Ivan Castillo | Tiġdid
Ma rridux nibżgħu inbiddlu u ma rridu nħallu lil ħadd jaqtalna qalbna. Dak li hu iswed ngħidulu iswed u dak li hu abjad ngħidulu abjad
Ippermettuli nibda billi nirringrazzja lil dawk l-eluf li tawni l-fiduċja tagħhom u vvutawli sabiex nirrapreżentahom fil-Parlament. Nassigurakom li ser inroddilkom lura dik il-fiduċja u ser issibuni fuq quddiem nett sabiex inwassal il-vuċi tagħkom bla kantunieri, bla kuluri. L-interess tiegħi huwa biss wieħed - li flimkien ma’ sħabi eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista nagħmlu dak kollu possibbli sabiex intejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Filwaqt li nirringrazzja lil dawk id-deputati u kandidati li b’sagrifiċċju taw ħinhom u sehemhom flimkien mal-familji u l-ħbieb tagħhom tul il-kampanja elettorali iżda ma kellhomx ir-riżultat mixtieq, minn issa l’hemm irridu nħarsu l’quddiem. Irridu infittxu dak li hemm komuni bejnietna sabiex dawk kollha li ma vvutawlniex jaraw fina nies li tista’ tafdahom. Jaraw fina nies li mhux qegħdin hemm biex nisservew aħna imma biex nagħmlu ħilitna u dak kollu possibbli sabiex lill-poplu Malti intuh dak li hu tiegħu bi dritt mingħajr ma jħossu obbligat lejn xi politiku u mingħajr ma jħoss il-ħtieġa li jmur jittallab għal dak li hu tiegħu.
Il-ġenerazzjoni ta’ politiċi ġodda magħżula mill-poplu f’isem il-PN ser jassiguraw nifs ġdid fil-partit. Filwaqt li għandna bżonn dawk b’esperjenza, id-demm ġdid ser ikun qed iħalli impatt pożittiv kif issir il-politika. Politika min-nies għan-nies.
Il-programm elettorali imressaq mill-PN għall-elezzjoni li għaddiet kien eżempju ċar ta’ dan. Ħafna minnkom jafu li fih kien hemm proposti imressqin minnkom stess jew minn xi ħadd tafuh li spiċċaw fil-Programm Elettorali bħala proposti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista. Dan l-eżerċizzju wera’ biċ-ċar li l-PN qed jirriġenera ruħu. Wera’ biċ-ċar li l-PN qed jinbidel. Għadna ma wasalniex fejn xtaqna imma d-direzzjoni dik hi.
Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi li għandu irid jerġa’ jsir il-Partit tan-Nies. It-tiġdid irid iservi biex il-Partit jappella għal firxa iktar wiesa tal-poplu Malti. Mil-lum irridu mmorru nħabbtu l-bibien tan-nies. Fl-erba’ snin li għaddew ħabbatt għand eluf minnkom u intom ilqajtuni. Ma qbiżt l-ebda bieb u hekk ser nerġa nagħmel. M’għandniex ħin x’naħlu. Il-ħidma tagħna ser tibda minn issa.
Nagħmlu kuraġġ ħbieb tiegħi. Jekk niffukaw fuq dak li verament irridu naslu għalih, fl-aħħar jirnexxielna. Ma rridux nibżgħu inbiddlu u ma rridu nħallu lil ħadd jaqtalna qalbna. Dak li hu iswed ngħidulu iswed u dak li hu abjad ngħidulu abjad. Jien ser nibda mil-lum. Jien ser niġi niltaqa magħkom.
Min jixtieq ikellmini b’mod immedjat jista’ jagħmel dan fuq 98897500 jew [email protected]