Michael Falzon | Il-Kreazzjoni ta’ stat soċjali

Jikteb dwar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.

L-1956 kienet waħda mill-iżjed snin drammatiċi ta’ matul is-seklu għoxrin.  

Il-mexxej Sovjetiku, Nikita Khrushchev, issorprendixxa lid-delegati waqt il-kungress tal-Partit Komunista f’Moska bid-denunzja tiegħu ta’ Josef Stalin għall-atroċitajiet li huwa kien wettaq, flimkien mal-iżbalji kemm fil-politika u kemm fl-istrateġija tiegħu. Aktar tard matul is-sena, l-istess Khrushchev skjera lit-truppi Sovjetiċi sabiex irażżan rewwixta popolari kontra r-reġim Komunista fl-Ungerija, filwaqt li fil-Karibew, Fidel Castro beda r-revoluzzjoni tiegħu f’Kuba. 

Fil-Mediterran tal-Lvant, l-Eġittu okkupat il-Kanal Suez fejn b’riżultat t’hekk ir-Renju Unit, flimkien ma’ Franza, spiċċat involuta f’kampanja militari ta’ mingħajr ebda suċċess sabiex tipprova terġa’ tikseb lura il-kontroll tiegħu. Bħala kolonja Britannika, Malta kienet inevitabbilment maqbuda fin-nofs ta’ dak li sar magħruf bħala l-Kriżi ta’ Suez, fejn hija serviet l-irwol ta’ bażi strateġika għall-forzi tal-invażuri, kif ukoll, aktar tard, bħala ċentru ta’ kenn għall-persuni evakwati Ingliżi li kienu ġejjin mill-Eġittu.

Fir-rigward tal-livell politiku, kmieni fl-1956 l-elettorat Malti kien ġie mitlub jivvota f’referendum, sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni konklużiva dwar jekk Malta għandhiex tiġi integrata mar-Renju Unit.

Min-naħa tal-qasam soċjali, l-1956 immarkat b’mod notevoli it-tqegħid tal-fondazzjoni tal-istat soċjali ta’ Malta, permezz tal-ħolqien tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali u l-promulgazzjoni konkorrenti ta’ żewġ abbozzi soċjali ewlenin – li dawn kienu l-Att tal-Assistenza Nazzjonali u l-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali.  

B’riżultat t’hekk, persuni vulnerabbli kienu saru eliġibbli għall-assistenza ta’ natura soċjali u medika. Dawk il-persuni li huma bla xogħol, flimkien ma’ dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jiksbu impjieg minħabba kwistjoni ta’ mard, ilkoll ingħataw għajnuna soċjali; filwaqt li persuni li huma morda kronikament saru intitolati għall assistenza medika, irrispettivament mill-ammont ta’ riżorsi finanzjarji li jkollha l-familja nnifisha.

L-Att tal-Assistenza Nazzjonali kompla pprovda wkoll kura istituzzjonali b’xejn għall-anzjani, flimkien ma’ servizzi relatati mal-isptar u trattamenti diversi, offruti kemm f’istituzzjonijiet u kemm fi sptarijiet immexxija mill-iStat. Apparti minn hekk, il-benefiċjarji tal-assistenza soċjali bdew jikkwalifikaw ukoll għal konċessjoni għall-kera, f’każ li l-post ta’ residenza tagħhom ikun qed jiġi mikri.

L-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali, min-naħa l-oħra, introduċa skema tal-assigurazzjoni soċjali iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa b’mod obbligatorju mill-impjegati, minn min iħaddem u l-iStat stess. L-iskema minnha nnifisha kienet tinkludi firxa wiesgħa ta’ benefiċċji kontributorji, sussidji u pensjonijiet, minbarra kontinġenzi oħrajn li jkopru mard, kif ukoll korriment jew mard fuq il-post tax-xogħol stess, flimkien ma’ sitwazzjonijiet ta’ qgħad, irmulija u anke xjuħija.

Huwa għalhekk tabilħaqq li l-1956 kienet sena li mmarkat punt ta’ bidla konsiderevoli, fejn il-ġustizzja soċjali f’Malta ma’ baqgħetx iżjed ta’ natura narrattiva biss, iżda pprovdiet b’mod tanġibbli lill-familji, lill-ħaddiema u lill-anzjani stess, permezz tad-disponibbilta’ ta’ sorsi t’appoġġ u tal-forniment t’għodda adegwati sabiex tgħinhom ibiddlu ħajjithom għall-aħjar.

Amministrazzjonijiet suċċessivi ħadu f’idejhom it-tmexxija matul is-snin, sabiex ikunu jistgħu jibnu fuq dan l-istess pedament permezz ta’ miżuri leġislattivi u inizjattivi, bil-għan li tinħoloq xibka ta’ sigurta’ ta’ natura estensiva li tkun tista’ tissalvagwardja lill-popolazzjoni Maltija milli tiġi nieqsa, kif ukoll li ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja nnifisha.  

B’mod partikolari matul l-aħħar disa’ snin, Gvern Laburista kien mingħajr ebda waqfien fl-isforzi tiegħu, kemm sabiex jiżdiedu l-pensjonijiet b’mod ġenerali u kif ukoll sabiex jitjiebu l-istandards tal-għajxien tal-persuni anzjani b’mod ġenerali permezz ta’ miżuri oħrajn. 

Illum il-ġurnata, il-popolazzjoni tal-pensjonanti tinnumera madwar l-100,000 persuna. Dawn ilkoll qegħdin jirċievu il-pensjonijiet kontributorji tal-irtirar, tar-romol u tal-invalidita’, jew alternattivament il-pensjoni tal-eta’ mhux kontributorja.  Bejniethom, is-sena li għaddiet, huma rċevew ukoll somma rekord ta’ €836 miljun f’total ta’ pensjonijiet, fejn apparti minn hekk, dawn kienu intitolati wkoll għal sussidji jew għotjiet skond l-eta’ u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom rispettivament. Bħala spiża ta’ natura indipendenti, l-abbozz tal-pensjoni ammonta għal tliet kwarti tan-nefqa globali marbuta mal-qasam tas-sigurta’ soċjali għas-sena sħiħa. 

Familji bi tfal taħt l-eta’ ta’ 16-il sena ilhom jirċievu l-allowances tat-tfal sa mill-1974. Dawn ir-rati tal-allowance komplew jiġu mtejba matul is-snin, u mill-2021 ‘il quddiem dawn komplew jiġu miżjuda bil-pagament ta’ supplimenti annwali, sabiex ikunu jistgħu ikomplu jagħtu spinta lid-dħul tal-familji. Minbarra dan, diversi forom ta’ benefiċċji ġodda bħall-għotja f’każ ta’ twelid, flimkien m’għotjiet għall-adozzjoni, ġew introdotti; filwaqt li pagamenti lil ġenituri li jwettqu foster care flimkien ma’ ġenituri ta’ tfal b’diżabilita’, kienu lkoll ġew aġġornati sew matul l-aħħar ftit tas-snin.

Il-ħidma permezz ta’ sahra, flimkien mal-estensjoni tan-network soċjali sabiex ikun jista’ jkopri għadd konsiderevoli ta’ problemi ta’ natura, spiċċa rawwem b’mod għal kollox mhux intenzjonat id-dipendenza fuq il-benefiċċji, filwaqt li ġie kkreat ukoll effett qawwi ta’ diżinċentivar sabiex dak jew dik li tkun ifittex jew tfittex impjieġ, li minnu nnifsu rriżulta f’nassa tal-istess benefiċċji. Sabiex tkun tista’ tiġi kontrobilanċjata din is-sitwazzjoni, inizjattivi ta’ natura attiva relatati mas-suq tax-xogħol ilhom jittieħdu sa mill-2014, fejn dawn kienu immirati sabiex ikunu jistgħu jinfatmu persuni li jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ inattivita’ jew li jkunu sfaw dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, filwaqt li jipprovduhom b’aktar sigurta’ meta jirnexxielhom jakkwistaw xogħol. Dan il-pakkett t’għajnuniet soċjali kien magħmul mill-Benefiċċju ta’ Waqt l-Impjieg, it-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji soċjali, kura tat-tfal b’xejn għal ġenituri li jaħdmu, jew li jedukaw, flimkien mad-disponibbilta’ tal-kura għal tfal fl-eta’ tal-iskola primarja kemm qabel u kemm wara l-ħinijiet tal-iskola stess.

Imsaħħin minn klima ekonomika u industrijali ta’ natura pożittiva, dawn il-miżuri wrew biċ-ċar li huma fundamentali sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet tal-impjieġi, titnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji għall-aktar livell baxx li qatt ġie rreġistrat filwaqt li jiġi ffaċilitat id-dħul, kif ukoll f’ċertu kazijiet id-dħul mill-ġdid, tan-nisa fis-suq tax-xogħol innifsu. Minbarra t-tisħiħ tal-benesseri tal-benefiċjarji diretti u l-familji tagħhom, dawn il-miżuri komplew jikkontribwixxu wkoll lejn it-tnaqqis fir-rati tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali.

Armat bl-approvazzjoni elettorali qawwija tal-manifest tal-Gvern, dan il-ministeru jerġa jikkonferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu sabiex ikompli bl-ispinta ‘il quddiem bil-għan li jkompli jagħti iżjed appoġġ finanzjarju permezz tal-ġustiżżja soċjali, billi jimplimenta matul il-ħames snin li ġejjin id-diversi miżuri u inizjattivi ġodda li kienu ġew imwiegħda fil-manifest innifsu. Manifest li jġawdi l-approvazzjoni tal-akbar maġġoranza elettorali li qatt ra dan il-pajjiż, mill-Indipendenza tiegħu fl-1964 sal-ġurnata tal-lum rispettivament.

 

Dan huwa wieħed minn serje ta’ artikli bil-għan ta’ kommemorazzjoni tax-Xahar tal-Ġustizzja Soċjali lkoll organizzati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

 

More in Politika