Carmel Borg | Il-muta, il-ġerarkiji u l-biża' mill-kreattiv: Meta l-edukazzjoni titradixxi lid-demokrazija
L-edukazzjoni li tibża' tistaqsi ddominata minn edukaturi li ma jitħallewx jistaqsu, f'ambjent politiku ddominat mill-fehema li l-kritika hija attakk. Il-Professur Carmel Borg, janalizza...
Dan l-aħħar għaddejt kumment dwar l-istqarrija tal-Junior College li fiha ssemmew żgħażagħ li jkollhom jieqfu mill-istudju biex jaħdmu. Urejt tħassib doppju. l-ewwel tħassib tiegħi kien fuq in-nuqqas ta’ evidemza dwar kemm hi kbira r-realtà taż-żgħażagħ li jkollhom joħorġu jaħdmu biex jgħinu lill-familja fil-bżonnijiet materjali tagħha; evidenza li wieħed jistenna meta ssir stqarrija daqstant importanti, li tkun qed tħabbar deċiżjoni mibnija fuq ir-realtà msemmija.
It-tieni tħassib tiegħi kien dwar il-fatt innifsu; żgħażagħ sfurzati li joħorġu jaħdmu għax familthom qiegħda tgħix fil-prekarjat. Kont qiegħed nitkellem fuq suġġett marbut intimament mal-ġustizzja soċjali, meta dawk li rħewlha bilġri lejn il-midja soċjali biex jikkummentaw dwar dak li għidt, tkellmu dwar suġġett xebbieħi iżda li mhuwiex l-istess bħal dak li tkellimt dwaru. Filfatt, ħafna minn dawk li kkummentaw dwar dak li kelli xi ngħid skantaw kif il-professur irid iżomm liż-żgħażagħ f’bozza, bogħod mix-xogħol li jsawwarhom f’irġiel u nisa (anke jekk sfruttati). Kumment ieħor li f’ħafna interventi segwa l-ewwel wieħed huwa dwar kemm il-professuri huma maqtugħin mir-realtà, anke jekk ħafna professuri, jien inkluż, huma missirijiet u ommijiet ta’ tfal li ħadmu meta kienu studenti, mhux għax kellhom bżonn iżda biex jinfatmu parzjalment minn djul ommhom.
Tnaffart, iżda ma skantajtx li filwaqt li l-kummenti tiegħi kienu jiffukaw fuq ‘in-naħal’, ħafna kummentaturi għoġobhom jitkellmu dwar ‘id-dubbien’; it-tnejn insetti (ix-xebħ), iżda żgur li l-qarrejja maturi japprezzaw id-differenzi bejn iż-żewġ membri tar-renju bhimesk. Għax altru qegħdin nitkellmu dwar żgħażagħ li jaħdmu biex igawdu, ikollhom x’jixtru u fejn isiefru, xejn ħażin, u altru nitkellmu dwar żgħażagħ li jkollhom jaħdmu u jwaqqfu l-istudju ħesrem biex ipoġġu l-ħobża ta’ kuljum fuq il-mejda tal-familja prekarja, is-suġġett tal-kummenti tiegħi b’reazzjoni għall-istqarrija u l-għamar tal-Junior College.
Il-faqar fil-ħiliet bażiċi...
Dan l-episodju, imtenni għal diversi drabi kuljum, fejn int titkellem dwar il-vit u n-nies jwieġbu dwar l-iskorfina, huwa eku tal-kritika li ssir mill-eżaminaturi lokali u barranin dwar il-faqar ta’ ħiliet bażiċi ta’ ħafna mill-istudenti tagħna; ħiliet li huma kruċjali għad-demokrazija. Rapporti tal-eżaminaturi ta’ suġġetti u livelli differenti bi skritt wieħed ta’ qtiegħ il-qalb għal kull min jixtieq li almenu d-demokrazija tagħna tgħaddi mill-infanzja għat-tfulija, qabel ma tibda t-triq tal-maturità.
Kif qatt jista jkun li t-tfal jibnu l-profil kritiku tagħhom meta dawk li jgħallmuhom jitqiesu perikolużi jekk jerfgħu rashom? U kif nistgħu inkebbsu d-dawl demokratiku meta f’moħħ dawk li jsawru l-politika u jilleġislaw għad hemm l-idea li l-kritika hija attakk...? Profs. Carmel Borg
Għax għadna lura ferm biex noqogħdu għall-eżami tal-maturità fid-demokrazija, għandna parodija demokratika li taċċetta li sena wara l-oħra numru kbir ta’ studenti jitqiesu defiċjenti: fil-qari preċiż ta’ test; fil-fehem iddettaljat ta’ dak li qiegħed jinqara jew jintqal; fl-analiżi kritika tat-test; fl-għarfien ta’ dak li hu fatt jew falz; u fl-espressjoni preċiża u ċara tal-ħsibijiet, b’ilsien li jixhed vokabularju għani li jservi it-taħdit f’kuntesti differenti. Studenti defiċjenti f’dawk il-ħiliet li huma meqjusa internazzjonalment bħala ħiliet indispensabbli fil-binja ta’ ċittadinanza attiva, f’demokrazija fejn in-nies mrawma fil-kultura demokratika huma tassew ħielsa u protagonisti f’ilħiq il-milja demokratika.
Il-ġerarkija u l-kultura tas-silenzju
Filwaqt li l-għajta fid-deżert ta’ ħafna eżaminaturi dwar ħiliet dgħajfa saret wisq prevedibbli, irid jingħad li d-defiċit edukattiv marbut mad-demokrazija jmur ‘l hinn mill-ambjent tal-klassi. Ħafna mill-kuntesti Maltin, dawk l-ekoloġiji soċjali li jsawru lill-poplu, mit-twelid sal-mewt, għadhom wisq dipendenti fuq mudell ġerarkiku fejn jidħlu r-relazzjonijiet umani; mudell li donnu dejjem irid ifakkrek li hemm xi ħadd fuqek li hu aktar b’saħħtu minnek, li tiegħu hija l-aħħar kelma, li kollox irid jgħaddi minn taħt idejh, li dejjem irid jinżamm infurmat, u li għajb għalik jekk taqbżu. Mhux hekk biss, jista’ jagħmillek il-ħsara jekk ma żżommx postok u b’xi mod ifettillek terfa’ rasek, tgħid xi kelma żejda u tidher li qiegħed tisfida jew bi żball turi xi ambizzjoni li trid tilħaq minfloku. Il-messaġġ ewlieni li jibagħtu dawn l-ambjenti oppressivi huwa messaġġ ta’ twissija perpetwa - l-aħjar mod kif ir-rota personali u professjonali tiegħek tibqa’ ddur huwa billi żżomm ħalqek magħluq, u fejn tara stħajjel li ma rajtx u fejn tisma’ qisek ma smajtx.
Eluf ta’ nies f’pajjiżna jgħixu f’din il-kultura ta’ silenzju, mibnija fuq relazzjonijiet soċjali vertikali, li meta twaħħadha man-nuqqas ta’ ħiliet fid-demokrazija, tibda tifhem għaliex dak li minn barra jitqies bħala kwiet mixtieq, indifferenza, nuqqas ta’ ħeġġa, tkarkir tas-saqajn, aljenazzjoni u injoranza, filfatt huwa tiġrib strutturali ta’ sistema li tħallik żerriegħa li titnawwar qabel ma tnibbet.
B’reazzjoni għal din l-oppressjoni mifruxa, Il-vjolenza verbali, l-iżvugar anonimu, it-tgergir mingħajr analiżi, il-ħdura tal-midja soċjali huma fost is-sintomi ovvji ta’ infanzja demokratika li ma tafx kif se tesprimi ruħha.
Id-demokrazija u s-servizz pubbliku
F’artiklu riċenti li ktibt għar-rivista tas-servizz pubbliku (l-IPS Journal), ikkummentajt dwar l-urġenza li s-servizz jiddemokratizza r-relazzjonijiet soċjali interni billi jkattar il-kultura parteċipatorja f’kull qasam tal-operat tiegħu. Ħadt l-ambjent li naf sew, is-settur edukattiv, bħala eżempju ċar ta’ ambjent li jħallik tfal fil-ħiliet demokratiċi. Sistema ta’ kontroll maħsuba biex tissorvelja u żżomm lil kulħadd f’postu, fejn biex tgħid kelma fil-pubbliku jew tikteb dwar is-sistema, trid permess kontra permess, jekk mhux ukoll l-iskritt ta’ dak li tkun se tgħid; u fejn trid tqis kull kelma li se tgħid fil-pubbliku dwar l-iskola jew is-sistema edukattiva.
Stejjer inkwetanti ta’ professjonisti li ċċanfru għax stiednu nies li għenu lill-ġemgħa ta’ għalliema li nġabret fl-iskola tirrifletti b’mod kritiku dwar kif numru kbir ta’ tfal qed jiġu misruqa mid-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità, u stejjer ta’ amministraturi f’karigi għoljin li twarrbu għax ma kinux lesti li joqogħdu għal kollox. Dawn l-istejjer ta’ legat kolonjali li ma rridux ninfatmu minnu, jipperswaduni li m’aħniex interessati li nikbru demokratikament.
U nistaqsi: kif nistgħu qatt nippretendu li fl-iskejjel ikollna ambjenti li jsawru lit-tfal f’ċittadini demokratici meta dawk li qegħdin isawru huma magħdudin ta’ tfal qalb l-adulti mexxejja? Kif qatt jista’ jkollna tiswir demokratiku fl-iskejjel meta l-għalliema huma mistennija jiġru bil- virtù tal-ubbidjenza u bil-vot tas-silenzju fil-but? Kif qatt jista jkun li t-tfal jibnu l-profil kritiku tagħhom meta dawk li jgħallmuhom jitqiesu perikolużi jekk jerfgħu rashom? U kif nistgħu inkebbsu d-dawl demokratiku meta f’moħħ dawk li jsawru l-politika u jilleġislaw għad hemm l-idea li l-kritika hija attakk, li l-azzjoni diretta huwa att fanatiku u estrem, li dawk li jinsistu f’isem is-sewwa huma fundamentalisti, u dawk li joffru analiżi profonda tas-sitwazzjoni, li ħafna drabi ġġib fix-xejn il-propoganda, huma magħdudin ta’ kritiċi tal-magħqad?
L-ambjent demokratiku u l-att edukattiv
Għalkemm it-tagħrif jibqa’ ċentrali f’kull att edukattiv, l-ambjent demokratiku mhuwiex ossessjonat bl-akkumulazzjoni tal-għerf u bl-idea li aktar ma tiddepożita (tagħrif) fil-bank edukattiv aktar jaqbillek. Spazju edukattiv ġenwinament demokratiku huwa: spazju li jlaqqa’, li jħeġġeg il-kollaborazzjoni u l-ħidma għalenija; spazju kreattiv, eretiku, sovverżiv, ma jiddejjaqx mill-isfida, il-mistoqsija, id-dubju, il-kuntrarju, il-kritika nfurmata; spazju li jħeġġeġ l-osservazzjoni, il-konfront mad-dinja, ir-riflessjoni kontinwa, il-kurżità perpetwa, u l-interess f’dak kollu li qed jiġri madwarna; spazju li jibqa’ qrib il-komunità, tant li l-iskola (jew spazju edukattiv ieħor) issir il-komunità; spazju li jfittex l-evidenza qabel ma jikkonkludi, li jiddistingwi l-fatt mill-impressjoni, li jipposponi l-ġudizzju, u japprezza l-importanza tat-tiftix; spazju li japprezza l-importanza tal-kelma, il-kontenut politiku tagħha u l-użu preċiż tagħha; spazju li mhux biss jittollera iżda li jafferma d-diversità f’kull aspett tagħha; spazju li jistma, jirrispetta, jivvalorizza, japprezza, u jisma’ lil kulħadd; spazju li jħalli l-ħin għar-riflessjoni aktar milli jżommok okkupat il-ħin kollu; spazju li japprezza li filwaqt li kulħadd għandu irwol x’jaqdi, u l-għalliema jibqgħu għalliema, fl-azzjoni edukattiva kulħadd huwa għalliem u student.
Ir-rapporti tal-eżaminaturi u t-tiġrib ta’ kuljum juruna li huwa ferm aktar faċli li tiksi lill-pajjiż bil-bini milli tibni spazji bi proċess edukativ ħelliesi u dinjituż. F’dan il-mument storiku prekarju li qed ngħixu fih, moralment marradi u demokratikament defiċjenti, l-edukazzjoni għandha tkun taħt il-lenti kontinwa tal-pajjiż, jekk ma rriduhiex tkompli titradixxi d-demokrazija.