Stefan Zrinzo Azzopardi | Il-Futur f’ekonomija ħadra u diġitali
Wara s-suċċessi ekonomiċi ta’ l-aħħar snin, issa rridu nħarsu ‘l quddiem biex inkunu aħna li permezz tat-trasformazzjoni li rridu nwettqu lejn ekonomija ħadra u diġitali nkomplu niksbu aktar suċċess b’riżq il-familji Maltin u Għawdxin kollha
Kulħadd jaqbel li t-tkabbir ekonomiku li kellna f’pajjiżna f’bosta mill-aħħar disa’ snin kien wieħed bla preċedent. Minkejja dan bħala politiċi għandna r-responsabbiltà li naraw lil hinn mill-ġid miksub minn dan it-tkabbir imma nħarsu ‘l bogħod u niżnu x’se jkunu l-ħtiġijiet tal-pajjiż fil-futur. Irridu li s-soċjeta Maltija, l-ekonomija u l-infrastruttura fis-sens wiesgħa tagħha jkunu reżiljenti biżżejjed u kapaċi jilqgħu l-iżviluppi soċjali, ambjentali u teknoloġiċi li qed iseħħu madwarna.
Fl-aħħar sentejn, il-kriżi fis-saħħa pubblika kkaġunata mill-pandemija iddominat l-attenzjoni tal-popli fid-dinja kollha. Imma din il-kriżi m’għandhiex iżżommna lura milli nkomplu nagħtu attenzjoni kbira lil kriżi oħra li tinsab magħna u li tista’ ġġib diżastru sħiħ jekk ma nindirizzawhiex. Qed nirreferi għat-tibdil fil-klima u l-mod kif qed tisħon il-klima tad-dinja, fenomeni li diġa qed naraw il-konsegwenzi tagħhom b’diżastri naturali frekwenti li ftit konna naraw bħalhom qabel.
Propju dawn il-kriżijiet li qed inħabbtu wiċċna magħhom bħal donnu ġabu lil kulħadd f’sensih li jeħtieġ niffukaw aktar fuq il-futur. L-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem nett li ħadmet b’mod li qatt ma ħadmet bħalu qabel biex bdiet tiġġenera l-fondi meħtieġa biex niffaċċjaw din is-sitwazzjoni. Il-fondi ġew intiżi li jintużaw biex l-Istati Membri mhux biss ikunu jistgħu jirkupraw mid-daqqa li qalgħu bil-kriżi tal-pandemija imma wkoll biex ilestu l-ekonomiji tagħhom għall-futur, billi jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom lejn ekonomija ħadra u diġitali.
Biex din il-bidla ssir ukoll fl-ekonomija tagħna rnexxielna niksbu allokazzjoni rekord ta’ Fondi Ewropej għas-snin 2021-2027. Minn din l-allokazzjoni se nirċievu għotja ta’ madwar €320 miljun għall-Pjan tagħna għall-Irkupru u r-Reżiljenza li huwa mmirat l-aktar lejn din it-trasformazzjoni li rridu nagħmlu fl-ekonomija tagħna. Diġa rċevejna l-ewwel pagament ta’ prifinanzjament għall-Pjan tagħna li huwa fost l-aktar ambizzjużi ambjentalment mill-pjani kollha mressqa lill-Kummissjoni Ewropea kif fil-fatt ġie mfisser mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen. Bosta investimenti u riformi minn dan il-Pjan diġa bdew jitwettqu u proġetti ewlenin oħra minnu jinsabu fl-istadju ta’ ppjanar dettaljat.
Il-bidla lejn ekonomija ħadra mhix se ssir mil-lejl għan-nhar. Din se ġġib magħha tibdil kbir fil-mezzi tat-trasport tagħna u fil-mod kif nivvjaġġaw minn post għall-ieħor f’pajjiżna stess. Se tkun tfisser tibdil kruċjali fil-mod kif joperaw in-negozji f’pajjiżna, kif topera l-industrija u l-makkinarju li tuża u bidliet importanti fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna. Għan-negozji ż-żgħar jista’ jkun li x-xogħol involut biex l-operat ikun aktar ambjentalment nadif jinvolvi l-ispejjeż imma għal dan qed nippjanaw skemi ta’ għajnuniet biex, bħala eżempju, binjiet kummerċjali tal-privat ikunu rinovati ħalli jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Anke l-inċentivi kbar li qed nagħtu biex vetturi jinbidlu għal dawk elettriċi għandhom ukoll l-għan li jgħinu f’din it-trasformazzjoni.
Dak li tinsab għaddejja minnu d-dinja bħalissa qed jitqies fi ċrieki internazzjonali bħala r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali. Grazzi għall-iżviluppi teknoloġiċi tal-aħħar snin, bil-kemm indunajna li għaddejna minn bidla li ġabitna niddependu fuq it-teknoloġija u bla ma nafu għandna f’idejna prodotti li fihom elementi ta’ intelliġenza artifiċjali jew robotika. Bħala pajjiż jeħtieġ li nkomplu nilqgħu dawn l-iżviluppi u nkunu lesti għal aktar progress biex pajjiżna jkun quddiem nett fost dawk li qed jaddattaw ruħhom għal din id-dinja li qed tinbidel. Għandna l-potenzjal biex ikunu ċentru teknoloġiku li jattira niċeċ ekonomiċi ġodda fl-ekonomija diġitali. Nistgħu bħala pajjiż permezz tat-trasformazzjoni lejn ekonomija diġitali anke ninvestu f’aktar servizzi diġitali fl-oqsma kollha tal-Gvern u partikularment is-saħħa biex nipprovdu servizzi b’aktar faċilita u aktar malajr liċ-ċittadini tagħna.
Anke f’dan il-qasam l-għajnuna mill-Gvern, partikolarment lill-intrapriżi u negozji Maltin diġà qed tingħata biex dawn jibdlu sistemi attwali tagħhom ma’ dawk diġitali u moderni biex isiru aktar kompetittivi kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment u joffru lill-klijenti tagħhom l-aqwa servizz.
Dawn il-bidliet li qegħdin nagħmlu u li rridu nagħmlu fis-snin li ġejjin qegħdin joffrulna opportunità li naħdmu biex ikollna pajjiż aktar nadif, aktar b’saħħtu u wieħed li jagħti lill-poplu tiegħu livell ta’ għixien mill-aqwa u impjiegi ta’ l-ogħla kwalita. Magħha din il-bidla qed iġġib ukoll sfida, dik li sezzjonijiet tas-soċjeta Maltija u partikolarment il-forza tax-xogħol, jaddattaw ruħhom għal din id-dinja li qed tinbidel.
It-taħriġ kontinwu u t-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna huma essenzjali biex nirnexxu f’din il-bidla. Bil-Fondi Ewropej li ksibna għal pajjiżna għandna opportunità tad-deheb biex inħarrġu liż-żgħażagħ u ħaddiema, nħeġġu aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena u nħeġġu wkoll lill-Maltin kollha ta’ kull età ikomplu jistudjaw tul il-ħajja (lifelong learning). Se jkollna fix-xhur u s-snin li ġejjin programmi apposta li jindirizzaw dawn l-oqsma.
Wara s-suċċessi ekonomiċi ta’ l-aħħar snin, issa rridu nħarsu ‘l quddiem biex inkunu aħna li permezz tat-trasformazzjoni li rridu nwettqu lejn ekonomija ħadra u diġitali nkomplu niksbu aktar suċċess b’riżq il-familji Maltin u Għawdxin kollha.