Carmel Cacopardo | L-iżvilupp esaġerat qed jiekol l-ispazji miftuħa
'Iż-żoni urbani ġew sfruttati minn awtoritiajiet li jiddeskrivu lihom infushom bħala business-friendly jew market-friendly u li rnexxilhom jipproduċu l-mandra urbana li aħna kostretti li ngħixu fiha'
Il-problemi li l-iżvilupp esaġerat madwarna qed jikkawża kontinwament hu konsegwenza diretta tal-Pjani Lokali li kienu fil-parti l-kbira tagħħom approvati fl-2006. L-ezerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni tal-2006, li permezz tiegħu, madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art li kienet ODZ ingħatat għall-iżvilupp, kompliet titfa' l-melħ fuq il-ferita.
L-aħħar eżempju ta’ dan hi l-applikazzjoni għall-iżvilupp f’Santa Luċija fuq medda art, id-daqs ta' 1,273 metru kwadru. Sal-lum din l-art hi spazju miftuħ fil-lokalità ta’ Santa Luċija.
Il-mibki Perit Joseph M. Spiteri, li fl-aħħar nofs tas-snin 50 kien responsabbli biex fassal id-diżinn li welled lil-lokalità ta’ Santa Luċija qagħad attent ħafna huwa u jippjana għall-ħtiġijiet ta’ din il-komunità l-ġdida. Kif jemfasizza ibnu, Dr Stephen C. Spiteri, fil-pubblikazzjoni dwar ix-xogħolijiet tiegħu, intitolat Joseph M. Spiteri: A Maltese Architect and his work, meta Spiteri kien qed iħejji l-pjanti għal Santa Luċija kellu f’moħħu li l-komunità tkun imdawra b’ħafna spazji miftuħa mimlijin siġar. L-ideat ta’ Joe Spiteri, bla ebda dubju, kienu influwenzati minn dak li kien għaddej fil-qasam tad-djar u tat-tfassil taż-żoni residenzjali fir-Renju Unit f’dak iż-żmien. Spiteri fid-diżinn tiegħu jemfasizza z-zoni pedonali, is-segregazzjoni tal-karozzi u ħafna spazju miftuħ. Ideat li l-moviment ambjentali għadu jinsisti dwarhom sal-lum fil-mixja lejn żvilupp sostenibbli.
L-ideat li mexxa l-quddiem il-Perit Joseph Spiteri permezz tax-xogħol tiegħu f’Santa Luċija, fejn għamel użu minn ħafna spazju miftuħ madwar il-bini residenzjali huwa kontribut sostanzjali għal titjib fil-kwalità tal-ħajja permezz tad-diżinn ta’ żoni residenzjali. Sfortunatament fis-snin ta’ wara, dawn l-idejat kienu kollha abbandunati fid-diżinn tal-parti l-kbira taż-żoni residenzjali. Minflok tawna żvilupp intensiv tal-art immirat biex jimmassimizza l-profitti fl-oqsma kollha tal-industrija tal-kostruzzjoni. Sar tpartit bejn il-kwalità tal-ħajja tagħna u kont tal-bank imsemmen għall-iżviluppaturi u dawk li jindukrawhom!
Sfortunatament ġiet abbandunata l-mira ta’ ħolqien ta’ ambjent li jwassalna fejn nistgħu ngħixu b’mod sostenibbli: paċi mal-ġara tagħna, umani u naturali.
Il-Perit Joe Spiteri u l-kollegi tiegħu f’dak li kien id-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi investew l-enerġija kollha tagħhom biex mix-xejn jibnu sistema għall-ippjanar tal-użu tal-art f’nofs is-snin 60. Bl-għajnuna ta’ konsulenti mill-Ġnus Magħquda kienet imfassla liġi avvanzata dwar l-ippjanar tal-użu tal-art li ġiet approvata mill-Parlament lejn l-aħħar tas-snin 60 imma li ġiet eventwalment abbandunata minn dawk li kellhom l-obbligu li jimplimentawha.
Dawn huma l-għeruq tat-taħwid kollu li għandna llum fl-ippjanar għall-użu tal-art. L-isforzi li għamlu numru ta’ professjonisti dedikati tul is-snin kien imminat b’mod studjat.
Il-proġett propost f’Santa Luċija permezz tal-applikazzjoni tal-ippjanar PA5152/22 għandna narawh f’dan il-kuntest. Hu proġett li jiekol l-art li fid-diżinn oriġinali ta’ Santa Luċija kellu jkun spazju miftuħ. Spazju miftuħ, mhiex art moħlija imma hi parti mill-pulmun essenzjali biex il-komunità lokali tista’ tieħu n-nifs. Mingħajr spazju miftuħ il-komunità hi imċaħħda minn element essenzjali mill-infrastruttura li hi meħtieġa għal kull lokalità.
Il-Ministeru għall-Ambjent preżentment jitkellem ħafna dwar il-ħtieġa ta’ spazji miftuħa. Imma din ir-retorika ma ġietx imsarrfa f’azzjoni konreta biex l-Awtorità tal-Ippjanar tieqaf milli tibqa’ tinkoraġixxi l-iżvilupp bla rażan tal-ispazji miftuħa u tikkonvertihom f’magni tal-flus.
Waħda mill-ikbar lezzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19 kienet l-impatt fuq is-saħħa mentali ta’ bosta fiż-żoni urbani tagħna li kienu kostretti li jibqgħu msakkrin ġewwa. In-nuqqas ta’ spazji miftuħa fil-lokalitajiet tagħna ma kienx ta’ għajnuna f’dan ir-rigward.
Iż-żoni urbani tagħna għal ħafna snin ġew abbandunati u tħallew jiżviluppaw għal riħhom. Riżultat ta’ hekk ġew sfruttati minn awtoritiajiet li jiddeskrivu lihom infushom bħala business-friendly jew market-friendly u li rnexxilhom jipproduċu l-mandra urbana li aħna kostretti li ngħixu fiha. Dan hu ħtija ta’ deċiżjonijiet politiċi li għamlu minn kollox biex jassiguraw li l-profitti jkunu prijorità, u li dawn jiġu qabel in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
L-applikazzjoni ta’ żvilupp f’Santa Luċija bir-referenza PA5152/22 hi l-aħħar eżempju ta’ dan kollu. Il-ħolqien ta’ spazju għal għixien sostenibbli għal darba oħra ġie sagrifikat fuq l-altar dedikat lill-flus.