikollna sistema verament rijabilitattiva li tnaqqas b'mod drastiku l-persentaġġ għoli ta' riċediviżmu!
Fil-gazzetta ILLUM tajna ħarsa lejn ftit mid-diversi proposti li saru minn Peppi Azzopardi u Andrew Azzopardi. Dan l-editorjal ma jaqbilx ma' kull waħda minn din il-proposta, imma għall-inqas bdejna ximkien! Għallinqas quddiem sistema li falliet - għax 70% riċedivi huwa falliment - hemm min irid ibiddel l-affarijiet!