Editorjal | Mhux ir-rapporti fuq il-midja jdgħajfu lill-Oppożizzjoni! Il-PN stess dgħajjifha
Il-PN ma jistax jibqa' sejjer hekk. La għalih imma ħafna aktar minn hekk, lanqas għad-demokrazija. Twaħħlux fil-midja, il-midja xogħolha qed tagħmel. Tfittxux lilhinn mill-għatba tad-Dar Ċentrali, għax l-istat li fih jinsab il-PN huwa mertu ta' deċiżjonijiet li ttieħdu mill-għatba 'l ġewwa, mhux mill-għatba 'l barra
Bħal-lum ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar kif - skont hu - l-Oppożizzjoni "tiddgħajjef". Forsi ma ġietx innutata, jew ġiet u bosta ddeċidedew li ma jirreaġixxux, imma f'punt minnhom Grech qal li l-Oppożizzjoni tiddgħajjef ukoll bil-mod kif jinkitbu ċerta rapporti, qed nassumu li qed jirreferi għall-rapporti fuq il-midja.
Din mhux l-ewwel darba li pubblikament u anke privatament Grech ilmenta dwar il-midja, dwar il-mod kif - skont hu - jinkitbu r-rapporti u fuq l-poddata ta' Jon Mallia kien saħansitra ilmenta li l-istejjer dwaru ma jkunux fuq nett tal-portals u ġieli jintgħażlu ritratti li jġiegħluh jidher f'dawl ikrah.
Jiddispjaċina nfakkru lil Grech li l-midja indipendenti mhux qegħda hemm biex toqgħod tinċensa lin-nies, speċjalment lill-politiċi. Anzi qegħda hemm biex tkun għassies u tikkritika fejn hemm bżonn u jekk hemm bżonn tkun inċiżiva fil-kritika tagħha, hekk se tkun. Basta tkun ġusta, ma tkunx personali u basta l-kritika li tagħmel tagħmilha mhux għax ippreġudikata kontra xi ħadd, imma għax hekk temmen li huwa fl-aħjar interess tal-pajjiż.
L-argument ta' Grech huwa li jekk bil-kritika tagħha l-midja indipendenti "ddgħajjef" lill-Oppożizzjoni - propju għax tikkritikaha, mela allura dik il-midja qed isaħħaħ lill-Gvern. Argument mill-aktar bażwi!
Filwaqt li huwa veru li l-Gvern qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet u allura fuqu hemm ir-responsabilità tal-iggvernar u filwaqt li veru wkoll li huwa l-Partit Laburista li kellu nies involuti f'oxxenitajiet bħal dik tal-VGH u l-Panama Papers, dan ma jfissirx li se nagħmlu bħall-istorja tal-Imperatur li kien għarwien u kulħadd qagħad jgħidlu li liebes sabiħ! Dak xogħol il-midja tal-partiti u l-propogandisti, mhux tagħna.
Taf xi jdgħajjef lill-Oppożizzjoni?
Xi konġura f'nofs leġiżlatura biex jitneħħa Kap elett demokratiment, li wasslet għax-xeneġġati, l-għajjat, tgħajjir u gwerra interna dannuża ta' xhur sħaħ. Biex snin wara din l-istess konġura u gwerra l-PN mar għal elezzjoni b'Kap ġdid li suppost kellu jibda jirranġa ftit l-affarijiet u minflok tilef b'39,500 vot - rekord assolut mill-gwerra!
Taf xi jgħajjef lill-Oppożizzjoni?
Il-politika tat-tkeċċijiet u tal-'apartheid'. Il-politika li titfa' lin-nies fil-ġenb, għax xjuħ, għax kienu Ministri fi żmien Gonzi, għax ma jbaxxux rashom u jilgħaqu l-ħin kollu. Politika li ilha toħloq għedewwa lill-PN sa mill-2008. Daqshekk ilu, il-PN b'din il-politika li jitfa' fil-ġenb lil min ma jaqbilx miegħu.
Qabel l-2013 kull min esprima ħsieb kontra l-mod kif kien qed imexxi l-PN jew favur il-bidla kien mogħti l-ġenb u virtwalment iffuċillat, irredikolat u attakkat. B'mod kontinwu u orkestrat. Fuq quddiem, Franco Debono u miegħu mijiet oħrajn.
Wara l-2013 - kull min forsi ħaseb li l-Labour huwa aħjar fit-tmexxija tal-pajjiż, forsi għax anke hu gawda mid-deċiżjonijiet u miżuri li ħa - għandu jew m'għandux raġun - kien imlaqqam "korrott" u "ġaħan."
Wara l-2017 kull min kien ma' Delia kien attakkat, mogħti l-ġenb, mgħajjar u insulentat. "Ħamalli"., "injoranti" u nistgħu niqbgħu għadddejjin. Sakemm Delia tneħħa biex suppost bdew żminijiet aħjar.
Wara l-2022 - minkejja t-telfa madornali li ħa - il-PN baqa' għaddej fl-istess triq distruttiva. Jiġġieled man-nies tiegħu stess.
Jason Azzopardi, ingħata l-ġenb. Tista' ma taqbilx miegħu, tista' ma taqbilx ma' dak li jgħid. Pero' partit li tilef bi kważi 40,000 vot jaffordja jarmi lin-nies, b'kappriċċ u jgħajjarhom skaduti?
Mario Galea, eks Deputat Nazzjonalista, li hu stess pubblikament qal: "Għamluli (il-PN) ħajti infern."
U jiddispjaċina se jkollna infakkru - u minn hawn insellmu l-memorja tiegħu - pero' Robert Arrigo mhux mogħti l-ġenb kien? Hu stess qal li waqt il-kampanja lanqas fuq palk ma ħallewh jitla', hu stess qal li l-PN weġġgħu aktar mill-weġġgħatu marda. Hu stess qal - fl-aħħar diskors tiegħu: "Tagħtux tort lin-nies mweġġa' li jitkellmu fuq il-midja soċjali. Dieqa u togħma qarsa għandi... lili qaluli li kont biss kapaċi biex niġbor il-flus." Hekk kien qal Arrigo fl-aħħar diskors tiegħu bħala Viċi Kap quddiem Bernard Grech stess.
Ġimgħa ilu biss - dak li kien President ta' Team Start u issa rriżenja qal li nies fit-team ta' Bernard Grech (!!) qed jfixxkluh biex jakkwistaw il-poter.
Partit li jdur għal niesu u għal kapijiet tiegħu stess. Dak idgħajjef lill-Oppożizzjoni, mela rapport fuq gazzetta!
Taf x'idgħajjef ukoll lill-Oppożizzjoni?
Dokument ta' qabel baġit, mimli żbalji, b'ħafna kliem kbir u sabiħ li meta tagħsru ssib li huwa nieqes ħafna minn dak li qed jinkwieta lin-nies. Dokument li bħalu ħarġu oħrajn fl-aħħar ġimgħat u nistiednu lill-PN jara d-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ, għax jidhrilna li huwa l-aktar wieħed li sar b'element ta' professjonalità u li qajjem punti pertinenti.
Il-Gvern qed jagħmel u għamel bosta żbalji li diffċli jinħafru u li dan l-editorjal qatt ma ddejjaq ikun skjaċċanti fuqhom. Dan il-Gvern daqs kemm għamel ġid, għamel ukoll ħniżrijiet li għandna u se nibqgħu nitkellmu dwarhom. F'dawn l-aħħar ftit Ħdud ma ddejjaqna xejn inkunu editorjalment ħorox mal-Labour, fejn jidhrilna li ħaqqu! Imma dan ma jneħħi xejn mill-qagħda mwiegħra u diżastruża li fiha jinsab il-PN.
Il-PN ma jistax jibqa' sejjer hekk. La għalih imma ħafna aktar minn hekk, lanqas għad-demokrazija. Twaħħlux fil-midja, il-midja xogħolha qed tagħmel. Tfittxux lilhinn mill-għatba tad-Dar Ċentrali, għax l-istat li fih jinsab il-PN huwa mertu ta' deċiżjonijiet li ttieħdu mill-għatba 'l ġewwa, mhux mill-għatba 'l barra.
U mela r-rapporti fuq il-midja...