Owen Bonnici | Femiċidju

'Għalhekk, mhux kull omiċidju ta' mara minn raġel se jkun mitqies bħala femiċidju imma meta dan l-omiċidju jkun sar f'ċirkostanzi "femiċidali" allura dak l-omiċidju jibda' jitqies bħala femiċidju u l-ħati jkollu jiffaċċja konsegwenzi iktar severi'

Malta għandha tkun l-art tal-ugwaljanza bl-fatti fejn nisa u rġiel ikollhom it-tnejn l-ikbar opportunità li jirnexxu f'ħajjithom. 

Bla dubju ta' xejn fl-aħħar snin sar ħafna biex in-nisa f'pajjiżna jimxu 'l quddiem - biżżejjed insemmu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, ir-riformi kbar li twettqu fis-suq tax-xogħol biex iktar nisa jidħlu jaħdmu bħalma huma ċ-child care centres b'xejn u l-in-work benefit u deċiżjonijiet li ħolqu impatt bħal dawk li kont ħadt jien biex ikun hemm iktar nisa fil-Ġudikatura tant li f'dak il-kamp kienet intlaħqet parità bejn is-sessi. 

Madanakollu, minkejja dan u iktar, fadal x'isir biex realment Malta tkun l-art tal-ugwaljanza. U dak li fadal x'isir, dan il-Gvern immexxi minn Robert Abela hu impenjat li jagħmlu. 

Il-vjolenza kontra n-nisa hi xi ħaġa li tixxokkja lin-nies u tnikket il-qlub u l-imħuħ tal-poplu kollu.  Dak li ġara, pereżempju ftit iktar minn xahar ilu lil Paulina Dembska, kienet xi ħaġa li misset is-sentimenti ta' kull familja f'pajjiżna.   U bħal dak il-każ, il-każijiet l-oħra kollha fejn rajna ommijiet, nisa, ulied bniet jinqatlu jew jiġu vjolentati għax huma nisa. 

Hu importanti ħafna li naraw għaliex jiġri dan u x'jista' jsir biex kemm jista' jkun dan ma jerġax jokkorri ruħu. 

Rapporti wara rapporti, minn ħafna entitajiet rispettati kemm lokalment u anke internazzjonalment, jikkonkludu għal darba, darbtejn, tlieta li f'pajjiżna hawn mentalitajiet patrijarkali u miżoġeni li misshom ilhom li spiċċaw minn mas-saqajn.  Sfortunatament dawn il-mentalitajiet għadhom magħna u jagħmlu ħafna ħsara.  U konsegwentment id-diskors jitrasforma ruħu fi vjolenza psikoloġika jew fiżika. 

Irridu nibagħtu messaġġ b'saħħtu kemm jista' jkun biex inkissru din ir-realtà li tweġġa' lil ħafna u ħafna nisa. 

Din il-ġimgħa l-Ministru Edward Zammit Lewis u jien nidejna pakkett b'saħħtu ħafna ta' emendi li mhux biss se jiktbu l-istorja, imma se jagħmlu xi ħaġa li se tpoġġina minn tal-ewwel fl-Ewropa fil-kamp.  Ipproponejna li fil-Kodiċi Kriminali tagħna jiddaħħlu lista ta' ċirkostanzi femiċidali li meta jseħħu jwasslu jew biex il-Qorti tkun tista' tagħti piena iktar ħarxa minn dik li tista' tagħti llum, jew inkella biex ma tkunx tista' tintuża l-iskużanti tal-passjoni istantanja. 

Ipproponejna wkoll biex kull ma japplika għall-omiċidju ta' mara f'ċirkostanzi femiċidali japplika wkoll fejn jidħol l-attentat ta' omiċidju ta' mara f'ċirkostanzi femiċidali. 

Dawn l-emendi huma tajbin għaliex jintroduċu l-kunċett ta' femiċidju b'mod li jagħmel sens.  Għalhekk, mhux kull omiċidju ta' mara minn raġel se jkun mitqies bħala femiċidju imma meta dan l-omiċidju jkun sar f'ċirkostanzi "femiċidali" allura dak l-omiċidju jibda' jitqies bħala femiċidju u l-ħati jkollu jiffaċċja konsegwenzi iktar severi. 

Dan hu pass b'saħħtu mmens, li twieled ukoll frott l-impenn tal-Prim Ministru Robert Abela li ltaqa' ma' esperti u tekniċi f'dan il-kamp bħalma humaLara Dimitrijevic mill-Women's Rights Foundation li wasslu biex flimkien ġew xprunati dawn l-emendi. 

Naturalment fadal iktar x'isir u m'aħniex se nieqfu hawn.  Iżda dak li sar din il-ġimgħa hu pass kruċjali li se jagħmel id-differenza.  J'Alla dawn l-emendi ma jintużaw qatt għax ikun ifisser li ma sarx omiċidju ieħor ta' mara għax hi mara. 

Fl-istess waqt se nkomplu mmexxu 'l quddiem programmi ta' edukazzjoni, awareness raising u prevenzjoni ta' vjolenza fl-iskejjel u postijiet tax-xogħol.  Irridu li verament in-nisa u bniet f'pajjiżna jgħixu f'Malta li tagħtihom opportunità li jirnexxu f'ħajjithom daqs l-irġiel. 

+++ 

Pajjiżna rriduh isir ukoll l-art tal-innovazzjoni u nemmnu li hemm potenzjal tremend f'dan il-kamp. 

Fl-aħħar xhur nidejna numru ta' strateġiji li għandhom l-għan li jieħdu s-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni pass 'il quddiem.  Xtaqt niffoka fuq tlieta partikolari li huma tajbin, b'saħħithom u li għamlu ħafna ġid. 

L-ewwel strateġija hija dik marbuta ma' open science.  Dan hu bla dubju ta' xejn il-futur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa u jien kburi li Malta hi waħda mill-pajjiżi li b'mod ċar qed tgħid li trid xjenza miftuħa fejn ir-riċerkaturi jistgħu jaċċessaw u jibnu fuq xogħlijiet oħra ta' riċerka li jkunu saru minn ħaddieħor preċedentement. 

B'dan il-mod se jkun possibbli li anke kumpaniji li jkunu ta' daqs żgħir u medju jkun possibbli għalihom li jaċċessaw għar-riċerka b'mod iktar liberu abbażi tal-open policy. 

It-tieni strateġija hija dik li jgħidulha "Smart Specialisation Strategy", cioe' strateġija li tgħid liema huma l-oqsma fil-kamp tar-riċerka f'pajjiżna li se nagħtuhom prijorità.  Ħriġna b'sitt branki li fil-fehma tagħna għandhom ikunu prijoritarji biex mhux biss niffokaw fuq dak li jagħmel sens għal pajjiżna, imma ninċentivaw l-aċċess għal fondi Ewropej f'dan ir-rigward. 

Jien għandi fiduċja kbira fir-riċerkaturi tagħna u konvint li din l-Ismart Specialisation Strategy se tkun il-bażi li fuqha se nibnu ekosistema robusta ta' innovazzjoni f'pajjiżna. 

It-tielet strateġija hija dik li għadha f'livell ta' konsultazzjoni pubblika marbuta mal-ispazju.  Dan hu suġġett sabiħ immens għaliex hemm ħafna opportunitajiet f'kamp li huwa miżgħud minn kumpaniji internazzjonali li qed jimirħu biex joffru servizzi li jtejbu l-ħajja tagħna, bħalma huma s-satelliti, l-GPS u tant u tant applikazzjonijiet oħra. 

Hemm ħafna pajjiżi tad-daqs tagħna li telqu jiġru u ma narax għalfejn aħna ma għandniex nipparteċipaw f'din id-dinja li tant hi sabiħa, interessanti u eċċitanti. 

+ + +

Il-Partit Nazzjonalista issa ilu ma jirbaħ xi tip ta' elezzjoni - lokali, ġenerali jew għall-Parlament Ewropew - sa mill-2008, erbatax-il sena sħaħ. 

 Ir-riċetta tul dawn l-erbatax-il sena kienet dejjem l-istess.  Negattiviżmu, attakki personali, politika ta' għira, double standards u proposti ftit li xejn.  Wara ħames snin diżastrużi fil-Gvern bejn l-2003 u 2008, rajna l-PN jidħol f'downward spiral ta' dlam u kollox ikrah. 

Ir-riċetta li wasslet għal telfa wara l-oħra, wara l-oħra, wara l-oħra għall-PN ma nbidlitx.  

More in Politika