Ivan Bartolo | Lilek laburist ġenwin
'Il-ħaddiem bil-kemm għadu jissemma, għax minn imexxi sar kapitalist. Jaħseb f’butu u fi sħabu, jixxala minn fuq dahar il-poplu, u minn fuq dahar dawk il-laburisti ġenwini li tawhom il-fiduċja'
Ħassejt li kelli nkellemek, laburist ġenwin. Naf li bla dubju fil-Partit Laburista hemm numru ta’ laburisti ġenwini. Laburisti li verament iridu li pajjiżna jimxi 'l quddiem. Iridu li l-ġid jinqasam mal-poplu kollu. Li l-pajjiż jitmexxa bi trasparenza kbira fejn kulħadd ikun jaf u jkun jista’ jipparteċipa fid-deċiżjonijiet u fit-tmexxija tal-pajjiż u bla ebda ħabi ta’ tberbiq ta’ flus. Iva, dan bla ebda dubju li huwa l-għan ta’ kull laburist ġenwin.
Naf ukoll li llum dawn il-laburisti ġenwini huma iddispjaċuti li kien hemm minn fil-partit li daħaq bihom. Jafu wkoll li l-votanti laburisti kien hemm min inqeda bihom. Jafu wkoll li hemm affarijiet li ma jaqblux magħhom u ma jaqblux magħhom sewwa.
Bħala laburist ġenwin nifhmek li ma tistax taċċetta li flus tal-poplu jingħataw minn min imexxi l-Gvern Laburista, lill-barranin u ma jafx ghalfejn u għalxiex. Nafu li jingħataw mas-€70 miljun lil Steward li suppost qed imexxu l-isptarijiet. U għalfejn u għaliex? Naraw ukoll partijiet ta’ pajjiżna jingħataw lill-barranin, meta l-laburist ġenwin jaf li Mintoff kien keċċa lill-barrani milli jokkupa lil pajjiżna u jiddettawlna, kif qed isir issa.
Nifhmek ukoll meta tħoss li ċerti rjus fil-Partit Laburista qed idaħħlu idejhom fil-kaxxa ta’ Malta, qisha din hija tagħhom, u jqassmu lil dak u lil ieħor: Kemm barranin, kif ukoll dawk ta’ ġewwa, u mbaghad għall-poplu jsibu biss €1.75.
Int bħala laburist ġenwin naħseb ukoll li ma tistax taċċetta li hemm kriminali fil-qalba tal-partit tiegħek li qed imexxu huma, għandhom saħħa akbar minn dawk li inti u oħrajn bħalek, lilhom tajtu l-fiduċja biex imexxu.
U nista’ nifhem l-uġigħ li tħoss meta tara l-partit, li darba kienu jgħidulu tal-ħaddiema, ibigħ ruħu għal dawn il-kriminali. U nifhmek ukoll jekk tħoss li hemm minn dawk li inti fdajt bil-fiduċja tiegħek u bir-responsabbiltà biex imexxu lill-pajjiż, li qed iħaxxnu bwiethom minn flus pubblici. Kif taf, bit-€28,000 li Robert Abela ħa minn flus il-poplu, għax qal li jaħdem nhar ta’ Ħadd!
U nista’ nifhem kif tħossok bħala laburist ġenwin meta tara li tnejn mid-Deputati Mexxejja li kellu l-Partit Laburista fl-aħħar ħames snin, li l-laburisti ivvotawlhom u tawhom il-fiduċja tagħhom biex imexxu l-pajjiż, ġew maqlugħa 'l barra mill-Parlament, mill-Gvern u anke mill-kariga fil-partit!
U nista’ nifhem ukoll kif tħossok meta tara wieħed minn dawn li kien imkeċċi minn naħa tal-Gvern Laburista fil-Parlament, meta jiġi biex jirrispondi għal għemilu, ma jirrispondi xejn. U mhux hekk biss, imma tara lid-Deputati Parlamentari Laburisti jiddefenduh!
Nahseb tħossok ukoll umiljat li meta inti tiġġieled għall-partit tal-ħaddiema, u għandek kull dritt u raġun li tagħmel dan, tara li l-ħaddiem bil-kemm għadu jissemma, għax minn imexxi sar kapitalist. Jaħseb f’butu u fi sħabu, jixxala minn fuq dahar il-poplu, u minn fuq dahar dawk il-laburisti ġenwini li tawhom il-fiduċja tagħhom biex imexxu l-pajjiż!
U naħseb li bħala laburist ġenwin naf kif tħossok meta tiftakar fil-kuntrabandu li għaddej, fil-ħasil ta’ flus, u anki fil-qtil ta’ ġurnalista li kixfet dawn l-affarijiet: Qisu xejn mhu xejn, għax jaħsbu u jgħidu li għandhom ir-rieda tal-poplu warajhom.
Iva nifhmek. U nifhmek sewwa!
U issa reġgħu ġew biex tagħtihom il-fiduċja tiegħek. U kif tista’ ma tħossokx u ma jkollokx dubji li dawn mhux sejrin ikomplu jużaw il-fiduċja tiegħek biex ikomplu jistagħnew? Min imexxi l-Partit Laburista qalilna li ser ikompli bil-kontinwità. Kontinwita ta’ xiex? Ta’ ħasil ta’ flus? Ta’ protezzjoni lil xi kriminali? Ta’ tberbiq ta’ flus il-poplu? Ta’ deċiżonijiet moħbija li għandhom effett fuq il-poplu kollu?
Nifhmek ukoll meta tasal biex taħseb li jekk inti terġa tagħtihom il-fiduċja, jkollok id-dubji kbar jekk hux sejrin jerġgħu jinqdew bik u jkomplu fuq din il-kontinwità. U ma nagħtikx tort li taħseb li jgħidulek li inti kont taf x’kienu qed jagħmlu u erġajt fdajthom bit-tmexxija tal-pajjiż u bi flus il-poplu.
Nifhmek ukoll meta taħseb fuq il-Grey Listing, u fuq kif din ser taffettwa il-futur ta’ pajjiżna, il-futur tat-tfal tagħna.
U ma nistax ma nifhmekx jekk tasal biex taħseb li wara li jerdgħu u jgħassru l-lumija kollha, jarmuha u jħallu l-problema għal dawk li jiġu warajhom. Wara kollox dawn użaw u rmew lill-laburisti kollha, inkluż dawk ġenwini, wara li dawn tawhom il-fiduċja. Naf eżatt x’jien ngħid... u naf li int temminni.
U nifhmek ukoll meta tasal biex taħseb u tistaqsi lilek innifsek jekk inti tridx tkun parti minn dan il-futur imċajpar li l-laburisti li ħatfu l-partit tiegħek, qed ifasslu.
Għalhekk ħabib/għażiża, bħala laburist/a ġenwin/a, aħseb ftit kif tista’ verament tgħin lil dan il-pajjiż jerġa' jaqbad it-triq biex inwaqqfu din il-ġerħa. M'inix sejjer nghidlek x’għandek tagħmel.
Bħala laburist ġenwin inti intelliġenti biżżejjed biex tasal u tifhem il-pass li huwa meħtieġ biex pajjiżna jwaqqaf dawn l-affarijiet biex kemm il-popli, kif ukoll il-pajjiż jerġa' jimxi ‘l quddiem mingħajr ma jkun hemm tberbiq ta’ flus għal ħbieb tal-ħbieb, u mingħajr ma inti tintuża biex il-fiduċja tiegħek twassal biex ikomplu jsiru dawn l-affarijiet li jħammru wiċċ kulħadd, l-aktar tal-laburisti ġenwini.
Idħol fik innifsek. Aħseb. Wieġeb... u ħu azzjoni!