Owen Bonnici | Qalb tajba

Dan l-oppost għandu ħafna ismijiet: fanatiċiżmu, estremiżmu, nazzjonaliżmu eżaġerat, razziżmu – issejjaħlu kif issejjaħlu l-effett ikun dak ta’ velenu li jifga’ fejn suppost hemm l-ossiġnu tal-ħajja

Normalment, il-politiċi meta jindirizzaw xi folla, jibdew id-diskors tagħhom billi jikkwotaw xi ħassieb ewlieni, bħal pereżempju Platun jew Sokrate jew inkella xi mexxej politiku rispettat bħalma kienu Churchill, Obama jew FDR.

L-eks President tal-Kolumbja, Juan Manuel Santos Calderon li anke rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi, għażel li f’diskors li għamel f’Università quddiem l-akkademiċi, ġenituri u student jikkwota serje fuq Netflix u bena diskors sħiħ fuq din is-serje.

Id-diskors kien b’saħħtu ħafna u hi ħasra li aħna l-Ewropej donna niffokaw biss fuq x’jgħidu esponenti Ewropej jew Amerikani u ninjoraw il-bqija tad-dinja.  Dak li qal Santos lill-istudenti tal-Universita’ ta’ l-Andes japplika għall-popli kollha tad-dinja.

Santos jiftaħ id-diskors tiegħu billi jirreferi għall-produzzjoni ta’ Netflix li jisimha Sense8.  Din il-produzzjoni hi miktuba, fost oħrajn, mill-aħwa Wachowski li kienu tawna ġmiel ta’ serje bl-isem ta’ The Matrix.  F’The Matrix, l-aħwa Wachowski rriflettew b’mod b’saħħtu ħafna fuq l-eżistenza tad-dinja reali.  F’Sense8 l-aħwa Wachowski jistudjaw b’mod eċċezzjonali d-don ta’ l-empatija, dik il-ħaġa li ġġib in-nies flimkien daqslikieku huma ħaġa waħda.

Din is-serje tippreżentalna razza ġdida ta’ nies, il-Homo Sensorium, li jgħixu mal-bqija tal-umanita’, il-Homo Sapiens.  Dawn il-Homo Sensorium għandhom don partikolari u speċjali ħafna: dak tal-empatija, l-abbilita’ li jagħmlu konnessjoni diretta mal-emozzjonijiet, il-ferħ u d-dwejjaq ta’ oħrajn bħalhom u jħossuhom daqs li kieku dawn l-emozzjonijiet huma tagħhom.

U għalhekk naraw tmien karattri ġejjin mid-dinja kollha li jiskopru (ħafna drabi bi trial and error) li huma parti minn familja partikolari li ssalva biss jekk jingħaqdu u kulħadd jikkontribwixxi t-talenti tiegħu anke jekk kultant huma talenti li aħna nqisuhom bħala “ordinarji”.

U għalhekk insibu pulizjott minn Chicago, DJ mill-Iżlanda li tgħix f’Londra, hacker transgender li jgħix f’San Francisco, xufier ta’ vann f’Nairobi, attur gay fil-Messiku, ħalliel f’Berlin, xjenzata f’Bombay u esperta fl-arti marzjali f’Seoul.  Kull wieħed hu differenti ħafna mill-ieħor u d-diversità, anke fejn tidħol l-orjentazzjoni sesswali, hija kbira.

Dawn it-tmien karattri, kif jispjega Santos, jifhmu li kulħadd – sija min hu Homo Sapiens jew dawn il-Homo Senorium – għandhom jersqu flimkien.  Li aħna l-bnedmin ħaġa waħda.  U kif jgħid Santos, hu ghalhekk li bħalma jiġrilhom il-karattri tas-serje, meta xi ħadd minnhom iweġġa’, kulħadd iweġġa’ xi ftit, meta xi ħadd minnhom jiżfen jew ikanta, kulħadd jingħaqad f’dak s-sentiment ta’ ferħ, meta xi ħadd minnhom isofri, kulħadd isofri, meta xi ħadd minnhom iħobb, kulħadd isir parti minn dik l-imħabba.

Hemm ħafna modi kif issejjaħ din il-ħaġa.  Hemm min isejħilha empatija.  Hemm min isejjaħ din il-ħaġa kompassjoni.  U fil-verita’ l-empatija u l-kompassjoni hi nieqsa ħafna fid-dinja tal-lum fejn dawn il-valuri jitqiesu bħala dgħjufija minn ħafna.

L-aħħar generazzjonijiet urewna li meta jsir l-oppost, jiġifieri flok empatija jkun hemm antipatija u meta flok kompassjoni jkun hemm il-mibegħda, jkun hemm konsegwenzi xejn sbieħ.  Dan l-oppost għandu ħafna ismijiet: fanatiċiżmu, estremiżmu, nazzjonaliżmu eżaġerat, razziżmu – issejjaħlu kif issejjaħlu l-effett ikun dak ta’ velenu li jifga’ fejn suppost hemm l-ossiġnu tal-ħajja.

Santos jemmen li fil-fundament ta’ dawn l-affarijiet kollha hemm fattur wieħed: il-biża'.  Il-biża' minn dak li hu differenti.  Il-biża' minn dak li ma nafux x’inhu.  Il-biża' minn dak li ma jistgħux jifhmu.  U tassew il-biża' – flimkien mal-imħabba – huma probabbilment l-iktar żewġ forzi qawwija fl-istorja tal-bniedem.

Jien kburi li fil-ħidma politika tiegħi tajt kontribut biex inħoloq moviment li indirizza bil-qawwa kollha numru ta’ realtajiet li kienu qed jikkawżaw il-firda sforz il-biża'.  Ejja nieħdu l-ezempju tal-persuni LGBTIQ.  Rajna kambjament stroardinarju minn kif konna nħarsu lejn persuni LGBTIQ meta kont tifel jien għal issa, ftit ġenerazzjonijiet wara.  Fadal ħafna x'isir.

Bl-istess mod irridu nkomplu noħolqu kambjament biex inwarrbu l-biża' minn dak li ma nafux, jew ma nifhmux lejn nies oħrajn li mad-daqqa t’għajn huma differenti.  Irridu nwarrbu l-mibegħda u minflok niżirgħu l-empatija u l-kompassjoni.  Għaliex meta tirrifletti u meta taħseb tirrealizza li hemm ħafna iktar x’jgħaqqadna ma’ ħaddieħor li jidher differenti minni milli x’joftomni minnu jew minnha.

'Il-moderazzjoni u l-empatija jagħmlu ħafna aktar ġid mill-politika tal-mibgħeda'

L-estremiżmu, hu x’inhu, qatt m’hemm postu u jnaffar u jtellef u jdejjaq in-nies li jiġu bbumbardjati bih.

Fil-ħajja politika hu faċli mmens li taqa’ fin-nassa tal-estremiżmu u flok tgħid li hu mistenni minnek tlissen il-kliem li jogħġob il-miġemgħa.  Biss iż-żmien dejjem għallimna li hi t-triq tal-buon sens, tal-moderazzjoni, tal-empatija u l-kompassjoni li tagħmel l-iktar ġid.

Jien konvint li l-poplu Malti, fil-fond ta’ qalbu u fil-ħsus ta’ moħħu jagħlaq il-bieb fuq l-estremiżmu u jħaddan il-moderazzjoni.

Il-qalb tajba hi t-triq ‘il quddiem fil-mixja politika ta' dan il-pajjiz sabiħ tagħna.

Ħafna jitkellmu dwar Jacinda Ardern u s-suċċess politiku tagħha. “The Express Tribune” iddeskriviet is-sigriet ta’ żewġ forzi wara dak li qed tagħmel Ardern: l-ewwelnett il-ħidma “old-fashioned” u ma taqta’ xejn biex tibni konnessjonijiet kbar ħafna mal-kostitwenti tagħha u t-tieninett li toħloq sistema politika li tinċentiva l-partiti li jaħdmu flimkien.

“Dawn,” jgħidilna l-Express Tribune, “flimkien mal-attenzjoni u l-empatija tagħha mas-sentimenti tan-nazzjon, wasslu biex inħoloq stil ta’ tmexxija li ħafna jsejħulu l-politika tal-qalb tajba (politics of kindness).” 

F’pajjiżna għad hawn f'xi sezzjonijiet tal-poplu min għandu sterjotip parikolari ta’ politiku li twassalhom jikkonkludu li t-tjubija hija difett fil-politika.   Għad hawn min għandu sterjotip li politiku tajjeb hu dak “b’saħħtu”, li “jgħaddi minn fuq l-avversarju politiku” u li “fil-Parlament joħroġ għall-avversarju b’ilsienu”.

Jien nemmen li l-maġġoranza tal-elettorat ilha li kissret dak l-isterjotip u warrbitu.  Bħalma ilha li warrbet l-isterjotip li politiku ta’ suċċess bilfors irid ikun Avukat jew Tabib jew Perit ta’ 50 jew 60 sena.  Il-politika tal-futur hi bla dubju ta’ xejn il-politika tal-qalb tajba.

Li nużaw l-empatija, li nużaw il-kompassjoni.  Li waqt li nsaħħu rabta b’saħħitha daqs il-konkrit mal-eletturi tagħna, nifhmu li l-weġgħa ta’ kull wieħed minnha hi l-weġgħa ftit jew wisq tagħna wkoll u l-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minnha hu l-ferħ ftit jew wisq tagħna wkoll.

More in Politika