Owen Bonnici | Niġġieldu l-inugwaljanza
Il-każ tat-tkexkix u kundannabbli għall-aħħar li rajna din il-ġimgħa fil-Mellieħa meta migrant żgħażugħ mill-Gambja intefa' fil-ġenb tat-triq wara li kien waqa’ żewġ sulari hu tfakkira ta’ kemm ilu li wasal iż-żmien li ngħaddu għall-azzjoni
Jekk hemm suċċess li wettaq pajjiżna fl-aħħar snin dan hu bla dubju ta’ xejn fil-qasam tal-ugwaljanza u l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi. Nemmen bis-saħħa kollha illi li kieku l-pajjiżi kollha tal-Ewropa jwettqu dak kollu li wettaqna aħna, il-kontinent Ewropew ikun tassew żona b’saħħitha fejn tidħol il-ġlieda kontra l-inugwaljanza.
Ix-xogħol li twettaq hu vast u b’saħħtu ħafna- mill-gender mainstreaming sad-drittijiet tal-LGBTIQ biex insemmi tnejn biss. Meta nħares lura ngħid b’sodisfazzjon li tejjibna l-ħajja ta’ ħafna u ħafna nies.
U fil-fatt dan ix-xogħol tajjeb wassal biex internazzjonalment attirajna interess kbir fejn jidħlu l-liġijiet tagħna u l-policies tagħna dwar l-ugwaljanza. Għal sitt snin sħaħ waħda wara l-oħra ġejna l-ewwel bl-ILGA-Europe Rainbow Index. Dan sar għaliex addottajna Action Plan li jolqot il-persuni leżbjani, gay, bisexual, trans, intersex u Genderqeer. Dan fih innifsu kien xi ħaġa li qatt ma saret qabel.
Biss minkejja dawn is-suċċessi importanti, fadal ħafna x’isir u bħalissa qed nimplimentaw l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni fil-qasam tal- LGBTIQ għas-snin 2018 – 2022.
B’hekk aħna qed nikkommettu li nkomplu nimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex niggarantixxu ugwaljanza sostantiva u fil-prattika għall-persuni LGBTIQ.
Deċiżjoni importanti li kienet ittieħdet fl-2018 kien it-twaqqif ta’ Unit Interkulturali u Anti-Razzjali fi ħdan id-Dipartiment għad-Drittijiet tal-Bniedem. L-għan primarju hu li jservi bħala entita’ ewlenija li tikkoordina l-ħidma li twassal biex ikun hemm iktar informazzjoni, jiġu trattati r-rikjesti dwar integrazzjoni, tissaħħaħ il-ħidma għal soċjeta’ iktar anti-razzisti u wieħed isegwi l-progress tal-migranti f’pajjiżna.
Il-każ tat-tkexkix u kundannabbli għall-aħħar li rajna din il-ġimgħa fil-Mellieħa meta migrant żgħażugħ mill-Gambja intefa' fil-ġenb tat-triq wara li kien waqa’ żewġ sulari hu tfakkira ta’ kemm ilu li wasal iż-żmien li ngħaddu għall-azzjoni.
F’dan il-kuntest kienet pass fid-direzzjoni t-tajba l-addozzjoni tal-ewwel Strateġija kontra r-Razziżmu f’pajjiżna. Din l-Istrateġija għandha żewġ dimensjonijiet. L-ewwel dimensjoni hi li għandha l-għan li telimina r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu u t-tieni nett li wieħed se jara li jiffoka fuq il-ħtiġijiet partikolari ta’ gruppi minoritarji bil-għan li mmexxu ‘l quddiem il-prinċipji li jifformaw din l-istrateġija.
Aħna għandna viżjoni ta’ soċjeta’ fejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien u dawk non-binary, fid-diversita’ sħiħa tagħhom ikunu ugwali. Socjċeta’ ħielsa mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, fejn kulħadd ikun ħieles li jterraq it-triq tal-għażla tiegħu fil-ħajja tiegħu jew tagħha u kulħadd ikollu opportunitajiet ekwi biex dak li jkun jimmassimizza l-potenzjal tiegħu jew tagħha fl-użu tat-talenti u d-diversita’.
Aħna nafu li l-istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza fil-Ġeneru għas-snin 2020-2025 tippreżenta policy objectives u azzjonijiet bil-għan li nilħqu l-ugwaljanza fost il-ġeneri sas-sena 2025. Fl-istess waqt ma’ din il-ħidma, aħna qed nimmiraw li nniedu l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħna dwar il-Ġeneru u l-Mainstreaming - u l-istess qed naraw li dan jasal sas-sena 2025.
B’hekk għall-ewwel darba nkunu qegħdin inwettqu pass ieħor importanti wara l-ħafna li diġa saru għall-kisba tal-ugwaljanza sħiħa tal-ġeneru fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Hawnhekk kif għidt, sar ħafna xogħol. Biżżejjed insemmu l-liġi li għaddejna fil-parlament li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ġeneru l-inqas rappreżentat fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Fl-istess waqt qed nahd=mu biex immexxu ‘l quddiem l-Abbozz ta’ liġi tal-Ugwaljanza li għandu l-għan li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-isferi varji tal-ħajja, jippromwovi l-ugwaljanza u jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni.
Aħna kommessi li nkomplu naħdmu u nagħmlu aħjar. L-għan tagħna issa hu li nkomplu nagħtu r-riżultati u l-ġlieda tagħna kontra l-inugwaljanza tissaħħaħ kuljum. Fadal ħafna x’isir u flimkien nistgħu nwettqu ħafna u ħafna.
-----
Kienet aħbar sabiħa hafna dik li tana l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, li fis-sena tal-pandemija, dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu b’perċentwal meta mqabbel ma’ sena qabel.
L-akbar titjib kien irreġistrat fil-pensjonanti, dawk li jgħoddu 65 sena jew aktar, fejn ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqset bi 2.2% meta mqabbla mal-2019.
Anke fost it-tfal kien hemm tnaqqis sinifikanti fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fejn ir-rata naqset b’1.3%.
Dan it-titjib seħħ minkejja li din is-sena, il-parametri tal-kejl użat mill-Unjoni Ewropea u allura adottat mill-NSO twessa’ aktar biex jiddaħħlu elementi soċjali li qabel ma kinux ikkunsidrati.
Fil-fatt li kieku wieħed jara l-kejl li kien jintuża sena ilu, it-tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kien ikun iktar.
Fl-2013, ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kienet ta’ 24.6%, li jfisser li fuq medda ta’ seba’ snin, ir-rata naqset bi kważi kwart milli kienet qabel il-bidla fil-Gvern.
B’kuntrast fis-seba’ snin ta’ qabel l-2013 kien hemm żieda minn 19.5% għal 24.6%, fi kliem ieħor kienet żdiedet b’aktar minn kwart taħt il-Gvern preċedenti.
Bil-kejl l-oriġinali, ir-rata rreġistrata fl-2020 hija l-anqas rata qatt irreġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika f’pajjiżna.
L-istatistika tinnota wkoll ir-rata ta’ riskju ta’ faqar, ibbażata biss fuq id-dħul tal-familji naqset.
Dan wara li d-dħul ta’ dawk taħt il-linja tas-sittin fil-mija tad-dħul medju nazzjonali, kiber iżjed minn ta’ dawk ta’ fuqha, fost oħrajn bis-saħħa tal-miżuri soċjali li daħħal il-Gvern anki waqt pandemija.
It-titjib fir-rata ta’ riskju ta’ faqar seħħ f’kuntest fejn il-qligħ disponibbli tal-familji kompla jogħla b’mod qawwi.
Fil-fatt id-dħul disponibbli medju ta’ familja żdied minn €28,505 għal €31,266, jew bi kważi €2,800.
Għandu raġun il-Prim Ministru Robert Abela li fuq twitter qal li l-politika tal-Gvern qed tagħmel id-differenza meta l-aktar in-nies ġew bżonn.
Qabblu dan ma’ dak li kien seħħ fi żmien GonziPN meta, ffaċċjat b’riċessjoni dinjija li ħdejn il-pandemija m’hemmx paragun fejn jidħlu l-effetti tagħha (għax il-pandemija kellha effett ħafna u ħafna agħar), il-PN kien naqqas l-għajnuniet, għolla t-tariffi u żied il-qagħad.
In-nies jafu d-differenza bejn il-Partit Laburista minn naħa u l-Partit Nazzjonalista minn naħa oħra.