Jerome Caruana Cilia | Is-settur tas-servizzi finanzjarji: sfidi u opportunitajiet
“Aħna qegħdin nerġgħu noħorġu l-id tal-ħbiberija lill-Gvern u nisħqu illi flimkien biss nistgħu ngħelbu l-isfidi li ġejjin”
Fl-artiklu tal-lum se niffoka dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji. Wieħed mill-iktar setturi importanti fl-ekonomija ta' pajjiżna. Settur dinamiku li sa mis-snin disgħin, kien mutur ewlieni biex rajna lil dan in-nazzjon jikber u jimrah.
Insellem lil dawk kollha li ħadmu qatigħ biex bħala pajjiż kbirna f'dan il-qasam u llum nistgħu ngħidu li aħna ewlenin fost bosta pajjiżi, uħud minnhom kompetituri diretti tagħna, f'dan is-settur. Insellem kemm lill-politiċi u anke lil ħafna ħaddiema, akkademiċi u professjonisti fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Negozjanti, ħaddiema u professjonisti li ħadmu flimkien biex jagħmlu lill-pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza.
Flimkien affrontaw numru ta’ sfidi bħad-dot com bubble u l-effetti tagħha, il-kriżi finanzjarja fl-Iżlanda li kellha numru ta’ riperkussjonijiet u fuq kollox il-kriżi finanzjarja mondjali tal-2008. Waħda mill-agħar kriżijiet finanzjarji fid-dinja li ħalliet impatt negattiv fis-swieq għal perjodu twil, apparti l-fatt li rajna l-qgħad jiżdied u inċertezza liema bħalha f’diversi pajjiżi, inkluż pajjiżi ġirien tagħna. Minkejja dan kollu u sfidi oħra, matul is-snin, pajjiżna kompla miexi ‘l quddiem b’għaqal, u kompla jkabbar u jsaħħaħ dan is-settur.
Matul dawn l-aħħar snin, pajjiżna kellu jaffronta sfida kbira. Sfida li għadha magħna sal-ġurnata tal-lum. L-isfida tal-greylisting.
Hija ħasra kbira għaliex qatt ma kellna nispiċċaw greylisted. Pajjiżna qatt ma kellu jitpoġġa fuq din il-lista. Isem Malta qatt ma kellu jitpoġġa fuq l-istess lista ma’ pajjiżi bħal Barbados, il-Burkina Faso, il-Myanmar, il-Panama, is-Sirja u l-Yemen fost pajjiżi oħrajn.
Dan hu mument kruċjali għal pajjiżna. F’dan iż-żmien, post-pandemic, pajjiżna kellu jkun mingħajr xkiel biex jattira investment ġdid fis-settur tas-servizzi finanzjarji. F’mument fejn kompetituri tagħna qed jaħdmu kemm jifilħu biex jattiraw u jirbħu negozju ġdid, pajjiżna kellu jkun qed jikkompeti magħhom, mingħajr it-tebgħa tal-greylisting.
L-operaturi u l-professjonisti fil-privat qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex inaddfu isem Malta u jsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Gvern irid jagħmel il-parti tiegħu u jagħmilha sew. Jeħtieġ li noħorġu mill-greylist tal-FATF, il-Financial Action Task Force, illum qabel għada. Rajna titjib imma għad fadal xi jsir. Il-Gvern għandu jibda billi jimplimenta mingħajr dewmien żejjed ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp GRECO.
Opportunità li nkomplu nsaħħu l-qasam tas-servizzi finanzjarji
Dan hu settur dinamiku illi matul l-aħħar snin kompla jurina kemm hu reżiljenti. Kull min jaħdem f’dan is-settur jista’ jara mill-qrib numru ta’ xejriet. Filfatt analiżi dettaljata tal-kumpanija internazzjonali Oliver Wyman, li kienet ippubblikata riċentament, turina kif matul l-aħħar żmien rajna ‘a tectonic shift’ fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Il-qasam tas-servizzi finanzjarji wera kemm hu wieħed b'saħħtu u reżiljenti. L-analiżi ta' Oliver Wyman taċċenna għal tlett avvenimenti li ħallew impatt kbir: il-pandemija COVID-19, il-Gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tat-tibdil fil-klima.
Fost oħrajn, fil-pandemija COVID-19, is-sistema finanzjarja dinjija kellha rwol kruċjali bħala shock absorber fl-ekonomija. B'mod ġenerali rajna kif kumpaniji fis-settur tas-servizzi finanzjarji rnexxielhom jirkupraw iktar malajr milli wieħed kien qed jistenna.
Sfidi u soluzzjonijiet
Tisma’ l-practitioners jitkellmu dwar sfidi oħrajn, fosthom, dik dwar numru ta’ demands tal-awtoritajiet konċernati li saru resource-hungry, on-site inspection visits kontinwi u mhux koordinati. Nifhem li hemm ċirkostanzi fejn ikun hemm bżonn ta’ numru ta’ inspections fl-istess ħin, imma dawn huma l-eċċezzjoni u mhux in-norma. Għaldaqstant nappella għal aktar koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konċernati.
Barraminnhekk, sfida oħra hi n-nuqqas ta’ riżorsi umani f’diversi setturi bħal accountants. Hemm wisq burokrazija biex nattiraw professjonisti ġodda barranin f’dawn il-qasam u għaldaqstant nappella lill-awtoritajiet, partikolarment Identity Malta biex jaraw li l-burokrazija żejda titnaqqas.
Ngħaddi suġġeriment li kemm practitioners fil-privat u anke dawk li jaħdmu f’awtoritajiet governattivi jgawdu minnu: li jinħoloq a central repository u li hemmhekk, bil-permess sħiħ tal-indvidwu u li tkun konformi mal-GDPR, titpoġġa informazzjoni speċifika. B’dan il-mod tkun tista’ ssir data sharing u tonqos il-burokrazija. Dan ir-repository jista’ per eżempju jitħaddem tramite l-blockchain. Nappella lill-Gvern biex jieħu on board din ir-rakkommandazzjoni.
Nappella lill-Gvern biex ikun umli u intelliġenti biżżejjed biex jikkonsulta mal-esperti fis-settur. Bħala l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi qed niltaqa’ ma’ bosta stakeholders ewlenin u nista’ ngħid li hawn ħafna persuni, Maltin u barranin, b’ħafna ideat, ħafna suġġerimenti u esperjenza f’dan is-settur, u li jridu jagħtu kontribut. Nappella lill-Gvern biex dawn jingħataw widen.
Qed ngħixu fi żmien ta’ inċertezzi
L-inċertezzi ekonomiċi monjdali bil-possibilità ta' stagflation hu inkwetanti immens għal kull minn jipprattika f’dan is-settur, għal kull akkademiku u partikolarment għal politiku. Għalhekk aħna qegħdin nerġgħu noħorġu l-id tal-ħbiberija lill-Gvern u nisħqu illi flimkien biss nistgħu ngħelbu l-isfidi li ġejjin u li wħud minnhom, bħal dik tal-għoli tal-ħajja, diġà qed jinħassu sew.
Ejja naħdmu flimkien, ħalli l-ewwel u qabel kollox, naraw li nsaħħu l-operat tal-kumpaniji li diġà qegħdin f’pajjiżna u naraw li nġibu xogħol ta’ kwalità b’valur miżjud. B’hekk ikun qed igawdi kulħadd, partikolarment il-ħaddiema, il-professjonisti u n-negozjanti Maltin.