Edwin Vassallo | Ma tistax tkun Demokristjan u tivvota kif trid
'Kull meta il-PN ipprova jsir liberali bħall-PL u spiċċa ma jingħarafx mill-PL, il-PN xorta waħda tilef bil-kbir għaliex bejn żewġ partiti liberali l-votant liberali xorta waħda jibqa’ jagħżel lill-PL. Il-PN kull darba li jipprova jsir kopja tal-PL dejjem xorta waħda jispiċċa kopja ta’ xi ħaġa li huwa xi ħaddieħor. Il-PN jirbaħ jekk jibqa’ ġenwin ma’ dak li hu u mhux ma’ dak li jista’ jkun'
Kien hemm min għaliex jien dejjem stqarrejt li jien nisrani fil-politika, dwari kiteb li jien inbati bil-mentalità tas-sittinjiet.
Kien hemm min kiteb li jien "antikwat" u li jien "dinosawru". Kien hemm oħrajn li kitbu li jien kont ta’ xkiel biex il-PN jimmodernizza.
Però imbagħad kien hemm min kiteb li l-PN jeħtieġ jibqa’ partit Demokristjan.
Min kiteb hekk ma jafx li biex il-PN jibqa’ partit Demokristjan fl-istess waqt ma jistax ikun partit li jgħid "Iva" għal kollox.
Li tkun Politiku Demokristjan ifisser li int tkun politiku li għandek twemmin partikolari. Ifisser li int għandek valuri umani li huma valuri Nsara li meta tieħu deċiżjoni biex tiddeċiedi jekk liġi hijiet ġusta jew le, dik id-deċiżjoni teħodha skont x’inhu sewwa, skont il-valuri u mhux skont finalment x’se jrebbħek il-voti.
Li tkun populista jfisser li bħala politiku int tieħu d-deċiżjoni skont x’inhu sewwa f'dak li huwa rebħ ta' voti u ma jkunx jimpurtak xejn aktar. Mentri li tkun Demokristjan ifisser li tieħu d-deċiżjoni tiegħek skont x'inhu sewwa abbażi ta' x’inhu sewwa skont il-valuri umani u mhux akkost ta' kollox.
X’jiġi l-ewwel il-valur jew ir-rebħ ta' voti?
Hemm min jirraġuna li jekk trid tkun fil-Gvern, finalment voti trid u bla rebħ ta’ voti ma tista’ qatt tkun fil-Gvern.
Jien mhux l-ewwel darba li kont f'diskussjonjiet fejn f'wiċċi kien hemm min qalli "jekk trid nirbħu insa l-valuri."
Però kull meta il-PN ipprova jsir liberali bħall-PL u spiċċa ma jingħarafx mill-PL, il-PN xorta waħda tilef bil-kbir għaliex bejn żewġ partiti liberali l-votant liberali xorta waħda jibqa’ jagħżel lill-PL. Il-PN kull darba li jipprova jsir kopja tal-PL dejjem xorta waħda jispiċċa kopja ta’ xi ħaġa li huwa xi ħaddieħor. Il-PN jirbaħ jekk jibqa’ ġenwin ma’ dak li hu u mhux ma’ dak li jista’ jkun.
Il-PL bil-liberaliżmu kollu tiegħu, jista’ jgħid li huwa partit politiku li jirbaħ l-elezzjonijiet iżda bħala poplu nafu li issa għandna mas-60,000 votant li lanqas ħarġu jivvotaw. Kellna mal-eluf oħra li ħassru l-vot. Dawn il-votanti mhumiex komdi jivvutaw għal dik li tista’ tissejjaħ politika moderna. Il-moderniżmu politiku għandu prezzu.
Il-PL ma jistax ikun jimpurtah minn dawk li ma vvutawlux għaliex ma jridux dan il-moderniżmu. Il-PL lest jarmi dawn il-votanti li spiċċaw bla fiduċja fiż-żewġ partiti l-kbar għaliex għalih l-aqwa li jirbaħ.
Mill-banda l-oħra, il-PN ma jistax jiġi jaqa’ u jqum minn dawn il-votani għaliex ma għandux voti x’jitlef iżda l-fatti jibqgħu dawk li huma. Jekk il-PN jagħżel it-triq liberali u jinsa min hu tassew u din l-għażla jagħmilha l-PN bl-iskuża li jibqa’ ħaj, jispiċċa jmut u jitlef aktar voti.
Din it-triq diġà kienu ppruvawha! Mhux l-ewwel darba li l-PN ipprova jimxi din it-triq.