Carmel Cacopardo | Riforma tal-Parlament
Membru Parlamentari full-time għandu jaqta’ għal kollox kull kuntatt ma' xogħol u/jew professjoni u bħala riżultat ta’ hekk inaqqas sostanzjalment il-possibilità ta’ kunflitt ta’ interess
Il-Prim Ministru ilu jinki lill-opinjoni pubblika dwar meta ser ikun xolt il-Parlament kif ukoll dwar meta ser tissejjaħ l-elezzjoni ġenerali.
Imma Robert Abela kien ikkwotat jgħid ukoll li sa Ġunju 2022 ikun għadda kollox!
Kif inhuma l-affarijiet illum, hi responsabbiltà kostituzzjonali tal-Prim Ministru dwar meta jkun xolt il- Parlament kif ukoll dwar meta tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Dan jagħmlu billi jagħti parir dwar dan lill-President tar-Repubblika. Ħafna drabi nassumu li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess nazzjonali avolja hu ċar daqs il-kristall li hu l-interess tal-partit fil-Gvern li jiddetermina kollox: dejjem! Miżura li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Gvern qabel u waqt l-elezzjoni: the power of incumbency.
Dan mhux sewwa u għandu jinbidel kif inbidlu bosta affarijiet oħra.
Il-partit li jmmexxi qajjem dan il-punt fis-sottomissjonijiet li għamilna quddiem il-Konvenzjoni Kostituzzjonali: Konvenzjoni li, dejjem ġejja, imma qatt ma tasal!
Hu propost li t-terminu tal-Parlament ikun wieħed fiss u li l-Prim Ministru ma jkollu l-ebda diskrezzjoni dwar kif u meta dan ikun xolt. Fil-prattika kemm l-Istati Uniti kif ukoll il-parti l-kbira tal-Ewropa kontinentali għandhom Parlament b’terminu fiss. Anke r-Renju Unit, meta kienet immexxija mill-koalizzjoni bejn il-partit Liberali u dak Konservattiv, ftit snin ilu, introduċiet leġiżlazzjoni għal Parlament b’terminu fiss.
F’dan il-kuntest tajjeb li jkun emfasizzat ukoll li t-terminu ta’ ħames snin għall-Parlament huwa ftit twil. Dan ma kienx dejjem hekk. Meta twaqqaf il-Parlament Malti għall-ewwel darba fl-1921, mitt sena ilu, il-ħajja tal-Parlament kienet ta’ tlett snin. Sal-lum il-ġurnata, l-Parlament Federali Awstraljan għadu jkun elett kull tlett snin. Il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti min-naħa l-oħra tkun eletta kull sentejn.
X’uħud jistgħu jkunu tal-fehma li għall-Parlament, tul ta’ sentejn jew tlieta bejn elezzjoni u oħra huma ftit wisq. Għal min qiegħed fil-Gvern, ħames snin jistgħu jkun perjodu addattat. Imma għal min qiegħed fl-Oppożizzjoni hu twil wisq! Tlett snin hu perjodu ferm iktar addattat.
Il-Parlament għandu ħtieġa wkoll ta’ membri li xogħolhom ikun biss dak ta’ membri tal-parlament u li ma jagħmlu xejn iktar. Hemm bżonn ukoll li n-numru ta’ membri tal-parlament jonqos għax dak li għandna illum hu kbir wisq. Membru Parlamentari full-time jaqta’ għal kollox kull kuntatt ma' xogħol u/jew professjoni u bħala riżultat ta’ hekk inaqqas sostanzjalment il-possibilità ta’ kunflitt ta’ interess meta jkun f’pożizzjoni li jieħu kwalunkwe deċiżjoni.
Id-daqs tal-lum tal-Parlament, jiġifieri dak ta’ 65 Membru Parlamentari, kien determinat bħala riżultat tal-emendi kostituzzjonali tal-1974. Imma dan, illum il-ġurnata, sa mill-1987, mhux id-daqs definittiv għax miegħu jistgħu jiżdiedu iktar bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu kostituzzjonali tal-proporzjonalità. Jistgħu jiżdiedu iktar ukoll, bi 12-il membru ieħor, riżultat tal-miżuri kostituzzjonali ġodda dwar il-bilanċ tal-ġeneru, jekk dawn ikunu applikati.
Il-Parlament li jmiss, għaldaqstant, jista’ jkun kbir mhux ħażin jekk jintużaw - kemm il-mekkaniżmu dwar il-proporzjonalità kif ukoll dak dwar il-bilanċ tal-ġeneru. Jista’ jkun daqs li jikber sa 77 membru u possibbilment anke sa 81 membru. Dan hu enormi għal mpajjiżna.
Is-sistema elettorali, li ż-żewġ partiti fil-Parlament ilhom ibgħabsu għal żmien twil, tipprovdi għal riżultat proporzjonali u b’element korrettiv favur il-bilanċ bejn il-ġeneri meta fil-Parlament ikunu eletti żewġ partiti politiċi biss. Meta jkun elett it-tielet partit dawn il-mekkaniżmi kostituzzjonali dwar il-proporzjonalità u l-bilanċ tal-ġeneru ma jistgħux jaħdmu. Hemm biss eċċezzjoni waħda. Din tkun fil-każ ta’ partit politiku li jikseb iktar minn 50 fil-mija tal-voti fl-ewwel għadd fuq livell nazzjonali. Dan ikollu dejjem il-jedd li jiggverna billi jkun allokat is-siġġijiet neċessarji għal dan l-iskop.
Hemm numru ta’ soluzzjonijiet alternattivi illi kieku ġew applikati kien ikun possibli li l-Parlament tagħna jkollu bilanċ aħjar bejn il-ġeneri u proporzjonalità mingħajr ma jikber fid-daqs. Dawn is-soluzzjonijiet, imma, ġew skartati kompletament. Dan għax ir-riforma kellha dejjem l-iskop li toħloq l-inqas tibdil possibli. Tibdil kosmetiku fl-istil tal-Gattopardo: tibdil li jħalli kollox kif kien! Dan hu l-Parlament tagħna. U allura jeħtieġ li jinbidel mill-qiegħ!