Saviour Balzan | Il-battalja għall-attenzjoni pubblika
'Il-fatt li Muscat għadu jħuf fil-periferija politika hija ħażina'
Sa fejn naf jien qatt ma kien hemm kampanja elettorali li seħħet fid-dell ta’ gwerra.
Din il-ġimgħa meta ltqajt ma’ ħbieb ħadd minnhom ma tkellem fuq l-elezzjoni u minflok tkellmu fuq l-Ukrajna.
Din it-tip ta’ realtà ma tantx tista tkun tajba għall-partiti politiċi. Diġà kien hemm is-sensazzjoni li ħadd ma jrid ikun jaf bil-politiċi.
Waqt li qed isir is-sondaġġ mit-tim POLAR li jagħmel is-sondaġġi għall-gazzetta MaltaToday u n-nies jiġu mitluba biex jindikaw x’inhuma l-affarijiet li huma ta’ tħassib għalihom, fost l-affarijiet li ssemmew kien hemm – ‘il-politiċi.’ Dan it-tħassib ġdid juri bl-iktar mod ċar li l-klassi politika għandha problema.
Problema li ma bdietx issa, imma li ċertament l-avvenimenti tal-aħħar tlett snin u forsi qabel ukoll komplew iħawwdu din il-borma partikolari.
Illum meta tħares sew lejn is-sondaġġi tara li ftit li xejn hemm avvanz ta’ voti ġodda lill-Partit Nazzjonalista. Iżda hija inkwetanti għall-Partit Laburista, li hemm ħafna Laburisti li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw. U dan in-numru m’huwiex żgħir. U ċertament jista' jnaqqar sew il-maġġoranza kbira li għandu l-Partit Laburista.
Hemm tliet aspetti li jridu jiġu diskussi meta inti tkun tħares lejn din is-sitwazzjoni.
-
Għaliex il-PN mhux qed jirbaħ biżżejjed votanti ġodda?
-
Għalfejn hemm Laburisti li ma jridux jivvutaw?
-
Kif il-partiti ser jegħlbu dawn l-isfidi?
Ovjament nistgħu nispekulaw. Nistgħu noħorġu bi spjegazzjonijiet kumplessi. Imma jibqa' l-fatt li hemm skuntentizza fost eluf ta’ votanti għall-klassi politika.
Il-PN jrid ikun iktar konxju li l-passat huwa memorja xejn sabiħa għal bosta nies.
Min ivvota għall-Labour għall-ewwel darba fl-2013 ċertament għamel hekk għax ried nifs ġdid.
L-avvenimenti tal-aħħar snin, illi fihom Joseph Muscat fotta kollox, iddiżappuntaw lil biżibilju nies li kien emmnu fih. Il-fatt li Muscat għadu jħuf fil-periferija politika hija ħażina.
Il-Labour, biex jikkonvinċi lil dawk li vvutaw Labour u li issa ma jridux jivvutaw, irid juri umiltà liema bħalha u kovinżjoni b’argumenti sodi biex jirbħu lura dak li tilfu.
U dan kollu sar aktar diffiċli bl-aħbarijiet xokkanti mill-Ukrajna!