Robert Aquilina | Għażliet
Soċjetà li mhix ġusta, soċjetà li fiha l-liġijiet ma japplikawx għall-allat u imma japplikaw biss għall-bhejjem, mhijiex u ma tistax tissejjaħ soċjetà demokratika
Il-ħajja hija mimlija għażliet. Minn xħin niftħu għajnejna filgħodu sa xħin nagħlquhom filgħaxija ikollna bosta għażliet x’nagħmlu. Uħud ikunu żgħar u faċli waqt li oħrajn ikunu kkumplikati u jġorru magħhom konsegwenzi fit-tul jekk mhux għal dejjem.
Il-ħajja titlobna nagħmlu għażliet individwali u titlobna wkoll nieħdu sehem f’għażliet kollettivi, bħala familji, komunitajiet, għaqdiet, postijiet tax-xogħol u anke bħala poplu. Dawn l-għażliet kollha b’xi mod jew ieħor jiddeterminaw min aħna bħala persuni, min aħna bħala grupp ta’ nies, min aħna bħala poplu u ’l fejn irridu mmorru.
Ċertu għażliet ma jsirux darba għal dejjem. Pereżempju jekk illum se tagħżel li tibda tagħmel ftit eżerċizzju fiżiku, għada se terġa’ tiġi ffaċċjat bl-għażla bejn tintelaq fuq is-sufan tnaqqar xi ftit ħlewwiet jew terħilhiex għal xi mixja twila.
Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jiena u bosta persuni oħra f’pajjiżna għamilna għażla: għażilna li niddedikaw parti mill-ħin u mill-enerġija tagħna biex niġġieldu għall-verità u għall-ġustizzja.
Din ma kinetx għażla ta’ darba. Din hija għażla li jkollna nagħmlu kuljum. Kuljum irridu nagħżlu jekk quddiem l-inġustizzji nibqgħux siekta, jekk quddiem il-korruzzjoni nibqgħux ċassi u jekk inħarsux band’oħra meta nilmħu atti kriminali. Din l-għażla jkollna nagħmluha kemm bħala individwi u kemm bħala grupp.
Naturalment, nixtiequ li l-għażla li għamilna u li qed nagħmlu aħna ssir minn ħafna iktar nies; nixtiequ li din l-għażla nagħmluha bħala poplu. Nafu li huwa diffiċli li din ix-xewqa sseħħ. Huwa diffiċli imma mhux impossibbli. Biex nibdew naslu, mod wieħed biss hemm: illi aħna nibqgħu nagħżlu li naħdmu għall-kawża tagħna.
U hekk se nagħmlu.
Barka Papali, ċensura Statali
L-aħbarijiet tal-istazzjon tal-istat ma qalux lil min isegwihom li, waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, il-Papa Franġisku beżbeż lill-mexxejja ta’ pajjiżna dwar il-korruzzjoni waqt li lissen kliem ta’ appoġġ għal min bħalna jmexxi ’l quddiem il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Ħadna gost li l-Papa wkoll jixtieq li aktar Maltin jagħżlu li jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan il-kliem ħassejnieh bħala barka għall-ħidma tagħna. Fi żmien fejn kien hemm sforz qawwi biex aħna nħossuna iżolati u naqtgħu qalbna, il-kliem tal-Papa Franġisku reġa’ tana doża qawwija ta’ kuraġġ u entużjażmu. Il-kliem tal-Papa fakkarna li l-valuri li qed niġġieldu għalihom aħna huma valuri universali li m’għandhomx data ta’ skadenza.
Fuq kollox, kliem il-Papa fakkarna li ebda intopp, ebda kampanja qarrieqa, ebda ċensura, ebda manipulazzjoni u ebda riżultat elettorali ma jista’ jibdel il-ħażin f’sewwa.
Dan il-kliem aħna se nkunu qed nirrepetuh u ntambruh. Nittamaw li dan il-kliem jirnexxielu jiftaħ għajnejn li għadhom magħluqin u jdawwar uċuħ li s’issa ma ridux iħarsu u jaraw.
M’hemmx demokrazija fejn m’hemmx ġustizzja
L-elezzjoni ġenerali mhijiex l-uniku għodda f’demokrazija. Soċjetà li mhix ġusta, soċjetà li fiha l-liġijiet ma japplikawx għall-allat u imma japplikaw biss għall-bhejjem, mhijiex u ma tistax tissejjaħ soċjetà demokratika.
Għalhekk għandna bżonn istituzzjonijiet b’saħħithom li jaħdmu u jwettqu dmirhom b’mod indipendenti. Mhuwiex aċċettabbli li jkun hawn min jipprova juża r-riżultat tal-elezzjoni biex jintimida lil min fl-istituzzjonijiet tagħna jrid jagħmel xogħlu. Ebda politiku, ebda partit u ebda individwu m’għandu jitħalla juża l-voti tan-nies bħala arma biex jiddefendi l-interessi ta’ nies kriminali.
Il-kors tal-ġustizzja għandu jkompli mingħajr waqfien. Kull fejn se jkun qed isir il-bullying biex dan il-proċess jitrażżan aħna fid-dmir li nitkellmu u nipprotestaw. Lil min fl-istituzzjonijiet tagħna se jkun qed jaqdi dmiru b’lealtà lejn il-poplu u lejn il-ġurament li ħa aħna fid-dmir li nappoġġjawh u niddefenduh.
Ma jistax ikollna demokrazija jekk ma jkollniex ġustizzja. Għalhekk nistennew li l-Kummissarju tal-Pulizija Gafà u l-Assistent Kummissarju Mamo jqumu fuq tagħhom u qabel jagħlqu sentejn fil-kariga jibdew jagħtu ftit riżultati.
Ma jistax ikun li jibqa’ ma jitressaq ħadd fuq il-korruzzjoni li twettqet taħt u bil-barka ta’ Joseph Muscat. Ma jistax ikun li jibqa’ ma jitressaq ħadd fuq il-korruzzjoni li kaġun tagħna nqatlet Daphne Caruana Galizia. Ma jistax ikun li nibqgħu ma nisrux nafu l-verità kollha dwar dan l-assassinju. Ma jistax ikun li l-familja ta’ Daphne, li pajjiżna, jibqgħu mingħajr ġustizzja.
Iridu jeqirdu lil min jiġġieled il-ħażin
Laqatni ħafna l-kliem li kitbet Maria Borg Vella (mart l-editur tat-Torċa Victor Vella) f’Jum il-Ħelsien. “Ma jistax ikollna ħelsien sħiħ jekk ngħixu f'pajjiż fejn t-tfal ta politiċi, ġurnalisti jew attivisti jkunu ppersegwitati. Saħansitra l-ġenituri jigu mgħajra b'uliedhom biex naqtghulhom qalbhom ħalli jisktu”, kitbet Maria.
Għandha raġun biex tbigħ.
Li qed tħoss Maria nħossuh aħna lkoll kull darba li nagħżlu li nibqgħu naħdmu għall-kawża tagħna. Huwa fatt li hemm min għamilha l-missjoni tiegħu li jeqred lil kull min f’pajjiżna jirrappreżenta l-ġlieda għas-sewwa. Fuq livell personali, matul dawn l-aħħar xhur, għext bosta attakki li wħud minnhom spiċċaw irrappurtati lill-pulizija u dwarhom tressqu persuni l-Qorti. F’kull każ fejn diġà wasalna għal sentenza, dawk irrappurtati nstabu ħatja mill-Qorti u ngħataw piena. Dan l-aħħar żvelajt ukoll li saħansitra uffiċjal għoli tal-pulizija pprova jirrikattani u heddidni bis-sigurtà tal-familja tiegħi.
M’hemmx dubju li dawn l-attakki jagħmlu l-għażla li nkomplu għaddejjin iktar diffiċli. Dawn l-attakki huma intenzjonati biex l-għażla li għamilna bħala grupp tiddgħajjef u bil-mod il-mod tispiċċa.
Mill-elezzjoni ’l hawn dawk li jridu jeqirdu l-kawża tagħna qed ixerrdu b’iktar saħħa l-idea li min jiġġieled għas-sewwa għandu jitqies bħala għadu. Jien u nikteb, is-social media hija miżgħuda bi propaganda li tgħid li aħna li qed niġġieldu għas-sewwa nagħmlu l-ħsara, intellfu mill-popolarità, u li kull min imiss magħna huwa kkundannat li jitlef.
Innutaw li din il-propoganda hija eżattament l-oppost ta’ dak li qal il-Papa Franġisku f’pajjiżna.
Din l-idea qarrieqa u ħażina jeħtieġ nesponuha, niqfulha u niġġildulha b’saħħitna kollha. M’għandix dubju li l-iskop ta’ min qed imexxi dawn il-ħsibijiet huwa li jeqred lil kull min f’pajjiżna jesponi l-ħażin u jiġġieled għas-sewwa. M’għandix dubju li din il-kampanja hija parti minn pjan imfassal minn nies li jridu jipproteġu interessi ħżiena u oskuri.
Nhar is-Sibt agħżel li tkun il-Belt
Għalhekk, nhar is-Sibt inħeġġek tagħżel li tkun magħna l-Belt Valletta għat-tfakkira tal-54 xahar mill- mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Peress illi se jaħbat Sibt il-Għid se nkunu qed niltaqgħu ftit qabel is-soltu: fis-6pm.
Inħeġġek tagħmel din l-għażla għax biex naslu għandna bżonnok. Biex naslu għandna bżonn il-preżenza fiżika tiegħek kull meta nsejħulek. Biex naslu għandna bżonn nibqgħu nittamaw u għandna bżonn inżommu għaddejja b’saħħitha l-ħidma tagħna.
L-għażla f’idejk.