Ivan Castillo | Nixtieqlek is-Saħħa għażiż ħaddiem
X’qed jistenna l-Gvern? Li jmutu iktar ħaddiema? Li jkorru iżjed eluf? Liema u x’inhu eżattament il-pjan? Jrid jkun hemm wieħed. Kemm hu lest li jinvesti l-Gvern fl-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol? Kemm verament, dan il-Gvern jieħu s-saħħa tal-ħaddiema tagħna b’mod serju?
B’sinċerita’ inħoss li l-argument tas-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna fis-seklu 21 għadu ma jittiħidx bis-serjeta’ biżżejjed. Biss, biss jekk inħarsu biss lejn l-ammont ta’ inċidenti li qed iseħħu kważi ta’ kull ġimgħa fejn ħaddiema li joħorġu għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom ma jirritornawx lura d-dar jew jirritornaw b’xi mankament serju, malajr nirrejalizzaw li x’imkien, xi ħadd qed jonqos b’mod serju.
U jien inħares lejn ħaddiema. Ma nħarisx lejn nazzjonalita’. Kull ħaddiem li qed jikkontribwixxi sabiex tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna jixraqlu kull protezzjoni. U dan fid-dawl li fix-xahar ta’ Mejju kellna żewġ imwiet oħra fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna.
L-istatistika maħruġa għas-sena 2021 turi li disa' ħaddiema mietu fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Disa’ ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dan juri żieda ta’ tnejn fuq is-sena 2020. Apparti mill-imwiet, matul is-sena li għaddiet żdiedu wkoll l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol bit-total ilaħħaq 2,328 ħaddiem imweġġa’. Il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti kienu fis-settur tal-manifattura u tal-kostruzzjoni. 30% ta’ dawn l-inċidenti seħħew f’azjendi li jħaddmu 500 impjegat jew iktar.
Huwa fatt magħruf ukoll li mhux il-ħaddiema kollha tal-kostruzzjoni huma reġistrati u għalhekk, l-inċidenti jistgħu jkunu ferm iktar minn dawk irraportati. U apparti dan hemm numru ta’ inċidenti li ma ġewx irrappurtati, inċidenti li m’għandniex idea li ġraw. Kif nistgħu qatt nifhmu kompletament kemm hi serja s-sitwazzjoni meta għad għandna ħaddiema li qed jiġu impjegati minn fuq roundabout minflok permezz ta’ Jobsplus.
Ta’ min isemmi wkoll li l-istatistika ma tiħux in konsiderazzjoni dawk li jissejħu Platform Workers bħal per eżempju dawk li jqassmu l-ikel bil-muturi u li f’pajjiżna hawn numru sostanzjali minnhom. Settur li fih ukoll qed naraw numru sostanzjali ta’ inċidenti kif ukoll imwiet. Jeħtieġ li minnufih dan is-settur ikun regolarizzat. Ma jistax ikun li settur li jinvolvi fih mijiet ta’ ħaddiema jiġi injorat mill-awtoritajiet u nħallu ħaddiema jaħdmu f’kundizzjoniijiet li jistgħu jkunu detriment għal saħħithom u ħajjithom. Risk assesments jridu jsir wkoll għal dan is-settur. Pero' qabel kollox kull ħaddiem jeħtieġ li jkun jafu l-obbligi u d-drittijiet tiegħu, fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà
Skont ir-rapport annawali tal-OHSA, l-ammont ta’ ħaddiema fi ħdanha kien ta’ 35 li 16 minnhom kienu fl-amministrazzjoni filwaqt li jissemma l-pjan li kien tħejja fl-2020 li kien jinkludi ż-żieda ta’ 43 ħaddiem ieħor, iżda li jidher li s’issa għadu ma daħalx fis-seħħ. Dan it-tkaxkir tas-saqajn, ħa nsejħulu hekk, juri kuntrast mal-ammont kbir ta’ impjegati li l-Gvern daħħal jaħdmu miegħu f’dawn l-aħħar disa’ snin. Iva possibbli li mill-10,000 impjegat ġdid, il-Gvern ma sabx jalloka l-fondi u l-ħaddiema neċessarji għal ma’ din l-istess Awtorita’?
X’qed jistenna l-Gvern? Li jmutu iktar ħaddiema? Li jkorru iżjed eluf? Liema u x’inhu eżattament il-pjan? Jrid jkun hemm wieħed. Kemm hu lest li jinvesti l-Gvern fl-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol? Kemm verament, dan il-Gvern jieħu s-saħħa tal-ħaddiema tagħna b’mod serju?
Inħoss li l-OHSA bħala awtorita’ għandha taġixxi minnufih u jekk hemm bżonn issib tekniċi u professjonisti mis-settur privat li jipprattikaw f’dan is-settur sabiex minnufih jibdew jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li għandna f’diversi postijiet tax-xogħol. Hemm 60,000 'near miss' fis-sena li jridu jiġu vvalutati, biex tiżgura li ma jerġgħux iseħħu! U sabiex inkunu nistgħu nieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex niżguraw li ma jerġgħux iseħħu.
Mhux biżżejjed li l-OHSA toħroġ linji gwida għall-ħaddiema barranin. Jeħtieġ li numru ta’ korsijiet ikunu obligatorji qabel ħaddiem jidħol f’industrija partikolari. Ma jistax ikun li ħaddiem barrani ma jkunx jaf kelma bil-Malti jew bl-Ingliż. In-nuqqas ta’ ftehim fil-lingwa jista’ jkun fattur ewlieni li jwassal għat-traġedji.
Inħoss ukoll li l-OHSA jeħtieġ li jkollha programm stabbilit li jeduka lil min iħaddem, u lil dawk kollha li huma responsabbli minn numru ta’ ħaddiema. Huwa imperattiv, li kull min hu responsabbli ikun jaf x’inhuma l-obbligi lejn il-ħaddiema tiegħu. Ma' dawn irid ukoll ikun hemm edukazzjoni għall-ħaddiema sabiex dawn ikunu jafu b’mod ċar x’inhuma r-responsabiltajiet u d-doveri tagħhom.
Għalhekk l-importanza tal-iSkills Card f’kull qasam tal-impiegi f’pajjiżna. Ma jistax ikun li s-settur tal-kostruzzjoni ma jkunx jeħtieġ li l-ħaddiema li jidħlu fih ma jkollhomx skill card. Din kellha tkun l-ewwel ħaġa li għamilna! Irridu nassiguraw li kull ħaddiem f’dan is-settur ikollu skill card u jkun għadda minn taħriġ bażiku tas-saħħa u s-sigurtà relatat mas-settur. Din hija xi ħaġa li l-partijiet interessati kollha jridu jaqblu dwarha! Imbuttati mill-gvern, aktar milli jiġi injorati
Inħoss li fejn għandhom x’jaqsmu s-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema tagħna għad fadal ħafna xi jsir. Inħoss li waqajna lura numru ta’ snin u li rridu li minnufih ngħaddu minn dak li niktbu fir-rapporti tagħna u nwettqu r-rakkomandazzjonijiet li saru tul dan l-aħħar snin wara kull inċident fatali li kellna.
Ma jistax ikun nibqgħu nitilfu iktar ħajjiet.