Editorjal | Għaffiġha!

Dan l-editorjal jaqbel mal-Liġi li ppreżenta l-Gvern għax hija liġi li qed tmexxi ‘l quddiem b’kawtela. Minn naħa l-oħra jiddispjaċieh jara lill-Oppożizzjoni tipprova tikseb erba’ punti politiċi billi tinqeda’ bil-biża’, l-emozzjoni u n-nuqqas ta’ għarfien ta’ ħafna fuq is-suġġett

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista s-Sibt filgħodu iddeskriva l-Liġi dwar l-Użu tal-Kannabis bħala “aljenazzjoni.”  Wara li għaffiġha! Għax ngħiduha kif inhi issa - għaffiġha u llum qed jidher inqas kredibbli fuq din il-kwistjoni milli kien sa ftit ġranet ilu, meta biex tieħu l-opinjoni ċara tal-PN dwar din il-liġi qisek qed tipprova tagħsar qatra ilma minn ġebla! Din l-indeċiżjoni qed issir marka inkwetanti fit-tmexxija preżenti tal-PN: Jew ma ngħidu xejn, jew inkella ngħidu xi ħaġa, imbagħad noqgħodu nbenġluha. Ġrat qabel l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN fuq l-abort (u reġgħet ġrat issa fuq l-abort) - l-ewwel Grech qal li lest jiddiskuti dan is-suġġett imbagħad qal le, kif issa l-ewwel sabbat il-bieb u donnu ordna silenzio stampa minn kull persuna fil-PN li hija favur l-abort, fl-istil ta’ ‘put up or shut up!’ imma mbagħad qal li xorta hemm post għalihom! Fuq proġetti ODZ l-ewwel qal li kull proġett fuq ODZ irid jitla’ quddiem il-Parlament u jakkwista ż-żewġ terzi, imbagħad benġilha li mhux il-proġetti kollha - imma dawk kbar biss, imbagħad fuq il-programm Xtra kważi erġajna morna għal “kull proġett.” 

U dwar il-Kannabis, wara xhur donnu se jaqbel - tant jaqbel li qal illi l-Gvern ikkopja lill-PN fuq din il-kwistjoni - issa ħareġ kontra. 

Naħsbu li huma bosta li jippreferu lil Bernard Grech ta’ żmien ir-referndum għad-divorzju, fejn anke jekk ma qbiltx miegħu, kellu dak il-prinċipju (kontra d-divorzju) u baqa’ jżommu u baqa’ jiġġieled għalih, milli l-Bernard Grech tal-lum li donnu jgħid dak li jemmen fih imma mbagħad qisu jilgħaqha għax xi ħadd jiġbidlu l-attenzjoni jew jibda jinbaħ. Jekk Grech kien favur din il-Liġi fl-ispirtu - imma forsi b’xi bidliet importanti - messu ħa dik it-triq!

Imma lilhinn minn hekk. 

Din il-liġi qed tipproponi li l-bejgħ tal-kannabis - għal min irid ipejjep il-kannabis - tmur f’idejn assoċjazzjonijiet reġistrati, li jkollhom massimu ta’ kannabis, li jistgħu jieħdu kannabis minnhom persuni rresġistrati magħhom. Il-kannabis ma tistax tinbiegħ u dawn l-assoċjazzjonijiet ma jistgħux jirriklamaw, la fuq il-midja u lanqas fuq il-binja stess fejn jinsabu. Il-kannabis mhix se tinbigħ barra, mhix se tkun aċċessibbli fi ħwienet u ma tistax titpejjep fil-pubbliku. 

Mela mhux vera, jekk il-liġi se tiġi rrispettata skont dak li hemm fuq il-karta, li l-kannabis se tiġi normalizzata. Tiġi normalizzata meta tkun legali u aċċessibbli, fejn trid (jew kważi) bħas-sigaretti. 

Kritika oħra tal-PN hija t-tfal u jekk dawn hux se jitilgħu “f’kultura ta’ kannabis.” Lanqas nistgħu nemmnu li partit li ilu ħames xhur jaħsibha joħroġ b’dal-faqar ta’ argumenti. It-tfal jitilgħu f’kultura ta’ droga, jew f’kultura ta’ alkoħol jew f’kultura ta’ vjolenza jekk jaraw il-ġenituri tagħhom ipejpu, jiskru jew jilgħabu xi daqqa ta’ ponn lil xulxin. U dan l-editorjal ma għandux dubju li l-maġġoranza enormi tal-ġenituri jafu biżżejjed x’inhuma jagħmlu biex itellgħu lil uliedhom f’kultura ta’ rispett u għaqal fejn l-użu tas-sustanzi mhuwiex normalizzat. 

Il-Liġi hija l-gwida mhix il-Bibbja! Li l-PN jagħti l-impressjoni li għax se tgħaddi din il-Liġi kull Doris, Mary u Philip se jmorru jkabbru l-pjanti fis-salott - quddiem uliedhom - hija diżrispett lejn l-intelliġenza tan-nies, adulti! 

L-Oppożizzjoni qed tgħid ukoll li għax il-Gvern qed jagħti iktar flus lill-FSWS allura dan ifisser li l-problema tad-droga se tikber.

Ħa nfakkru lill-Oppożizzjoni li l-istatistika u ċ-ċifri xebgħu juru li f’Malta fl-aħħar snin ġiet esperjenzata żieda qawwija ħafna fl-użu tal-kokaina. Kull għaqda li titratta l-abbuż mis-sustanzi tammetti illi fl-aħħar 15-il sena jew 10 snin, il-konsum tal-kokaina żdied u żdied bil-qawwi. Minkejja dan, il-kokaina kienet u għadha llegali u jekk tinqabad b’ammonti mhux għall-użu personali taqla’ ikla ħabs kif imiss! Mela mhux vera li l-kriminalizzazzjoni tad-droga awtomatikament tfisser li inqas nies se jikkonsmaw dik id-droga, daqs kemm mhux vera li għax tkun regolata, awtomatikament aktar nies se jagħmlu użu minnha. Kieku kien hekk, ma konniex nesperjenzaw iż-żieda u l-firxa fil-konsum tal-kokaina. 

Dan l-argument li għax hija legali mela nagħmilha jew neħodha, bir-rispett kollu, jitratta lin-nies ta’ ċwieċ! 

U anke l-argument li għax ħadt joint jew tnejn, mela daqshekk - ħajtek spiċċat, il-ġimgħa d-dieħla se tkun mgħerreq fil-kokaina u l-ġimgħa ta’ wara tittaqqab f’xi kantuniera  - huwa argument fallaċi! Iva hemm min jibda b’joint u jibqa’ għaddej għal drogi aktar serji. Bħalma hemm min jibda bi grokk fil-weekends u jispiċċa jieħu kikkra whiskey ma’ sbieħ il-jum! Pero’ ħafna nies ma humiex hekk! Mhux kull min jieħu huwa addict, pero’ iva hemm min jieħu u jispiċċa addict!

Huwa għalhekk li mal-Liġi hemm bżonn li tkompli tisaħħaħ ix-xibka soċjali li tara li l-vulnerabbli u dawk li jaqgħu fil-vizzji malajr, jiġu mgħejjuna u jingħataw appoġġ biex ma jidħlux fil-vizzju u jekk jibdew, jieqfu kemm jista’ jkun malajr. 

Dan l-editorjal jaqbel mal-Liġi li ppreżenta l-Gvern għax hija liġi li qed tmexxi ‘l quddiem b’kawtela. Minn naħa l-oħra jiddispjaċieh jara lill-Oppożizzjoni tipprova tikseb erba’ punti politiċi billi tinqeda’ bil-biża’, l-emozzjoni u n-nuqqas ta’ għarfien ta’ ħafna fuq is-suġġett. 

Messu jaf aħjar Bernard Grech!

More in Politika