Editorjal | Partit rassenjat
Li tiknes kull min kien fil-PN sal-2013 (disa' snin ilu biss) 'l barra mhux is-soluzzjoni, għax qed toħloq biss aktar antagoniżmu u dwejjaq, f'partit diġà rassenjat. Li titfagħhom fuq wara, mhux quddiem, u li tagħtihom rwoli aktar fil-ħsieb u fl-għajnuna lill-ġodda kellha tkun is-soluzzjoni
Fi tmiem il-ġimgħa li ġej il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista se jagħmlu għażla, li fil-verità mhix xi għażla diffiċli għax hemm persuna waħda li sempliċiment qed titlob konferma. L-istess persuna li mexxiet kampanja elettorali, l-istess persuna li telgħet minflok Kap li tneħħa fost ħafna aspettativi ta' titjib elettorali u minflok ġarrab l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza. U l-PN jista' joqgħod iġib l-iskużi kollha immaġinabbli: Iċ-ċekkijiet, l-egoiżmu, il-power of incumbency jew inkella l-fatt li l-Partit Laburista naqqas madwar 8,000 vot meta mqabbel mal-2017 (ħallieha li hu tilef 12,000 vot!), għax jibqa' fatt u fatt li ma jista' jinnegah ħadd li wara leġiżlatura mqallba, assassinju ta' ġurnalista, kriżi politika, riżenja ta' Prim Ministru u biex tgħaxxaq l-agħar kriżi ekonomika u ta' saħħa mit-Tieni Gwerra Dinjija, dak id-distakk kellu jonqos mhux jiżdied!
Huwa f'din ir-realtà - iva kiefra għall-PN - li dan il-partit irid jagħmel l-għażliet tiegħu għall-futur. Jekk se jagħżel ir-riċetta tal-iskużi u ċ-ċaħda tal-fatti, jekk se jagħżel li jwaħħal f'kulħadd ħlief fih u jekk se jagħżel li jibqa' jaħseb illi d-dnubiet ta' ħaddieħor se jagħtuh il-poter fl-2027 - wara 14-il sena fl-oppożizzjoni - sejjer mqarraq u mqarraq bil-kbir.
Bernard Grech ma weriex xi wisq umiltà fit-telfa. Lanqas imqar ta ċans biex jara il-partit iridux jibqa' jew le, u frisk minn telfa ta' kważi 40,000 vot mill-ewwel wera' l-intenzjoni li jibqa' jmexxi u qatel kull ċans għal bidla. Dan ifisser illi lilhinn mill-bużżieqa ristretta ta' ftit nies l-attivist nazzjonalista huwa rassenjat.
U ma hemm xejn aktar u agħar mir-rassenjament. L-aktar importanti huwa li jkollok attivist entużjast għax l-entużjażmu jagħti t-tama, ifisser aktar flus għall-partit għax in-nies jinvestu fih, ifisser aktar volontarjat u allura jfisser partit li jilħaq aktar nies, li qed jifhem aktar nies u li qed jibni immaġini ħafna aktar b'saħħitha. Pero' anke attivisti rrabjati, huma aħjar minn rassenjati - għax ir-rabja tfisser li l-votant ta' dak il-partit għadu konċernat biżżejjed bil-partit u t-twemmin li jħaddan li lest jiġġieled għalih u jiġġieled biex ikun aħjar.
Ir-rassenjament huwa l-aħħar tarġa, qabel it-tmiem. Għax bniedem rassenjat iħoss li jagħmel x'jagħmel ma jista' jbiddel xejn. Li jivvota kif jivvota, kollox se jibqa' kif inhu. Għax jemmen li l-partit li tant iħobb ma jista' qatt jerġa jieħu r-ruħ.
Għalhekk l-vot tal-Kunsilliera fi ftit jiem oħra u r-riżultat mhu telfa jew rebħa għal ħadd. Għax l-akbar battalja ta' Bernard Grech se tkun kif se joħroġ lill-PN propju minn dan is-sens ta' rassenjament. Propju minn dan is-sens ta' qtigħ il-qalb. U jekk mhux qed jinduna b'dan il-qtigħ il-qalb u rassenjament, forsi għax erba' madwaru qed jgħidulu li "kollox sew", mela diġà għandu ħafna x'jagħmel hu stess qabel biss ikompli bid-dmirijiet politiċi u kostituzzjonali tiegħu.
Jiġifieri issa lanqas biss għadna qed nitkellmu fuq jekk il-PN għandux ċans inaqqas mid-distakk ta' 40,000 vot ħames snin oħra, issa qed nitkellmu dwar l-aktar ħaġa bażika: Il-ħeġġa u d-determinazzjoni fost l-għeruq.
Bernard Grech se jkun kapaċi jagħmel dan? Bernard Grech se jinjetta enerġija li tant u tant il-PN għandu bżonn? Jew se jibqa' jaħseb li tilef kif tilef għax il-poplu tant hu mixtri u injorant, li jinxtara b'ċekk?
L-aħħar ġimgħat ma tantx awguraw tajjeb, b'diversi akkużi u allegazzjonijiet serji, inkluż dik tal-eks Deputat Jason Azzopardi dwar flus lil Bernard Grech u maħfra Presidenzjali. Issa wieħed jista' jsib ħafna nuqqasijiet f'Azzopardi u wieħed jista' jgħid illi ma jaqbilx mal-mod kif ġieli tkellem, kif forsi jimplika nies mingħajr ma jagħti provi instantanji u wieħed jifhem ukoll ir-rabja kbira ta' ħafna nazzjonalisti għal mod kif tratta u kien fuq quddiem biex jitneħħa Adrian Delia. Imma Azzopardi kien ukoll l-akbar xewka għall-Partit Laburista u l-aktar Deputat li tkellem fuq kwistjonijiet ta' governaza ħażina, apparti li kien il-persuna wara ġabra ta' abbozzi għat-titjib leġiżlattiv u protezzjoni tal-ġurnalisti. U allura nistaqsu: Fl-interess eżatt ta' min huwa li min hu xewka għall-Gvern u min idejjaq tant lill-avversarju tiegħek jitpoġġa f'kantuniera, ħalqu magħluq? Fl-interess tal-PN?
Joseph Muscat - għax minkejja li ma jammettix, il-PN ħa xi spunt jew tnejn f'dak li jidħol strateġija politika mingħandu - ma kien rema' lil ħadd meta kien elett mexxej. Anzi fl-ewwel diskors tiegħu sellem lil nies li kienu ilhom fil-partit minn żmien Mintoff: Alex Sciberras Trigona u Maria Camilleri, fost oħrajn. Żamm l-antiki u ħadem biex kiseb il-fiduċja tal-ġodda u ta' dawk li qatt ma kienu jimmaġinaw li jivvotaw Labour.
Li tiknes kull min kien fil-PN sal-2013 (disa' snin ilu biss) 'l barra mhux is-soluzzjoni, għax qed toħloq biss aktar antagoniżmu u dwejjaq, f'partit diġà rassenjat. Li titfagħhom fuq wara, mhux quddiem, u li tagħtihom rwoli aktar fil-ħsieb u fl-għajnuna lill-ġodda kellha tkun is-soluzzjoni. Jieħdu back seat, pero' li jkun ċentrali għall-ħidma tal-front bench. Ħadd mhu għar-rimi, speċjalment dawk li l-avversarju tiegħek qed iħeġġek tarmihom!
Pero' issa nħarsu lejn il-futur. J'Alla l-PN isib verament saqajh u verament jibda jqajjem l-entużjażmu fost in-nies tiegħu stess.
Forsi minn dan ir-rassenjament assolut, joħroġ xi Bernard Grech li ma rajniex fl-aħħar sena u nofs. Għax kif jgħidu, it-tama l-aħħar li tmut!