Carmel Cacopardo | Minn Dubaj sa Singapore
'Dwar ir-reklamazzjoni tal-art nistgħu nimxu ‘l quddiem biss jekk ikollna konsultazzjoni pubblika li tkun waħda li issir bis-serjetà. S’issa, bil-Labour fil-Gvern l-iżviluppaturi biss kienu kkonsultati. Il-konsultazzjoni saret ma dawk li qed ifittxu kif jistgħu jaqilgħu kemxa malajr. Dawk tar-raba’ sular, jiġifieri! '
Meta kien qed jaqra l-programm tal-Gvern il-ġdid, il-ġimgħa li għaddiet, il-President tar-Republika, fl-ewwel seduta tal-Parlament il-ġdid, huwa enfasizza li l-ambjent, għall-Gvern, hu ta’ importanza ċentrali. Huwa u jaqra d-diskors imħejji mill-Gvern, l-Eċċellenza Tiegħu kien ċar huwa u jitkellem dwar diversi materji ta’ importanza ambjentali kbira.
Sfortunatament, iżda, Dr Vella ma kienx f’pożizzjoni li jispjega kif il-Gvern għandu l-ħsieb li jindirizza l-kontradizzjonijiet kontinwi (li nħolqu mill-Gvern stess) waqt li qed issir il-bidla ta’ enfasi minn waħda iffukata fuq l-infrastruttura għal waħda li tħares l-ambjent.
Il-politika ambjentali tal-lasktu li l-Gvern qiegħed imexxi l-quddiem tkopri mill-flyovers san-newtralità tal-karbonju li fl-istess ħin ser tkun dipendenti fuq żewġ interconnectors li jixorbu l-enerġija mis-suq Sqalli tal-enerġija.
Gvernijiet Laburisti, fis-snin li għaddew fittxew li jittrasformaw lill-Malta f’Dubai oħra, jiġifieri art ta’ bini għoli u b’reklamazzjoni estensiva ta’ art mill-baħar. Dan l-eżerċizzju li ppruvaw iwettqu l-Gvernijiet immexxija minn Muscat issa jidher li se jagħmel il-wisgħa għal mudell ta’ Singapore, kif qiegħed jenfasizza l-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia. Din hi l-politika ta’ kontinwità li mid-dehra, l-Eċċellenza Tiegħu ma ġiex infurmat biżżejjed dwarha.
Il-Ministri tal-lum, bla dubju ser jippruvaw jagħtu riżultati aħjar milli taw ta’ qabilhom. Billi ma baqax wisq art x’jirrovinaw issa dawru ħarsithom lejn il-baħar fejn jistgħu u se jippruvaw iwettqu ħerba bla qies. Dwar dan kollu ma kien hemm xejn fid-diskors mit-tron li nqara mill-Eċċellenza Tiegħu.
Permezz ta’ studji preliminari li saru fil-passat kienu identifikati xi żoni fl-ibħra Maltin fejn ir-reklamazzjoni tal-art mill-baħar setgħet tkun ikkunsidrata. Dan dejjem soġġett għal iktar studji iffukati li jeħtieġ li jsiru. Iż-żoni kostali identifikati u li ġew eżaminati huma dawk bejn il-Magħtab u Baħar iċ-Ċagħaq u bejn ix-Xgħajra u Marsaskala.
Dawn huma ż-żoni kostali li jeħtieġ li jkunu mgħassa u protetti.
Il-mistoqsija bażika li nistaqsu u dwarha neħtiegu risposta qabel ma jibda proċess tal-ippjanar biex nirriklamaw l-art mill-baħar hi: din l-art mill-baħar x’nambuha? Fil-passat f’Malta ħloqna l-art mill-baħar biex inbena l-Port Ħieles u biex inħarsu l-kosta fl-Imsida, il-Gżira u bnadi oħra.
Jekk jitfaċċa xi użu li jkun ta’ ħtieġa għall-pajjiż, bla ebda dubju dan għandu jkun meqjus bir-reqqa.
L-Olanda għamlet użu mir-reklamazzjoni tal-art b’suċċess biex tipproteġi u tkun tista’ tuża aħjar meded kbar ta’ art mhux wisq ‘il fuq mil-livell tal-baħar. Min-naħa l-oħra Hong Kong użat ir-reklamazzjoni tal-art biex ħolqot l-ispazju meħtieġ għal airport fuq il-gżira Chek Lak Kok. Min-naħa l-oħra permezz tar-reklamazzjoni tal-art, is-Singapore espanda port għall-kontejners, pedina essenzjali għall-ekonomija tal-pajjiż.
Dwar ir-reklamazzjoni tal-art nistgħu nimxu ‘l quddiem biss jekk ikollna konsultazzjoni pubblika li tkun waħda li issir bis-serjetà. S’issa, bil-Labour fil-Gvern l-iżviluppaturi biss kienu kkonsultati. Il-konsultazzjoni saret ma dawk li qed ifittxu kif jistgħu jaqilgħu kemxa malajr. Dawk tar-raba’ sular, jiġifieri!
Jekk il-Gvern irid jimxi sewwa dwar ir-reklamazzjoni tal-art għandu immedjatament jippubblika lista tal-proġetti proposti u li diġà jaf bihom. Din il-lista għandha tkun akkumpanjata minn abbozz ta’ strateġija nazzjonali dwar ir-reklamazzjoni tal-art. Bil-karti kollha fuq il-mejda, imbagħad tkun tista’ ssir konsultazzjoni pubblika bis-serjetà.
Konsultazzjoni li m’għandhiex issir mal-lobby tal-ispekulaturi, għax dik diġà kellha l-opportuniuta li tinstema’ sewwa! Il-konsultazzjoni għandha ssir mal-għaqdiet ambjentali u mal-komunitajiet kostali, primarjament dawk affettwati mill-istrateġija u l-proġetti proposti.
Wara li għidt dan kollu, irrid nenfasizza li r-reklamazzjoni tal-art m’għandhiex tkun prijorità. Il-prijorità għandha tkun ir-ristrutturar tal-industrija tal-kostruzzjoni: speċifikament li din tonqos fid-daqs u li tibda tagħti ftit kontribut pożittiv.
Il-pajjiż ikun ħafna aħjar ekonomikament, ambjentalment u soċjalment jekk l-industrija tal-kostruzzjoni tkun mgħejjuna biex tirristruttura ruħha. Trid bla dubju tnaqqas in-nies li jistgħu jkunu assorbiti f’oqsma oħra tal-ekonomija u dan wara li jkun hemm it-taħriġ meħtieġ.
Wara snin ta’ ippjanar tal-użu tal-art bl-addoċċ, reklamazzjoni tal-art jonqosna!