Editorjal | Riforma diffiċli oħra li hemm bżonn issir!

Reġa' għandna sfida oħra! Dik tal-bdiewa li qed jitkeċċew mill-art li jaħdmu wara snin jipproduċu u jfornu l-prodott Malti lill-poplu. Il-bidwi - li tant huwa importanti sabiex jkollna prodott Malti li tant inħobbu niftaħru bih u li huwa l-uniku soluzzjoni biex Malta jkollha fornitura lokali tal-ikel - tajnih bis-sieq iżżejjed

Sa ftit żmien ilu dan il-pajjiż - fuq quddiem il-gazzetta ILLUM - kien qed jitkellem fuq il-kirjiet l-antiki (qabel l-1995) u l-fatt li diversi sidien kienu qed jiftħu kawżi fi Qrati, kemm Maltin u anke Ewropej kontra inkwilini li kienu qed jikru dawn il-proprjetajiet għal ftit ewri fis-sena, b'kuntratt iffirmat snin ilu, fi proprjetajiet li xi minn daqqiet iġibu eluf kbar f'kirja fis-sena. Wara ħafna artikli u mistoqsijiet u pressjoni minn din il-gazzetta u xi gazzetti oħrajn, il-Gvern tard fi Frar ta' din is-sena ħabbar bidliet li kien iddeksriva bħala bilanċ tajjeb bejn it-talbiet tas-sidien u r-realtajiet ta' eluf ta' inkwilini - madwar 10,000 familja  b'1,440 fil-Kottonera u madwar 2,000 proprjetà fil-Belt Valletta biss. Naturalment is-sidien - jew uħud minnhom - minkejja li b'din ir-riforma se jkunu qed jieħdu eluf aktar minn qabel, xorta baqgħu jilmentaw li ma saritx biżżejjed biex issir ġustizzja magħhom u xorta jisħqu li mhux qed ikun irrispettat il-kunċett u d-dritt tat-tgawdija tal-proprjetà tagħhom!

U fl-aħħar mill-aħħar dan huwa l-qofol ta' kollox! Minkejja li l-Gvern ħa pass kuraġġuż u soċjalment ġust li pproteġa eluf ta' nies u familji - ħafna minnhom anzjani -  jibqa' fatt illi s-sidien għadhom ma jistgħux igawdu mill-benefiċċji tal-proprjetà tagħhom billi jbigħuha jew jikruha, f'perjodu ekonomiku fejn is-suq kien u għadu b'saħħtu ħafna. 

Din l-istess kwistjoni eżatt kienet riflessa f'kontroversja oħra li kienet żvelat u segwiet ukoll bir-reqqa l-gazzetta ILLUM, wara li żvelat illi 20 każin kienu jinsabu taħt il-mannara hekk kif mill-ġdid diversi sidien kienu qed jirbħu kawżi f'Malta u fl-UE għall-kumpens qawwi jew inkella r-ritorn tal-proprjetà tagħhom li kienet qed tinkera bil-ftit. U hawnhekk qed nitkellmu dwar proprjetajiet li wħud minhom huma palazzini f'toroq prinċipali! 

Hawnhekk ukoll kien hemm bidliet li iżda baqgħu jsibu l-qilla tas-sidien li ma kinux se jaċċettaw żieda ta' ftit mijiet jew eluf fis-sena minflok il-pusess ta' proprjetà li tista' ġġibilhom eluf kbar fi flus kull xahar. 

Dan sakemm din is-sena l-Gvern kellu jieħu l-pass ovvju - pero' kuraġġuż xorta -  li jipproteġi dawn is-soċjetajiet billi jixtri l-proprjetajiet hu. Naturalment kienu ħafna li qalu li dan mhux sew minħabba li l-flus ħerġin mit-taxxi tal-poplu - imma fl-aħħar mill-aħħar dan huwa għall-protezzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta' pajjiżna. 

Kull wieħed minn dawn il-passi kien karatterizzat minn kontroversja u fil-verità nuqqas ta' ġustizzja sħiħa mas-sidien, pero' minn naħa l-oħra kienu passi li ssalvagwardjaw 10,000 persuna vulnerabbli - li kieku kienu jispiċċaw go xelters jew fit-triq, li ssalvagwardjaw soċjetajiet ta' mijiet ta' snin ta' storja li huma minsuġa u parti integrali mis-soċjetà u l-komunità Maltija! 

Issa reġa' għandna sfida oħra simili! Dik tal-bdiewa li qed jitkeċċew mill-art li jaħdmu wara snin jipproduċu u jfornu l-prodott Malti lill-poplu. Il-bidwi - li tant huwa importanti sabiex jkollna prodott Malti li tant inħobbu niftaħru bih u li huwa l-uniku soluzzjoni biex Malta jkollha fornitura lokali tal-ikel - tajnih bis-sieq iżżejjed. 

F'soċjetà li saret aktar sinjura, li telgħet l-iskaluni soċjali, li llum tgħix fi djar kbar jew appartamenti sbieħ mimlijin gadgets u tekonoloġija li tiswa' l-flus, f'soċjetà li ma għadhiex tikkuntenta bi platt brodu għal tliet ijiem imma trid ir-Rib Eye u t-Tomahawk, is-sushi u  x-xampanja fl-infinity pools, il-bidwi sar l-emarġinat, l-abbandunat u ż-żejjed!

Imma qed nagħmlu żball, għax il-bidwi huwa l-għassies tal-art tagħna u tal-ambjent tagħna u l-aqwa produttur ta' prodott aħjar, bnin u frisk. Jekk xi darba jerġa' jkollna pandemija jew diżastru li jagħlaq jew jillimita l-portijiet waħda sew, mingħand il-bidwi lokali rridu għall-ikel tagħna! 

Għalhekk il-Gvern qed jerġa' jkun imsejjaħ biex bħal ma għamel diversi drabi f'din il-leġiżlatura u ta' qabilha fuq kwistjonijiet ta' kirjiet, jgħin lill-bidwi jew inkella joħloq kumpens għas-sid - dejjem bil-patt u l-kundizzjoni li l-art tinħadem - sabiex b'hekk insalvaw l-agrikoltura, l-għixien tal-bidwi u l-provvista tal-ikel. 

Kritika se jkun hemm dejjem. Sidien li ma jridux bilanċ, imma jridu l-prezz ta' arthom kollu kemm hu se jkun hemm ukoll. Huwa l-bilanċ ġust li l-Gvern u l-Ministru Anton Refalo jridu jfittxu u jsibu - wara konsultazzjoni wiesa' - sabiex b'hekk anke din il-kwistjoni jinstabilha soluzzjoni. 

U - politikament - jekk tinstab is-soluzzjoni, din żgur li tkun legat sabiħ għal dan il-Gvern u anke għal Refalo. Li hu żgur huwa li din ir-riforma mhux se tkun faċli, se ssib intoppi u se tferraħ, daqs kemm se tirrabja lin-nies. Li hu żgur ukoll huwa li hija riforma li hemm bżonn issir għax din hija bomba oħra soċjali li waslet biex tisplodi!

More in Politika