Carmel Cacopardo | Bidla fil-klima teħtieġ bidla fl-imġieba

Irridu nindirizzaw l-attività kollha tagħna għax meta tgħodd l-impatti kollha li din l-attività ġġib magħha nistgħu noqorbu inkella nitbegħdu mill-miri tagħna

Il-bidla fil-klima hi r-reazzjoni tan-natura għall-impatti li ilha tieħu ġo fiha bħala riżultat tal-attività umana tul is-snin. Issa drajna b’perjodi ta’ nixfa jew inkella xita qliel li twassal għal għargħar, jew perjodi twila ta’ xemx inkella estremi oħra ta’ temp. Dan mhux qed jiġri biss barra, iżda qed narawh iseħħ f’Malta ukoll. Il-maltemp straordinarju li kien iseħħ darba kultant, issa qed narawh iktar spiss.

Ġie repetutament emfasizzat li jeħtieġ li nilħqu n-newtralità fl-emmissjonijiet tal-karbonju u dan l-iktar kmieni possibli. Dan ikun ifisser li l-ammont tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-attività umana trid tkun inqas minn kemm jinħażen karbonju fin-natura, f’dak li nirreferu għalihom bħala carbon sinks.

Irridu nindirizzaw l-attività kollha tagħna għax meta tgħodd l-impatti kollha li din l-attività ġġib magħha nistgħu noqorbu inkella nitbegħdu mill-miri tagħna.

Li nindirizzaw il-bidla fil-klima hi materja ta’ politika kurrenti. Tinvolvi deċiżjonijiet politiċi li min-natura tagħhom huma kontroversjali.  Jekk irridu nindirizzaw it-tibdil fil-klima bis-serjetà għandna nassiguraw li dawn id-deċiżjonijiet politiċi jkunu jikkumplimentaw lil xulxin u li ma jkunux kontradittorji. B’hekk biss nistgħu nindirizzaw  it-tibdil fil-klima kif ukoll dak li qed jikkawża.

Id-deċiżjoni li l-power station ta’ Delimara taħdem bil-gass flok bil-heavy fuel oil kienet fundamentali fil-mixja biex innaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju tal-pajjiż. Deċiżjoni tajba li kienet ilha ġejja. 

Min-naħa l-oħra l-politika kurrenti li tinkoraġixxi l-użu ta’ karozzi u jottijiet li jikkunsmaw kwantitajiet kbar ta’ petrol u diesel b’emmissjonijiet mhux żgħar tagħti messaġġ differenti bil-bosta. Iż-żieda fil-kapaċità tat-toroq u t-teħid ta’ iktar bajjiet għall-jottijiet bl-ebda mod ma jikkontribwixxu lejn l-isforz kontra l-bidla fil-klima. Imma jibqgħu ġejjin, deċiżjoni waħda wara l-oħra, mingħajr ħsieb. Il-Ministeru responsabbli għall-bidla fil-klima jiġbed f’direzzjoni u dak responsabbli għat-trasport jiġbed f’direzzjoni opposta!

Id-deċiżjoni li nibdew it-triq li għandha twasal għall-eletrifikazzjoni tal-karozzi privati bl-ebda mod ma indirizzat il-politika dwar il-petrol stations. X’nambuhom issa, jekk mhux ser nibqgħu niddependu mill-petrol u d-diesel? Għalfejn nibqgħu ninkoraġixxu li jkollna l-ġodda jekk jiemhom huma magħduda? Huwa meħtieġ li ma joħorġux permessi għal petrol stations ġodda. La jagħmlu sens ambjentali u l-anqas ekonomiku!

Tajjeb li kontinwament niftakru f’dak li jgħidilna l-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport. Madwar 50 fil-mija tal-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati tagħna huma għal distanzi qosra, li jdumu inqas minn 15-il minuta. Minkejja dan, il-mobilità sostenibbli lokali u reġjonali ma nagħtux każ tagħha.   Bidla f’din l-imġieba, fil-mobilità tagħna lokali u reġjonali, tista’ tnaqqas ammont sostanzjali ta’ karozzi mit-toroq tagħna. Għaliex ħadd mhu jinkoraġixxi din il-bidla tant essenzjali fl-imġieba tagħna?

Sfortunatament, f’Malta, l-politika dwar it-trasport ftit li xejn tagħti każ tal-klima.

Fl-istrateġija nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima hu kruċjali li anke l-bini tagħna jilħaq il-mira ta’ karbonju żero. Ilni żmien nemfasizza  dwar il-ħtieġa li d-dritt ta’ kull wieħed u waħda minna li jkollu aċċess għax-xemx biex minna jiġġenera l-elettriku jkun imħares.   Il-politika dwar l-ippjanar għall-użu tal-art għandha tesiġi li jkollna ġenerazzjoni ġdida ta’ bini li jiġġeneraw enerġija tal-inqas daqs kemm jużaw. Din l-enerġija, ġġenerata mix-xemx għandha tkun ġġenerata fuq is-sit stess.  Dan minnu innifsu jillimita d-daqs tal-bini għax ma jkunx jista’ jaqbeż dak id-daqs li għalih ikun hemm enerġija biżżejjed. B’mod partikolari jeffettwa l-għoli tal-bini. L-ippjanar tal-użu tal-art jista’, jekk imfassal sewwa, jagħti kontribut sostanzjali biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima.

Id-diffikultà ewlenija dwar il-bidla fil-klima hi li r-rabta bejn l-imġieba tagħna u l-impatt fuq iċ-ċiklu tal-karbonju mhiex waħda ovvja. Min mhux imħarreġ ma jarax ir-rabta faċilment. Dan jagħmilha iktar faċli għal min irid jevita l-miżuri biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima.

Għandna responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri li nagħmlu ħilitna kollha biex nindirizzaw l-impatti akkumulati fuq il-klima. Billi nindirizzaw il-present nistgħu nassiguraw il-futur.

More in Politika