Josianne Cutajar | Gvern li jħoss il-polz tal-poplu

'Fejn f’pajjiżi oħrajn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għolew, f’ċerti istanzi anke b’50%, f’Malta dawn baqgħu l-istess. F’pajjiżna rajna wkoll kif sal-ġimgħa li għaddiet stess kellna injezzjoni ta’ €70 miljun fl-ekonomija'

Brussell u Strasburgu niltaqa’ ma’ ħafna nies minn pajjiżi differenti. Biss biss, fil-Parlament Ewropew għandna kollegi li ġejjin minn kull Membru Stat tal-Unjoni Ewropea. Naturalment din hija xi ħaġa li hija sabiħa, anke għaliex tagħmel konoxxenzi ġodda imma anke għax tkun taf x’inhu għaddej f’postijiet u reġjuni differenti. 
 
Jekk hemm xi ħaġa li fl-aħħar xhur żgur kienet fuq l-imħuħ ta’ ħafna, ġejjin minn fejn ġejjin, din indubbjament hi l-għoli tal-ħajja. Ngħid hekk għaliex l-għoli tal-ħajja kurrenti ġej minn effetti globali, li jinkludu żieda fil-prezzijiet tal-ikel u anke żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil. Fost l-oħrajn, tkellimt ma’ diversi Membri Parlamentari Ewropej oħrajn li spjegawli li fl-aħħar ġimgħat il-kontijiet tal-elettriku tagħhom għolew b’mod sproporzjonat. Din hija xi ħaġa li tinkwieta kemm lilhom, u kif ukoll lill-kostitwenti tagħhom, għaliex fl-aħħar mill-aħħar kulħadd irid jara kif ser ilaħħaq mal-ħajja. 
 
Malta u Għawdex min-naħa l-oħra, għalkemm aħna gżejjer, m’aħniex maqtugħin mid-dinja, u għaldaqstant iċ-ċaqlieq globali jaffetwana wkoll. Id-differenza bejna u bejn pajjiżi oħrajn madanakollu hi li f’Malta għandna Gvern li verament iħoss il-polz tal-poplu, u li x-xokkijiet ekonomiċi esterni jara li jassorbihom hu.  Fejn f’pajjiżi oħrajn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għolew, f’ċerti istanzi anke b’50%, f’Malta dawn baqgħu l-istess. F’pajjiżna rajna wkoll kif sal-ġimgħa li għaddiet stess kellna injezzjoni ta’ €70 miljun fl-ekonomija Maltija, injezzjoni permezz ta’ ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li ser tilqa’ għall-inflazzjoni imma wkoll li ser isservi biex tkabbar l-ekonomija.  
 
Rajna wkoll żieda annwali fil-pensjonijiet, li serviet biex tippreserva s-saħħa tal-infieq tal-anzjani tagħna, kif ukoll żieda annwali fl-istipendji. Żidiet pożittivi li taħt amministrazzjonijiet oħrajn konna biss noħolmuhom.  
 
Kellna mbagħad skemi oħrajn, bħall-iskema tal-First Time Buyers, il-vouchers lill-istudenti f’istituzzjonijiet post-sekondarji li jistgħu jissarfu f’internet b’xejn u anke l-InWork Benefit fejn koppji u ġenituri waħedhom jingħataw ammonti ta’ flus sinifikanti li jgħinuhom bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. 
 
Kien dan il-Gvern ukoll, li wara deċenji sħaħ laħaq qbil mal-imsieħba soċjali biex tiżdied il-paga minima f’Malta. Però, il-paga minima ma żżidhiex darba u daqshekk; kien għalhekk li Gvern Laburista waqqaf il-Kummissjoni għall-Paga Minima li xogħolha hu li taġġusta l-paga minima minn żmien għal żmien.  
 
Ma nistax ma nsemmix ukoll li fil-baġit tas-sena 2022, rajna miżura li tfisser li l-kejl tal-COLA għal persuni vulnerabbli ser ikun qiegħed jiġi rivedut. Dan għaliex kemm l-għoli tal-ħajja, imma wkoll il-prodotti u n-neċessitajiet ta’ żmien ilu, m’għadhomx l-istess bħalma huma llum. Bħalma spjegajt, irridu naraw allura li s-sistemi eżistenti li hemm jiġu aġġornati minn żmien għal żmien, u dak huwa preċiżament dak li qed jagħmel dan il-Gvern bil-fatti. 
 
Tul il-pandemija rajna wkoll li għal baġit wieħed ikollna tlieta, kull darba b’miżuri aktar b’saħħithom. Miżuri li fl-aħħar mill-aħħar salvaw eluf ta’ impjiegi, u l-għixien ta’ eluf ta’ familji, biex issa skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, Malta ser ikollha l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fis-sena 2022. 
 
Tgħiduli imma allura għandna noqgħodu fuq l-istatistiċi u n-numri? It-tweġiba tiegħi hija definittivament le. Irridu nibqgħu f’kuntatt kontinwu man-nies. Irridu nibqgħu mmorru għandhom, u nisimgħu l-opinjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Imma mbagħad, wara li nisimgħu dak li kellhom xi jgħidu, irridu wkoll nwettqu l-politika rilevanti. Għalkemm diffiċli tikkuntenta lil kulħadd, li huwa żgur hu li fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ skemi u miżuri li jgħinu, dan il-Gvern kien minn ta’ quddiem nett.  
 
Bħalma għidt aktar kmieni: Miżura ma tagħmilhiex darba u tħalliha hemm. Trid tibqa’ tiġi aġġornata. Għaldaqstant ninsab kunfidenti li x’ħin jerġa’ jiġi l-waqt, il-poplu Għawdxi u Malti ser jerġa’ jagħraf it-tant tajjeb li sar minn Partit Laburista fil-Gvern. 

More in Politika