Claudio Grech | Il-politika tal-ħajja
'Ma’ ninsa qatt lil missier jgħidli kif kien qed jirraporta lil ibnu lill-pulizija għaliex kien jemmen li dak biss kien l-aħħar ċans li jsalvah minn ħalq il-mewt'
Il-ħajja politika hija mimilja esperjenzi. Uħud sbieħ, oħrajn koroh, kultant ħelwin u xi daqqiet iħallulek togħma morra. Iżda hemm ukoll esperjenzi li jibqgħu mnaqqxin fil-memorja għaliex ikunu ġabuk wiċċ imb’wiċċ ma’ aspetti ta’ l-umanita’ li jdaħħluk f’qoxortok u jgħabbulek piż dejjem akbar meta tiġi biex tilleġiżla dwar materji li jmissu magħhom.
Xi snin ilu mort għand familja fil-Belt Valletta fejn l-omm qasmet miegħi il-mument li biddlilhom ħajjithom għal dejjem: meta sabet lil binha mejjet vittma tad-droga. Ma’ ninsa qatt kif kienet tgħożż l-album tar-ritratti ta’ binha u minkejja li kien għada ż-żmien il-ġerħa tat-telfa kienet għada tnixxi. Żgħażugħ ċajtier, qalbieni u mimli ħajja maħtuf minn sustanza.
Ftit tax-xhur wara żort armla f’tal-Pieta’ li kellha kundizzjoni tas-saħħa partikolari iżda xorta kien ikollha taħdem għaliex binha li kien jgħix magħha kellu problema ta’ droga u ma’ ridietx tħallih ifendi għal rasu. Kienet qaltli li kienet tħalli l-flus fl-istess post biex binha jkun jista’ ‘jisraqom’ biex imantni l-vizzju tiegħu għaliex kienet temmen li aħjar hekk milli jkollu jagħmel reati oħrajn.
Ftit taż-żmien wara, poġġejt fis-salott ta’ koppja mill-Belt li kienu ddisprati minħabba d-djun li akkumula binhom biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga. Kienu litteralment ftaqru materjalment, psikoloġikament u emozzjonalment. Ma’ ninsa qatt lil missier jgħidli kif kien qed jirraporta lil ibnu lill-pulizija għaliex kien jemmen li dak biss kien l-aħħar ċans li jsalvah minn ħalq il-mewt.
Ħmistax ilu waqt li kont qiegħed nirrispondi t-telefonati fil-maratona tal-Caritas ċemplet omm biex tagħti donazzjoni ta’ €20 u qaltli li qed tagħti mill-ftit li għandha b’rikonoxximent għal dak li tagħmel il-Caritas bħal ma’ għamlet ma’ binha li sfortunatament tilfitu ftit tas-snin ilu wara li reġa waqa’ fil-vizzju.
X’kellhom in komuni bejnithom dawn iż-żgħażagħ: kien kollha mimlijin ħajja fit-tfulija tagħhom; kollha kellhom aspirazzjonijiet kbar quddiemhom u kollha kellhom qalb tad-deheb. Iżda f’punt fiż-żgħożija tagħhom inzertaw li kienu vulnerabbli, missew mad-droga, fiha sabu r-refuġju u minn hemm daħlu fi sqaq mudlam li qerdilhom ħajjithom. L-għeżież tagħhom jagħmlu minn kollox biex ireġġgħu l-arloġġ lura għal dik il-ġurnata meta ż-żgħażagħ missew mad-droga u kull ġurnata li tgħaddi jibqgħu jsaqsu lilhom infushom x’setgħu għamlu aħjar fit-trobbija ta’ uliehdom.
Bħala leġiżlaturi aħna għandna obbligu li nżommu dawn ir-realtijiet quddiem għajnejna u mhux li sempliċement nintelqu mal-kurrent tal-popoliżmu. Pajjiżna għandu bżonn politika dwar id-droga li ma’ tippreġudikax lil min juża d-droga iżda fl-istess waqt ma’ tinnormalizzax l-użu tad-droga bħala xi ħaġa li m’għandha l-ebda effett. Min juża d-droga m’huwiex kriminal u m’għandux ikun meqjus bħali tali. Iżda jkun żball jekk lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna ngħaddulhom il-messaġġ li l-konsum tad-droga hija prattika normali fis-soċjeta’ tagħna.
Pajjiżna għandu bżonn politika dwar id-droga li ma' tippreġudikax lil min juża d-droga iżda fl-istess waqt ma' tinnormalizzax l-użu tad-droga bħala xi ħaġa li m'għandha l-ebda effett.
Id-droga hija antagonista tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem u filwaqt li rridu nibqgħu naħdmu biex ngħinu lil min jiffaċċja problemi serji minħabba l-użu, m’għandniex noħolqu ambjent li ser jesponi lil tant aktar persuni vulnerabbli għal riskji u ħsara bla bżonn. Jekk verament nemmnu fil-ħajja dan irridu nirriflettuh f’dak li nipprattikaw u għalhekk nemmen li għandna dmir li nsibu kunsens fuq politika tad-droga li ssib il-bilanċ bejn dan kollu fl-interess tal-ġid komuni.
Finalment, in-normaliżazzjoni tad-droga tolqot l-aktar lill-persuni vulnerabbli, lit-tfal u liż-żgħażagħ li dejjem jispiċċaw iħallsu prezz għoli. Huwa proprju għalhekk li għandna obbligu li naraw li kull liġi dwar id-droga tiddaħħal f’rispett sħiħ lejn id-dinjita’ tal-bniedem u billi jiġu meqjusa l-impatti kollha tagħha b’mod partikolari fuq dawn il-kategoriji ta’ persuni. Fl-istess waqt min ipenġi lil kull min juża d-droga bħala xi persuni li m’huma tajbin għal xejn huwa żbaljat bil-kbir. Il-pożizzjonijiet estremi f’dan id-dibattitu m’huma tajbin għal ħadd u l-agħar ħaġa li tista’ tiġri huwa li d-diskors li jintuża jkun wieħed li jweġġa’.