Editorjal | L-arroganza tan-negozjanti l-kbar u dgħufija tal-Gvern
Għandha bżonn inkabbru l-movimenti ambjentali biex verament inwaqqfu dan l-istupru...Hemm bżonn ikun hemm nies fil-partiti politiċi li jitkellmu dwar dan id-defiċit altruwista fil-mexxejja politiċi, b’mod speċjali dawk li jippriedkaw twemmin soċjal demokratiku
Id-deċiżjoni tal-kumpanija ta’ Melo Hili biex jagħlaq il-bajja ta’ San Niklaw f’Kemmuna u jagħlaq passaġġi f’Kemmuna għall-kumplament tas-sajf huwa sinjal ċar li dan il-pajjiż u dan il-Gvern għandhom opinjoni fjakka ta’ x’għandu bżonn fil-pajjiż.
Apparti li dan ikompli jikkonferma li jekk inti kumpanija kbira u għandek il-flus tista’ mhux biss tagħmel triq fil-baħar imma ġġib lill-Gvern paljazza tiegħek.
Robert Abela bħala Prim Ministru ma jistax jinħeba wara l-argumenti legalistiċi. Irid jaċċerta li l-kosta tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku. Melo Hili u oħrajn bħalu, jemmnu li għax għandhom il-flus u jdawwru lira għandhom id-dritt li jinjuraw id-dritt fundamentali biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jimxu fil-libertà f’pajjiżhom.
Imnalla hawn gruppi bħal Graffiti li jitkellmu u jiftħu ħalqhom għaż-żgħir, nies li għandhom altruwiżmu kbir u kapaċi jaraw ċar id-dgħufija politika ta’ Robert Abela u Bernard Grech.
Ikun interessanti wkoll naraw kif ċerti sezzjonijiet mill-istampa se jibqgħu siekta quddiem l-ardir tal-kumpaniji ta’ Melo Hili.
Huwa minnu li Kemmuna ħafna drabi sservi ta’ mandra għal min ma għandux sens ċiviku imma dan ma jiġġustifikax il-fatt li nbaxxu rasna għal aktar disprezz għad-dritt taċ-ċittadin li jimraħ fil-kampanji u fl-ispazji miftuħa tal-pajjiż.
L-aqwa li dejjem bil-manifesti u l-programmi elettorali u l-islogans sbieħ. Meta niġu għas-si u n-no, dan il-pajjiż jixraqlu azzjonijiet favur l-interess pubbliku u mhux kontra.
***
U biex iktar nifhmu kemm qegħdin ħażin l-affarijiet, applikazzjoni biex jestendu l-Excelsior Hotel, ġiet approvata wara li saru tibdiliet żgħar biex taparsi ma jiġux mgħottija s-swar.
F’1969, erbgħin sena ilu, Din l-Art Ħelwa kienet tkellmet kontra l-Excelsior. Ma ġara xejn, imma almenu tkellmet. Illum biex tisma’ leħinhom trid tispera li xi ħadd jirbaħ il-lotterija.
Tlifna l-boxxla. Ma nafux x’inhu importanti, jew kemm hu importanti l-wirt kulturali u storiku tagħna.
Għal darb’oħra kull deċizjoni hija xprunta mir-rebgħa għall-flus. Tassew kultura Latina fejn kollox huma marbut fuq l-individwu u kemm jista’ jerda l-individwu.
Għandha bżonn inkabbru l-movimenti ambjentali biex verament inwaqqfu dan l-istupru.
Hemm bżonn ikun hemm nies fil-partiti politiċi li jitkellmu dwar dan id-defiċit altruwista fil-mexxejja politiċi, b’mod speċjali dawk li jippriedkaw twemmin soċjal demokratiku.