Carmel Cacopardo | Turiżmu: Riflessjoni dwar ir-rapport ta’ Deloitte
Hi sfortuna li l-Awtorità tal-Ippjanar prattikament ħalliet kollox kważi jimxi waħdu. Għamlitha iktar faċli billi naqqset ir-regolamentazzjoni tas-settur tat-turiżmu. Fil-fatt, Tony Zahra, President tal-MHRA, kien ikkwotat li qal li, flok Awtorità tal-Ippjanar għandna Awtorità tal-Permessi. Għax ma hemmx ippjanar. Għal darba, Zahra għandu raġun
L-assoċjazzjoni tal-lukandi f’Malta (MHRA) għadha kif ippubblikat rapport intitolat Carrying Capacity Study for Tourism in the Maltese Islands. Dan ir-rapport tħejja mill-konsulenti Deloitte u kien iffinanzjat permezz ta’ fondi Ewropej.
Il-medja, fi spunt li ħadet minn dan ir-rapport tkellmet dwar l-akkomodazzjoni turistika, inkluż dwar dik li għad triq tinbena imma li hi ppjanata diġà, u f’numru ta’ każi diġà bil-permessi meħtieġa. Tul il-ħames snin li ġejjin, jgħidilna r-rapport, hemm riskju kbir li se jkun hemm ħafna iktar sodod turistiċi fis-suq milli jista’ jkun hemm domanda għalihom.
Fir-rapporti tal-medja ġie enfasizzat li riżultat ta’ dan ikun meħtieġ madwar 5 miljun turist fis-sena biex ikun assigurat li jkun hemm użu adegwat tas-sodod turistiċi li se jkun hawn. Bla ebda dubju dan hu impossibli li jintlaħaq. Il-pajjiż ma jiflaħx għal dawn in-numri!
Dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar adegwat fl-użu tal-art. Hi sfortuna li l-Awtorità tal-Ippjanar prattikament ħalliet kollox kważi jimxi waħdu. Għamlitha iktar faċli billi naqqset ir-regolamentazzjoni tas-settur tat-turiżmu. Fil-fatt, Tony Zahra, President tal-MHRA, kien ikkwotat li qal li, flok Awtorità tal-Ippjanar għandna Awtorità tal-Permessi. Għax ma hemmx ippjanar. Għal darba, Zahra għandu raġun.
Sfortunatament, din l-attitudni tal-Awtorità tal-Ippjanar mhijiex limitata għas-settur turistku: hi waħda mifruxa u applikata għal kull tip ta’ żvilupp. Hi attitudni li ikkontribwiet għad-dehra ħażina riżultat ta’ żvilupp żejjed u intensiv li r-rapport Deloitte jiddeskrivi bħal ambjent urban medjokri li għandu impatt indiskriminat kemm fuq ir-resident kif ukoll fuq it-turist!
Punt interessanti li joħroġ mir-rapport Deloitte hu li s-settur turistiku m’għadux jiġbed daqstant Maltin bl-impiegi li joffri. Fil-fatt, filwaqt li fl-2009, 82 fil-mija ta’ dawk impjegati fit-turiżmu kienu Maltin, fl-2019 dan il-persentaġġ niżel għal 40.6 fil-mija. Tnaqqis drastiku ta’ iktar min-nofs! Ir-rapport Deloitte ma jagħtix wisq spjegazzjoni dwar dan. Imma nafu li pagi relattivament baxxi, u d-dipendenza tas-settur fuq impjiegi staġjonali u/jew part-time huma parti mhux żgħira mill-kawża ta’ dan kollu. Li dan ikun indirizzat iwassal inevitabilment għal settur turistiku iżgħar u per konsegwenza il-problema ikkawżata minn żvilupp żejjed u esaġerat tikber! Ir-rapport ta’ Deloitte jagħlaq għajnejh għal dan kollu.
Il-kwalità tal-prodott turistiku huwa affettwat ħafna mill-ambjent urban fqir li għandna madwarna. Dan qed jeħżien bil-minuti. Huwa affettwat ukoll mit-traffiku esaġerat kullimkien li qiegħed dejjem jiżdied. Dan flimkien man-nuqqas ta’ ndafa pubblika. Deloitte jikkummentaw ukoll dwar in-nuqqas ta’ awtentiċità tal-prodott turistiku lokali. Dan, jgħid ir-rapport, huwa riżultat tan-nuqqas ta’ Maltin li jaħdmu fis-settur.
Ir-rapport jitkellem dwar it-turismophobia. Jikkummenta fuq il-preokkupazzjoni tar-residenti fil-lokalitajiet turistiċi. Dawn ir-residenti huma ferm inqas entużjażmati bit-turiżmu minn dawk li ma jaħbtux mat-turist kull minuta.
Dan jaqbel ma’ studju li sar minn akkademiċi fl-Università ta’ Malta fl-2020. Lino Briguglio u Marie Avellino kienu ippubblikaw studju ntitolat Has over-tourism reached the Maltese Islands. Huma kienu emfasizzaw li hemm ħtieġa ta’ politika turistika li tħares bis-serjetà lejn il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tat-turiżmu.
Għax it-turiżmu hu attività li tiżviluppa fil-komunità. Hi l-komunità kollha li teħtieġ li tkun assigurata li bħala riżultat ta’ dan, il-kwalità tal-ħajja ta’ ħadd ma tmur għall-agħar!
It-turiżmu m’għandux ikun dwar in-numri ta’ turisti li jiġu fostna, inkella dwar kemm jonfqu miljuni ta’ euro jew kemm dawn jikkontribwixxu għall-Prodott Gross Nazzjonali. It-turiżmu huwa dwar il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
Il-profitabilità tas-settur m’għandhiex tkun limitata għall-parametri fiskali. Għax it-turiżmu mhux biss dwar it-turist: hu dwarna lkoll.