Editorjal | Bl-Ingliż ngħiduha ħafna aħjar: In Denial!
In-nies li kienu qed jagħtu lil Bernard Grech il-pariri telqu u marru jfittxu impjieg ieħor u l-Kap tal-Partit donnu spiċċa f'Torri tal-Avorju, waħdu, jemmen li l-pedament li nbena huwa sod u li l-PN għamel avvanz.
Meta jkollok darsa qed tagħtik l-inkwiet, l-agħar ħaġa li tista' tagħmel huwa li tinjoraha meta dak l-uġigħ jonqos. Sakemm terġa' tagħtik ftit ta' kedda, imma tinjoraha u tgħaddi wkoll, sakemm imbagħad tbikkik u jkollok tlebbet għand id-dentist li ma jkollu ebda għażla għajr li jaqlagħha. Li tirrealizza li hemm problema serja u li tieħu ħsieb dik il-problema hija l-aħjar soluzzjoni biex fil-futur, dik il-problema ma tiġix lura u tkissrek.
Għaddew ġimagħtejn mir-riżultat elettorali. Riżultat li tħares kif tħares lejh ifisser l-akbar distakk, u allura l-akbar telfa elettorali, għal kwalunkwe partit politiku mill-Indipendenza lil hawn. Telfa li ġiet minkejja ħames snin illi matulhom irriżenja Prim Ministru, irriżenja Ministru u Chief of Staff li ġew implikati f'assassinju, sar dan l-assassinju, bdiet toħroġ xhieda dannuża u Malta spiċċat fil-Lista l-Griża tal-FATF. Dan apparti pandemija li waqqfet lill-pajjiż, staġnat kollox u tefgħet lid-dinja f'inċertezza liema bħalha. Wieħed ma jridx inaqqas mill-preġji ta' Gvern Laburista, speċjalment dawk ekonomiċi u lanqas mill-passi, miżuri u bidliet pożittivi kollha li ħa Robert Abela f'sentejn. Imma li jiġri dak kollu li ġara - fil-kontroll u lilhinn mill-kontroll tal-Gvern - u l-PN mhux talli ma jirnexxilux inaqqas id-distakk, talli jitlef b'marġini akbar hija serja u serja ħafna. Hija serja li f'dan il-pajjiż għandna partit fl-Oppożizzjoni li sal-aħħar ta' din il-leġiżlatura se jkun ilu 24 sena ma jikseb maġġoranza assoluta ta' dawk li marru jivvotaw. Hija serja, li minkejja li l-PN biddel il-kaptan f'nofs triq għax qal li l-kaptan l-ieħor kien ħażin, bil-kaptan il-ġdid li daħal b'tant fanfarra u aspettativa, irnexxielu jitlef b'aktar.
Imma dan mhux l-aktar gravi. L-aktar gravi hija illi jidher ċar li la hemm aptit, la hemm ir-rieda u lanqas l-imbuttatura minn fuq biex il-partit jidħol tassew f'qoxortu u jwettaq revoluzzjoni interna tant meħtieġa biex iġib bidliet bla preċedent, ħalli l-PN jissaħħaħ u joħroġ minn dan il-fondoq elettorali darba għal dejjem.
Minflok eżami tal-kuxjenza, minflok ħsieb profond tal-ħassieba u l-intellettwali, bħalma xi darba kellu l-PN f'Dun Peter Serracino Inglott u minflok analiżi profonda ta' fejn il-partit mar ħażin u x'jista' jagħmel aħjar, ir-reazzjoni sa issa ta' Bernard Grech u l-PN kienet skużi, tqabbil patetiku mas-sondaġġi biex b'xi mod jiġi ġġustifikat distakk ta' 39,500 vot u (u din l-agħar waħda!) l-implikazzjoni, xi minn daqqiet bla diċenza, illi l-poplu inxtara għax il-poplu injorant u korrott.
Qisu l-PN sar dak is-sid ta' ristorant li jaħseb li għandu ikel tal-michelin star, imma dejjem vojt jew ma jista' jagħmel profitt b'xejn. Ħdejh iżda hemm ristorant li jsajjar għaġin u pizez u burgers imma dan dejjem imballat bin-nies u qed jagħmel gelgul flus. Minflok jara x'qed jagħmel ħażin fil-ħanut tiegħu u kif jista' l-ikel tiegħu jkun aktar attraenti għall-poplu, donnu jippreferi joqgħod barra u jgħajjar lil dawk deħlin fir-ristorant ta' maġenbu li huma stupidi, li ma jafux jieklu u li ma jifhmux.
Bernard Grech żbalja meta qal, frisk minn din it-telfa devastanti, li hu se jibqa' u allura fil-proċess qatel kull ċans li kandidati prospettivi jitfgħu isimhom għat-tmexxija tal-partit u li dawk li verament jemmnu fil-PN jitkellmu u jgħidu x'ġara. Minflok diskussjoni ħajja, tisbit fuq is-sider u umiltà pero' fl-istess ħin ħeġġa biex is-sitwazzjoni fil-PN ma terġa' qatt tkun kif inhi, llum hemm is-silenzju u theddid tad-dixxiplina.
In-nies li kienu qed jagħtu lil Bernard Grech il-pariri telqu u marru jfittxu impjieg ieħor u l-Kap tal-Partit donnu spiċċa f'Torri tal-Avorju, waħdu, jemmen li l-pedament li nbena huwa sod u li l-PN għamel avvanz. Mela allura kollox sew u ma hemmx għalfejn il-PN jifhem x'qed jagħmel ħażin.
Din hija l-akbar traġedja tal-PN u tad-demokrazija Maltija bħalissa. Minn naħa partit b'saħħtu, organizzat, imma li issa qed isir wisq b'saħħtu u minn naħa l-oħra partit li għadu kif ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-istorja, iżda li jew għax għadu taħt xokk jew għax m'għadx fadal fih l-imħuħ tar-raġuni u l-għerf qed jirrifjuta li jirrikonoxxi r-realtà qarsa. Bl-Ingliż hemm espressjoni li toqgħod ħafna aħjar: In Denial!
Għandu jwarrab Bernard Grech? Mhux neċessarjament.
Għandha ssir elezzjoni għal Kap ġdid li tkun ikkontestata? F'realtajiet differenti, iva. Imma bil-PN kif inhu din tkun biss l-aħħar firda li tgħerreq il-vapur.
Mela xi jrid isir? Jibda, illum qabel għada, jaqbad l-aqwa imħuħ, l-aktar nies li kkontribwew fil-PN fl-aħħar 20 sena, nies oħrajn minn barra bħal George Vital Zammit u ħafna oħrajn bħalu (mhux dawk li huma mgħomja bil-mibgħeda u l-odju għal-Labour ta) u jitkellem u jisma, u jkompli jitkellem u jisma'. Ikompli jifhem u jisma'. Bħalissa mhux il-ħin tal-konferenzi u l-għebbusija tar-ras.
U dan huwa importanti li jsir, mhux għall-Partit Nazzjonalista. Imma għall-pajjiż, l-ewwel u qabel kollox.