Julie Zahra | Bidla b’viżjoni

'F’dan il-Baġit, il-Gvern se jħallilna pajjiż li ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, pajjiż imdejjen ħafna aktar milli sabu, pajjiż imniġġes u pajjiż fil-lista l-griża' - Julie Zahra

Tliet ġimgħat ilu l-Gvern Laburista ippreżenta l-Baġit. Baġit mingħajr ebda strateġija u bla eda sens ta’ direzzjoni jew viżjoni.

Baġit li minn tnejn u disgħin paġna ta’ diskors, tlieta biss huma dwar Malta ta’ għada. U meta tgħasru m’hemm xejn għal għada ħlief dejn.

Baġit li nesa l-frontliners u bla ebda viżjoni fuq setturi ewlenin tal-ekonomija. Baġit li ma indirizzax l-għoli tal-ħajja għax ma fadallux biex u lilek tak €1.75ċ, li lanqas huma biżżejjed għal ħobża u kartuna ħalib. 

Biex tlaħħaq mal-ħajja, il-Gvern Laburista qed jgħidlek mur sib xogħol ieħor. Aħdem aktar biex forsi tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Dan jista’ jwassal għal detriment fil-kwalita’ tal-ħajja tal-persuni fis-soċjetà tagħna u l-familja tagħna Maltin u Għawdxin. 

Il-kwalita’ tal-ħajja aħjar, li ilna nitkellmu tant fuqha, għall-Labour mhix importanti. Il-ħin għall-familja u dak personali lanqas. Dawn mhumiex importanti. Ma jimpurtahomx! Il-bżonn li nibżgħu għas-saħħa mentali tagħna lanqas.  L-għoli tal-ħajja diġà beda jħalli effett. Dan tisimgħu meta tiltaqa’ man-nies u jgħidulek kemm qed jogħlew l-affarjiet anke fejn jidħlu affarijiet essenzjali. 

F’dan il-Baġit, il-Gvern se jħallilna pajjiż li ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, pajjiż imdejjen ħafna aktar milli sabu, pajjiż imniġġes u pajjiż fil-lista l-griża. Waħda mill-proposti li ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista huwa fil-fatt fond għal min irid jixtri l-ewwel dar u anke l-eżenzjoni mill-VAT sa €10,000 fuq spejjeż ta’ finishings fid-dar. U fejn familja, ġenituri jkunu intitolati tmien ġimgħat parental leave. Din tapplika wkoll għal persuni LGBTIQ, li wkoll ikunu saru ġenituri. 

Dan baġit li mhux veru jaħseb għal għada jew għal uliedna

Ħa nieħu s-settur tal-Edukazzjoni. Baġit li ma jgħid xejn fuqu. Qisu ma jeżistix u dan meta nafu li hawn nuqqas ta’ għalliema fil-pajjiż. Dan meta sirna nafu li hemm skejjel mingħajr għalliema u fejn kellhom jittieħdu għalliema speċjaliżżati min oqsma oħra u tawhom klassi fil-primarja. Dan mhux sewwa. X’ser jiġri ‘il quddiem meta il-problema tkun ikbar? 

Dan aħna ma rriduhx. Dan mhux il-pajjiż li qed jaspira għalih il-Partit Nazzjonalista. Mhux il-pajjiż li jrid il-poplu Malti.

U dan diġà tkellimnih ċar. 

Irridu nagħmlu u naraw differenza kbira fil-ħajja tal-għalliema u fil-ħajja tat-tfal kollha tagħna. Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech nhar it-Tnejn li għadda, qal illi rridu nagħtu aktar rispett lejn l-għalliema u l-professjoni tagħhom għaliex l-edukatur huwa l-pilastru li fuqu rridu nkomplu nibnu l-edukazzjoni ta' wliedna. 

Għalhekk Gvern Nazzjonalista ġdid jgħolli l-paga tal-għalliema billi jidħlu fil-karriera fi grad aktar għoli diġà u b’hekk il-paga tiżdied b’mod sostanzjali. Fejn l-progressjoni fil-karriera tal-għalliema issir aktar malajr u meta jaslu biex jirtiraw, jispiċċaw fi grad aktar għoli min dak li qed jispiċċaw bih illum taħt Gvern Laburista. 

Gvern ġdid Nazzjonalista jaħseb ukoll biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-opportunità li jimirħu barra min xtutna biex jesperjenzaw kulturi, lingwi u stili ta’ ħajja differenti. Qed iwiegħed li ż-żgħażagħ ta’ 16-il-sena jew akbar jingħataw voucher speċjali tal-ivjaġġar biex jagħmlu vjaġġ fl-Ewropa f’liema pajjiż li jridu u li jkun fih komponent kulturali, ta’ snajja, edukattiv jew sportiv.

Din l-iskema, tista’ tagħti ħajja ġdida anke lill-għaqdiet sportivi jew għaqdiet ta’ snajja partikolari fejn dawn il-vouchers jintużaw bħala esperjenzi vokazzjonali b’forma ta’ workshops jew meta gruppi ta’ ħbieb, għaqdiet, NGOs jew gruppi ta’ familji li jieħdu l-okkażżjoni li jorganizzaw ġita flimkien.

Anke għall-istudenti żgħażagħ, Gvern ġdid Nazzjonalista qed jaħseb għalihom ukoll. Dan se jagħmlu billi jżid l-istipendji però mhux biss iżid l-istipendji b’10% kif qal il-Gvern Laburista, iżda jżid l-istipendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa bħall-infermiera, l-għalliema, is-social workers, care workers u diversi oħrajn. 

Għal dawn, l-istipendju jiżdied b’25% oħra biex b’hekk ikunu attirati aktar għal dawn il-professjonijiet li bħalissa qed jingħataw il-ġenb. Professjonijiet li tant huma importanti fil-pajjiż u li jistħoqqilhom aħjar u li bħalissa hawn in-nuqqas tagħhom. Dan huwa l-vera investiment fil-poplu tagħna, investiment fit-tul biex pajjiżna jkompli jikber, u jieħu ħsieb lil kulħadd. 
 
Min dan kollu l-Gvern Laburista ma ħareġ xejn u ma indirizzax dawn l-affarijiet importanti, iżda reġa’ tefagħhom taħt it-tapit bit-tama li dawn jissolvew waħedhom!  Qal li t-trasport pubbliku se jagħmlu b’xejn għal kulħadd. Iżda dan ser jibda jkun b’xejn minn Ottubru tas-sena d-dieħla! Kieku kien Gvern għaqli kieku kien jirranġa r-rotot u jagħmel tal-linja aktar frekwenti wkoll. Il-Partit Nazzjonalista mar pass oltrè minn hekk u qed iwiegħed li t-trasport pubbliku mhux talli jkun b’xejn imma jkun jitħaddem permezz ta’ enerġija alternattiva sal-2025!
Apparti minn dan, il-Partit Nazzjonalista, bħala partit politiku alternattiv, qed iwiegħed żewġ vapuri ġodda għal Għawdex, fejn wieħed minnhom ikun għall-merkanzija u anke sptar ġdid ta’ 400 sodda ġewwa Għawdex u mhux sptarijiet li qed inħalsu mas-€6 miljuni kull xahar biex tħaddimhom kumpanija privata (Steward). 

Għall-Partit Nazzjonalista, il-politika ma ssirx hekk. Għax bħala partit jemmen li kull persuna jixirqilha aħjar. Il-Partit Nazzjonalista irid ikun il-bidla. Irid li l-ekonomija taħdem għan-nies, u mhux in-nies jaħdmu għall-ekonomija. 
Hekk biss il-pajjiż jista’ jissaħħaħ u jimxi ‘l quddiem. Pajjiż fejn ħadd ma jibqa’ lura, u fejn tassew il-persuna terga’ tkun fiċ-ċentru tal-politika tagħna.

More in Politika