Editorjal | Inkjesta dwar il-mewt ta' Loujin!
Jekk il-mewt ta' persuna, tifla ta' erba' snin, ma ċaqilqitx l-ilmijiet u l-kuxjenza Maltija u lanqas Ewropea mela allura dan huwa l-akbar ċertifikat mhux biss tal-indifferenza u l-ipokrezija grassa tal-moralisti, imma wkoll tal-falliment grottesk u assolut tal-UE kollha - inkluż ta' Malta - li taqbad il-barri minn qrunu u ssib l-aħjar soluzzjoni għall-immigrazzjoni lejn l-Ewropa
Dan l-editorjal jixtieq jingħaqad mal-Kunsill Malti għar-Refuġjati u permezz ta' dan l-ispazju jitlob lill-Gvern sabiex mill-aktar fis possibbli jiftaħ inkjesta indipendenti u imparzjali li titratta l-mewt ta' tifla ta' erba' snin. Tifla li mietet bil-għatx fuq dgħajsa bl-immigranti li ngħatat l-għajnuna meta kien tard wisq. Din l-inkjesta għandha tiddetermina, meta eżatt saret it-talba għall-għajnuna u jekk kienx hemm rispons immedjat għal din it-talba u jekk le għaliex dan ma ġarax. Imma mhux hekk biss, għandha tistabbilixxi min kien responsabbli biex jara li din it-talba tintlaqa' u għaliex - jekk huwa kif qed ikun allegat - intlaqgħet tard, tard biżżejjed biex laħqet mietet tifla ta' erba' snin.
L-inkjesta għandha tiddetermina jekk id-deċiżjoni kinitx ta' individwu jew inkella waħda kollettiva, jekk kinitx frott ineffiċjenza jew inkella jekk kinitx frott politika mhux uffiċjali li l-bnedmin jitħallew fuq il-baħar, anke jekk il-konsegwenza tkun il-mewt ċerta.
Infakkru li huwa reat punibbli bil-liġi meta inti tieħu deċiżjoni li permezz tagħha, konxjament jew le, twassal għal mewt ta' persuna. U din għandha tgħodd għal kulħadd, lilhinn minn kwistjonijiet u argumenti - uħud minnhom iva ġustifikati - dwar spazju f'pajjiżna, legalità u solidarjetà bejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk qed nitkellmu dwar il-ħajja. U hija ironika fl-estrem, li pajjiż illi fih meta ssemmi l-kelma "abort" iqumu l-irwiefen kollha u jibda t-twerżiq u l-għajjat tal-aħħar tad-dinja mill-akbar moralisti li għandna, huwa l-istess pajjiż li bilkemm iċċaqlaq hekk kif tifla ta' erba' snin tilfet ħajjitha bil-għatx, fl-ibħra li tagħhom il-Gvern Malti huwa responsabbli.
Dan ifisser li dan l-editorjal jemmen li kulħadd għandu jaqbad u jidħol pajjiżna, qisu xejn mhu xejn? Le. Dan ifisser li għandna naċċettaw li Malta tieħu immigranti, ħafna iktar milli l-ispazju tagħha stess jiflaħ? Le. Dan ifisser li min huwa rregolari għandna sempliċiment ngħalqu għajnejna għalih, taparsi ma rajnihx? Le.
Li qed jgħid dan l-editorjal huwa illi hemm responsabilità x'tinġarr kull meta persuna li tkun taħt il-kustodja jew responsabilità ta' Stat, għax tkun fit-territorju tiegħu, titlef ħajjitha b'allegat negliġenza tal-istess Stat. ma jistax ikun, tmut persuna hekk u qisu ma ġara xejn! F'dan il-pajjiż li tant jgħid li jħobb il-ħajja, li tmut tifla ta' erba' snin fl-ibħra tagħna bil-għatx, qisu xejn mhu xejn? Jew aħna favur il-ħajja à là carte?
Li qed jgħid dan l-editorjal ukoll huwa li l-politiċi, xebgħu iparlaw fil-vojt u ma jaslux għal soluzzjonijiet. Dejjem narawhom sejrin xi Summit tal-Unjoni Ewropea, jieħdu xi family photo u ħafna ppuppar tas-sider imma meta niġu għad-dunque fuq l-immigrazzjoni bqajna fejn konna. Milli għidna ma hemm xejn, kulħadd jagħmel fattieh u kulħadd jipprova ifarfar lid-dgħajjes bil-bnedmin fuqhom għand ħaddieħor.
Din id-darba lanqas dak it-teatrin ta' ħafna inkwiet falz u ħafna wegħdi li se jagħmlu xi ħaġa ma rajna, għax milli jidher anke l-Gvern Malti qata' qalbu li qatt din is-sitwazzjoni se tkun indirizzata. U allura noqgħodu nilgħabu bil-ħin u naqtgħu qalb l-immigranti - u fil-proċess ġieli jintilfu l-ħajjiet - biex dak li ma jistax isir uffiċjalment, isir b'mod mhux uffiċjalment.
U fejn hi l-gwerra kontra t-traffikar u t-traffikanti? Fejn hi l-ħidma mal-Libja sabiex min qed jittraffika lin-nies jintefa' l-ħabs?
Issa forsi jagħmlu xi Summit ieħor u nitfgħu xi biljun ewro lejn il-problema u taparsi solveniha l-isfida.
Jekk il-mewt ta' persuna, tifla ta' erba' snin, ma ċaqilqitx l-ilmijiet u l-kuxjenza Maltija u lanqas ewropea mela allura dan huwa l-akbar ċertifikat mhux biss tal-indifferenza u l-ipokrezija grassa tal-moralisti, imma wkoll tal-falliment grottesk u assolut tal-UE kollha - inkluż ta' Malta - li taqbad il-barri minn qrunu u ssib l-aħjar soluzzjoni għall-immigrazzjoni lejn l-ewropa.
Sadanittant iżda, dan kollu ma jneħħi xejn mill-bżonn li jkun aċċertat x'ġara u ma ġarax biex tifla ta' erba' snin mietet. U dan ukoll ma jneħħi xejn mir-responsabilità li għandha tintrefa' jekk jinstab li l-mewt ta Loujin kienet ikkawżata mill-azzjoni jew inazzjoni, apposta jew le, ta' persuna, persuni jew entitajiet.
Kieku kienet bintek, ma kont tistenna xejn inqas!