Carmel Cacopardo| Nirregolaw il-lobbying
F’demokrazija r-regolamentazzjoni tal-lobbying hu essenzjali. Mingħajr regolamentazzjoni il-lobbying jista’ jiżviluppa f’korruzzjoni, u ġeneralment hekk jiġri.
Meta l-Parlament, xi snin ilu approva l-liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika ma kien wasal għall-ebda konklużjoni dwar kif kellu jkun regolat il-lobbying. Dan ġie pospost billi intalab li jkun ikkunsidrat mill-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika, li sa dakinnhar kien għadu ma nħatarx. Il-Kummissarju kellu jfassal linji gwida dwar il-lobbying.
Issa għaddew kważi sentejn minn meta l-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika ippubblika dokument konsultattiv dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying f’Malta. F’dan id-dokument, George Hyzler, il-Kummissarju, jfisser il-ħsibijiet tiegħu dwar kif il-lobbying f’Malta għandu jkun irregulat.
L-uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika talab assistenza teknika mill-Unjoni Ewropea, mid-Direttorat Ġenerali dwar ir-Riformi Strutturali. L-assistenza intalbet fil-qasam tal-“integrità pubblika”. L-Unjoni Ewropea ingaġġat tim tekniku mill-OECD li preżentement qiegħed Malta jassisti l-uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Iktar kmieni din il-ġimgħa kelli l-oportunità ta’ diskussjoni utli ħafna ma wieħed mill-esperti tal-OECD dwar il-lobbying.
Nittamaw li fil-ġimgħat li ġejjin ikun possibli għall-Kummissarju li jħabbar proposta ċara dwar kif għandna nirregolaw il-lobbying f’Malta.
Fid-dokument konsultattiv tiegħu ta’ sentejn ilu l-Kummissarju ġustament jemfasizza li kawża taċ-ċirkustanzi partikolari tal-pajjiż, speċjalment id-daqs tal-pajjiż u tal-popolazzjoni, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet huma faċilment aċċessibli għall-kulħadd. Dan iwassal għall-konklużjoni li ftit hemm ħtieġa biex ikun regolat il-lobbyist professjonali. Iktar jagħmel sens, jemfasizza l-Kummissarju, li jkunu ndirizzati l-kuntatti bejn min jieħu d-deċiżjonijiet u l-individwi privati li għandhom aċċess daqstant faċli għalihom.
Dan, jgħid il-Kummissarju, għandu jsir bil-għaqal mingħajr ma jkun ostakolat il-kuntatt dirett bejn il-politiku li jiddeċiedi u l-votant fil-kostitwenza. Filwaqt li dan hu punt validu huwa ukoll perikoluż. Għax filwaqt li huwa veru li fil-kostitwenza li tissaħħah id-demokrazija, huwa veru ukoll fil-kostitwenza hemm l-għalqa fertili tal-klijenteliżmu. Anke dan karatteristika importanti ta’ dan il-pajjiż żgħir.
Il-lobbying huwa dwar kif tinfluwenza lil min jiddeċiedi. Huwa perfettament leġittimu għal kull ċittadin, jew grupp ta’ ċittadini, inkella negozji jew NGOs li jfittxu li jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan isir il-ħin kollu u jinvolvi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-politiċi, parlamentari u amministraturi. Ovvjament jinfurmhom b’dan kollu min għandu interess fid-deċiżjonijiet li jkunu qed jikkunsidraw li jieħdu.
Hu għalhekk li hu meħtieġ li l-lobbying isir b’mod li jkun trasparenti biex ikun jidher ċar li l-affarijiet qed isiru sewwa. Dan normalment isir billi jkun assigurat li l-laqgħat li jkollhom dawk f’karigi politiċi jew amministrattivi jkunu dokumentati sewwa u li l-minuti u d-dokumenti li jkun hemm magħhom ikunu aċċessibli għal skrutinju pubbliku. Dan jindirizza l-lobbying formali.
Minbarra dan hemm imbagħad il-lobbying informali, li jista’ jkun ta’ uġiegħ ta’ ras kbira. Dan jista’ jkun irregolat biss jekk dawk effettwati jikkooperaw. Għax l-uniku mod prattiku kif dan jista’jsir hu li jkunu huma stess li minn jeddhom jagħmlu awto-dikjarazzjoni.
Imma hemm iktar minn hekk ukoll.
Hemm mod ferm agħar kif isir il-lobbying. Oqsma organizzati tal-industrija jew tan-negozju jimpjegaw bħala konsulenti tagħhom persuni li jkunu irtiraw jew spiċċaw minn karigi politiċi jew amministrattivi. B’dan il-mod jassiguraw li dan il-“konsulent” jagħmel użu minn dan l-għarfien, informazzjoni u kuntatti mill-qasam li qabel kien jirregola: din id-darba imma fl-interess ta’ min jimpjegah issa. Din jirreferu għaliha bħala ““revolving-door recruitment” u teħtieġ li tkun regolat illum qabel għada..
Hemm bosta eżempji kemm mill-kamp lokali kif ukoll minn barra. Dwarhom diġa ktibt fil-passat. Dan jista’ jkun regulat billi jkun stabilit żmien raġjonevoli li, sakemm jgħaddi, l-persuna ma tkunx tista’ timpjega ruħha fis-settur ekonomiku li fih qabel kellha resposnabbiltà deċiżjonali jew regolatorja.
F’demokrazija r-regolamentazzjoni tal-lobbying hu essenzjali. Mingħajr regolamentazzjoni il-lobbying jista’ jiżviluppa f’korruzzjoni, u ġeneralment hekk jiġri.
Il-lobbying jista’ jkun attività leġittima. B’regolamentazzjoni adegwata biss jista’ jkun assigurat li l-lobbying jibqa’ f’limiti leġittimi.